Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-XXXIV ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Ħarġu swaba’ ta’ id ta’ bniedem, u bdew jiktbu.
Dan 5, 1-6.13-14.16-17.23-28

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

F’dak iż-żmien, 1is-sultan Beltassar għamel ikla kbira lil elf mill-kbarat tiegħu, u quddiem dawn l-elf qabad jixrob l-inbid. Kif daq l-inbid, Beltassar bagħat iġib it-tazzi tad-deheb u tal-fidda, li missieru Nabukodonosor kien ġieb mit-tempju ta’ Ġerusalemm, biex minnhom jixrob is-sultan u l-kbarat tiegħu, in-nisa tiegħu u l-konkubini l-oħra li kellu. Imbagħad daħħlu t-tazzi tad-deheb li kienu nġiebu mis-santwarju ta’ Alla f’Ġerusalemm, u minnhom xorob is-sultan u kbaratu, in-nisa tiegħu u l-konkubini li kellu. Xorbu l-inbid, u faħħru l-allat tad-deheb u tal-fidda, tal-bronż u tal-ħadid, tal-injam u tal-ġebel.

Minnufih ħarġu swaba’ ta’ id ta’ bniedem, u bdew jiktbu biswit il-gandlier, fuq il-ġir tal-ħajt tal-palazz tas-sultan. Is-sultan raha dik l-id miftuħa hi u tikteb. Imbagħad is-sultan wiċċu tbiddel u ħsibijietu ħasduh, il-ġogi ta’ ġenbejh inħallu, u rkupptejh bdew iħabbtu ma’ xulxin.

Imbagħad daħħlu lil Danjel quddiem is-sultan. Is-sultan qabad jgħid lil Danjel: “Inti hu Danjel, minn ulied l-itturufnati ta’ Ġuda, dawk li s-sultan missieri kien ġieb minn Ġuda? Jien smajt fuqek li int għandek fik l-ispirtu tal-allat, u li fik instab dawl, għaqal u għerf liema bħalu. Jiena smajt fuqek li inti tista’ tagħti tifsir u tħoll problemi tqal. Issa, jekk tista’ taqra l-kitba u tgħarrafni t-tifsira tagħha, inti tilbes il-porpra u kullana tad-deheb ma’ għonqok, u tkun it-tielet fil-ħakma tas-saltna”.

Imbagħad Danjel wieġeb u qal quddiem is-sultan: “Ħa jibqgħu għalik ir-rigali tiegħek, u d-doni tiegħek agħtihom lil ħaddieħor. Madankollu l-kitba naqrahielu lis-sultan, u nagħtih it-tifsira tagħha. Int ridt titgħolla fuq Sid is-smewwiet, ġabulek quddiemek it-tazzi tat-tempju tiegħu, u minnhom xrobt l-inbid int u l-kbarat tiegħek, in-nisa tiegħek u l-konkubini li għandek; u faħħart l-allat tal-fidda u d-deheb, tal-bronż, tal-ħadid u tal-ħatab, li la jaraw, la jisimgħu u lanqas jagħrfu; imma lil Alla, li f’idejh tinsab ħajtek u triqatek kollha, inti ma tajtux ġieħ. Imbagħad minn quddiemu kien mibgħut tarf ta’ id u kitba, din li nkitbet. U din hi l-kitba li nkitbet: Mene, Teqel, Parsin.

It-tifsira tal-kliem hija din: Mene, Alla għadd il-jiem ta’ saltnatek u temmha; Teqel, intiżint fil-miżien u kont misjub nieqes fil-piż; Parsin, saltnatek hija maqsuma u mogħtija lill-Medi u lill-Persjani”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dan 3, 62.63.64.65.66.67

R/. (59b): Faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej. R/.

ierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej. R/.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej. R/.

Bierku, irjieħ kollha, il-Mulej. R/.

Bierek, nar u sħana, il-Mulej. R/.

Bierek, bard u ksieħ, il-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Apok 2, 10ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqa’ fidil sal-mewt, jgħid il-Mulej,
u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.
Lq 21, 12-19

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih. U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu