It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
It-Tlieta
QARI I
Alla jfarraġ lill-poplu tiegħu.
Iż 40, 1-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi!
– jgħid Alla tagħkom.
Kellmu lil qalb Ġerusalemm
u għidulha li ntemm il-jasar tagħha,
tħallset ħżunitha,
ħadet mingħand il-Mulej darbtejn għal dnubietha kollha”.
Leħen jgħajjat:
“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,
wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
Jintradam kull wied,
u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;
kull art imħabbta titwitta
kull art imħarbta ssir maqgħad.
U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,
għax fomm il-Mulej tkellem”.
U leħen qal: “Għajjat”.
U jien weġibt: “X’ngħajjat?”
Għid: Kull bniedem ħaxix,
u sbuħitu bħal ward ir-raba’;
jinxef il-ħaxix, jidbiel il-ward,
meta minn fuqhom jgħaddi nifs il-Mulej.
– Bħal ħaxix il-poplu –
Il-ħaxix jinxef, u l-ward jidbiel,
iżda l-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.
Itla’ fuq il-muntanja għolja,
int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;
għolli leħnek bil-qawwa kollha,
int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;
għajjat, la tibżax.
Għid lill-ibliet ta’ Ġuda: “Hawn hu Alla tagħkom!
Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,
u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.
Hawn hu bi ħlasu miegħu,
u r-rebħa tiegħu quddiemu.
Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
bi driegħu jiġmagħha,
u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 95 (96), 1-2.3 u 10aċ.11-12.13
R/. (ara Iż 40, 9-10): Sidi l-Mulej ġej bil-qawwa
Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu!
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu. R/.
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.
Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”
Hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.
Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. R/.
Quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jum il-Mulej hu fil-qrib:
hu jiġi biex isalvana.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Alla ma jridx li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar.
Mt 18, 12-14
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom x’jidhrilkom? Jekk wieħed raġel ikollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fuq l-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfu. Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu