Bażilika li ħafna Papiet kellhom devozzjoni lejha

Print Friendly, PDF & Email

Santa Maria Maggiore tinsab fuq il- għolja tal-Esquilino f’Ruma. Din hija l-unika Bażilika Patrijarkali fost l-erbgħa li hemm f’din il-belt, li żammet l-istruttura paleo-Kristjani tagħha.

Skond it-tradizzjoni, l-Verġni Marija nnifisha għażlet l-għolja tal – Esquilino għall-bini tal-knisja. Jingħad li Hija dehret fil-ħolma kemm lill-Patrijarka Ġwanni kif ukoll lill-Papa Liberju, u talbet li tinbena knisja f’ġieħa fuq il- post li Hija wriet. Filgħodu tal-5 ta’ Awwissu, l-għolja tal-Esquilino kienet mgħottija kollha bil- borra. Il-Papa Liberju penġa fil- borra l-perimetru tal-Bażilika li kellha tinbena, u Ġwanni ħallas l-ispejjez ta’ din il-knisja l-ġdida. M’hemm l-ebda fdalijiet ta’ din il-knisja, ħlief ftit linji fil-Liber Pontificalis, li juru li l-Papa Liberju “Fecit basilicam nomini suo iuxta Macellum Liviae“, li tfisser bena l-bażilika b’l-isem tiegħu stess (jiġifieri l-Bażilika Liberjana) ħdejn il-Macellum ta’ Livia.

Skavi li saru dan l-aħħar taħt il-knisja li hemm illum, ma wrew l-ebda fdalijiet ta’ dan il – bini l-antik. Iżda, ġew misjuba monumenti arkeoloġiċi ta’ valur kbir, bħal kalendarju tat-tieni jew tielet seklu WK u l-fdalijiet ta’ ħitan Rumani.

Il-Bażilika tal – llum tmur lura għall- ħames seklu WK. Il-bini tagħha huwa marbut mal-Konċilju ta’ Efesu li sar fil-431 WK, fejn ġiet pproklamata Marija, bħala l-Omm ta’ Alla, Theotokos. Sistu III ħallas l-ispejjez għall- dan il – proġett bħala Isqof ta’ Ruma. L- oġett li jagħmel speċjali lill- Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore huma l-mużajċi, li hemm fiha li ġew ikkummissjonati mill-Papa Sistu III, li huma mwaħħlin tul in-navi u madwar l-arkata trijonfali. Il-mużajċi tan- navi juru erbgħa fatti Bilbliċi li jinkludu lill- Abram, Ġakob, Mose u Ġoswe. Meta wieħed jarhom kollha f’daqqa, huma maħsuba biex juru l-wegħda ta’ Alla, li ta art lill-poplu Lhudi, u l-għajnuna tiegħu waqt li jaħdmu biex jilħqu l-għan tagħhom.

Pittura sabiħa tat- twelid ta’ Kristu minn Francesco Mancini kienet ikkummissjonata mill-Papa Benedittu XIV. Bejn il-kolonni joniċi, taħt il-mużajċi, Ferdinando Fuga għamel sensiela ta’ pannelli ta’ basso riliev maħduma minn Mino del Reame li juru t-twelid ta’ Kristu, il-Miraklu tal- borra, t-twaqqif tal-Bażilika mill – Papa Liberju, t-tlugħ is-sema tal- verġni Marija u l-Adorazzjoni tal- Maġi. Il-kanopew veru sabiħ li jitla fuq l-altar prinċipali kien iddisinjat ukoll minn Ferdinando Fuga.

Wara li l- Papa Girgor XI reġa lura min Avignon madwar is -sena 1377, huwa bena it- torri tal-kampnar fuq stil – Ruman. Dan huwa għoli 75 metru u huwa l-ogħla wieħed li hemm f’Ruma. Il-kampnar fih ħamest iqniepel, li waħda minnhom, msejħa “La Sperduta,” jew “il-mitlufa”, tindaqq kull filgħaxija fid-disa’ biex tfakkar il- fidili għat-talb.

Il-Presepju Mqaddes

Taħt l-altar maġġur hemm kripta, li kienet ikkummissjonata mill-Papa Piju IX biex iżomm ir-relikwa qaddisa tal-Presepju Mqaddes. Ir-relikwarju huwa tal- kristall u għandu forma ta’ maxtura, li fih biċċiet tal- injam antik, li skont it-tradizzjoni, huma parti mill-maxtura fejn Ġesù twieled għalina. L-urna prezzjuża tal-kristall kienet iddisinjata minn Giuseppe Valadier u mogħtija lill-Bażilika mill-Ambaxxatur tal-Portugall għas-Santa Sede.

L-istatwa tal-Papa Piju IX għarkubtejh fejn qed iqim bl- imħabba din ir-relikwa li fiha l-biċċiet mill- maxtura, sservi bħala eżempju għall-fidili li jmorru jaraw il-presepju tal-Feddej. L-istatwa tal- Papa Piju IX, li għamel id-domma tal-Konċepiment Immakulat tal- Verġni Marija, ġiet skolpita  minn Ignazio Jacometti u mqegħda fil-kripta mill-Papa Ljun XIII. Id-devozzjoni tal- Papa Piju IX lejn il- Presepju ta’ Kristu, wassluh biex jikkummissjona l-kappella tal-kripta. L- arma tiegħu għadha tidher l- fuq mill-artal.

Il- bini mill- ġdid tal- “Presepju” bħala tifkira tal-ġrajja tat-twelid ta’ Kristu, beda fil- 432 meta l-Papa Sistu III (432-440) ħoloq ġewwa l- Bażilka primittiva, l- għar tat- twelid ta’ Kristu, bħal dak li hemm ġewwa Betlemme. Bosta pellegrini wara ż-żjara tagħhom lejn l-Art Imqaddsa, ġabu magħhom biċċiet prezzjużi mill- għar mqaddes (cunambulum), li issa huma miżmuma f’relikwa tad-deheb.

Matul is-sekli ta’ wara, diversi Papiet ħadu ħsieb ta’ l-Għar qaddis, sakemm il-Papa Nikola IV fl-1288, ikkummissjona skultura tat-twelid ta’ Kristu minn Arnolfo di Cambio.

Matul is-snin seħħew ħafna bidliet u xogħlijiet ta’ bini mill- ġdid fil-Bażilika. Meta l-Papa Sistu V (1585-1590) xtaq jibni l-Kappella l-kbira tas-Sagrament Imqaddes (Sistina) fin- navi tal-lemin, talab lill-perit Domenico Fontana jittrasferixxi, mingħajr ma’ jżarma, l- “għar antik tat-twelid ta’ Kristu” bil- fdalijiet tal-iskultura ta’ Di Cambio.

F’dan il-għar uniku, wieħed isib ukoll it-tliet Maġi, liebsa b’ilbies u żraben fini, u San Ġużepp li qed jammiraw b’sens ta’ stagħġib u qima l-miraklu tat-Tarbija f’ħoġor l-Madonna msaħħna mill-baqra u l-ħmara.

Il-Bażilika Patrijarkali ta’ Santa Maria Maggiore tirrenja bħala ġawhra vera fil-kuruna tal-knejjes ta’ Ruma. It-teżori sbieħ tagħha huma ta’ valur kbir, u juru r-rwol tal-Knisja bħala l-benniena taċ-ċivilita artistika Nisranija f’Ruma. Għal kważi sittax-il seklu, Santa Maria Maggiore kellha l-pożizzjoni tagħha bħala s-Santwarju tal-Verġni Marija u t-twelid ta’ Kristu, u kienet kalamita għal pellegrini minn madwar id-dinja kollha li ġew lejn il-Belt Eterna biex jaraw is-sbuħija, tal-Bażilika.

Nixtieq nagħlaq din il- kitba billi nawgura lill- qarrejja kollha Milied qaddis.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm

%d bloggers like this: