Priedka tal-Milied 2015


Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, il-Belt Victoria

Shalom! Is-Sliem u l-paċi magħkom. F’dan il-lejl ta’ skiet u ħemda, ta’ paċi u sliem, ta’ mħabba u għaqda nixtieq inwasslilkom messaġġ ta’ tama, imħabba, u ħniena. Jiena jisimni Ruben. U l-kuġina li llum qiegħda miegħi jisimha Shamira. Ġejjin mill-Belt ta’ Beit Shemesh. Hija belt antika ħafna fil-Palestina. Biżżejjed ngħidilkom li isem beltna diġà jissemma fil-Bibbja preċiżament fil-2 Ktieb tas-Slalten kapitlu 6. Hemm insibu li meta l-Arka tal-Patt li l-Poplu ta’ Israel kien tilef fil-ġlieda tiegħu mal-Filistej hija u ġejja lura għand l-Israeliti l-ewwel belt li daħlet fiha kienet propja l-belt tagħna: Beit Shemesh: li bl-ilsien Lhudi tifsser id-Dar ix-Xemx jew aħjar it-tempju tax-xemx. Din x’aktarx issemmiet hekk b’rabta ma’ alla xemx li fl-imgħoddi kien jingħata qima fl-inħawi tagħna. Beit Shemesh tiġi xi 90 kilometru bogħod minn Ġerusalemm u xi 60 kilometru minn Belt oħra li tant tissemma f’dawn il-ġranet għeżież tal-Milied. Din hija l-belt żgħira ta’ Betlem. U propju fuq hekk ser nitkellmu llejla f’din ir-riflessjoni qasira tagħna f’dan il-lejl għażiż.

Fil-familja tagħna li hija familja Lhudija Nisranija jirrakkuntaw storja ħelwa b’rabta mat-twelid ta’ Ġesù Bambin li tmur lura sekli twal. Il-bużnanniet tagħna kienu nies raħħala li kienu jirgħu l-merħliet tagħhom fl-għelieqi għammiela ta’ Beit Shemesh. Dak iż-żmien Beith Shemesh għalkemm tissemma diversi drabi fl-Iskrittura Imqaddsa ftit li xejn kienu jafu biha. Il-familji tagħna kellhom diversi meddiet tal-art li minnhom il-familja kollha tagħha li kienu dejjem familji numerużi kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom.

Kienu minn dejjem familji reliġjużi. Kull nhar ta’ Sibt sakemm kienu jħaddnu r-reliġjon Lhudija kienu jaraw li josservaw bis-sħiħ il-jum tas-Sibt bħala Jum il-Mulej u kienu attenti li joqogħdu għall-preċetti tal-imħabba t’Alla u tal-proxxmu. Mill-inħawi fejn kellhom id-djar il-familji tagħna mhux l-ewwel darba li kienu jgħaddu vjaġġaturi bil-mixi li kienu jitolbu lin-nanniet tagħna Eżekjel u Mirjam biex jaqtgħu l-għatx tagħhom bl-ilma frisk li kien hemm fil-bir faċċata tar-remissa kbira li kellna mad-dar u jistrieħu għad-dell tar-rummiena li nannu kien ħawwel fil-qrib. In-nanniet tiegħi kif ukoll iz-zijiet numerużi li dejjem kellna fil-familji tagħna, ma kinux jaħsbuha darbtejn biex joffru l-għajnuna u l-wens lil min kien jitlobhom, għax malajr kienu jiltaqgħu mal-ħars ikrah tan-nanniet tiegħi. Fejn tidħol l-imħabba u l-ħniena n-nanniet tagħna dejjem riedu li wliedhom iħaffu u jagħtu minnufih u mill-qalb. Anzi kienu jinsistu li għandek tħalli x-xogħol li tkun qed tagħmel biex tagħmel xogħol ikbar, isbaħ, u iktar siewi u taqdi l-proxxmu tiegħek li jitfaċċa għall-għarrieda jitolbok ħniena.

Mela niftakru jirrakuntaw li darba fost l-oħrajn, kien għall-ħabta tal-ewwel jiem ta’ Diċembru ta’ sena minnhom, filwaqt li x-xemx kienet ġa nofsha għabet wara l-għoljiet li hemm fil-qrib il-belt tagħna, jilmħu koppja ta’ vjaġġaturi resqin lejn id-dar tagħhom. In-Nannu Eżekjel, ma kienx ilu wisq li reġa’ lura mir-raba’ tiegħu u kien ġa daħħal il-merħla fil-maqjel tiegħu. In-Nanna Mirjam kienet qiegħda ssaħħan xi ħaġa tal-ikel għan-nannu u z-zijiet tiegħi. In-Nannu qagħad jistenna quddiem ir-remissa biex isellem u jagħti l-lejl it-tajjeb lil din il-koppja ta’ vjaġġaturi li kienu għaddejjin ċeklem ċeklem minn dawk l-inħawi. F’daqqa waħda ħaġa li ma tistennhiex: il-ħmara li kienet qed takkumpanja lil dik il-koppja żagħżugħa għotrot f’waħda mill-ħofor li kien hemm quddiem id-dar tan-nanniet tiegħi. Il-Mara żagħżugħa li kienet riekba fuq il-ħmara spiċċat mal-art imbenġla bil-waqgħa u b’qatgħa kbira fuqha. In-nanniet u z-zijiet tiegħu meta raw dan kollu iseħħ quddiem għajnejhom telqu jiġru ħalli jagħtu l-għajnuna. Lill-mara żagħżugħa daħħluha tiġri fid-dar tagħhom u xarrbulha wiċċha bl-ilma frisk li tellgħu mill-bir tagħha. Lir-raġel għenuh ipoġġi lill-ħmara mill-ġdid fuq saqajha imma mal-ewwel indunaw li l-ħmara weġġgħet sew sieqha tal-lemin u infetħitilha ferita mhux żgħira. Ir-raġel instaram bis-sħiħ u nfixel quddiem dak li ma kienx mistenni. Kien kważi ser jibda jaqta’ qalbu quddiem dak li ġralhom. Imma n-nannu tiegħi kien pront jassigurah li kien lest li jgħinu f’dak kollu li għandu bżonn u serraħlu rasu li mhux ser iħallihom nieqsa minn xejn minħabba dak li ġralhom. Lill-ħmara daħħluha fir-remissa u n-nannu ordna lil tnejn miz-zijiet tiegħi li kienu mdorrija jdewwu l-feriti tal-annimali biex jidilku l-ferita tal-ħmara b’għasel mill-ifjen u jorbtulha l-ferita tagħha b’biċċa għażel nadif li n-nanna kienet dejjem iżżomm għal li jista’ jinqala’. Meta għaddiet il-qatgħa lir-raġel u lill-mara, in-nanniet tagħna offrewlhom li jgħaddu l-lejl magħhom f’kamra ħdejn ir-remissa li n-nanniet tagħna kienu dejjem iżommu għal-lest jekk xi vjaġġatur jitlobhom ftit tal-kenn f’xi lejla xitwija.

Waqt li kienu madwar il-mejda biex jaqsmu l-ftit ikel sħun li n-nanna kienet ħejjiet saru jafu li din il-koppja jisimhom Marija u Ġużeppi. Kienu ilhom xi jiem mhux ħażin neżlin mill-belt tal-Galilea ġewwa Nażaret u kienu fi triqthom lejn il-Belt ċkejkna ta’ Betlem biex ikunu jistgħu jinkitbu fiċ-ċensiment li kien ordna l-Imperatur ta’ dak iż-żmien Ċesari Awgustu.

L-ikbar uġigħ ta’ ras li Ġużeppi ma setax joqgħod kwiet fuqu kien minħabba l-qagħda tal-mara tiegħu Marija li kienet qed tistenna tarbija u xtaq li bla telf ta’ żmien iħaffef ħalli jfittex jasal fil-belt tiegħu Betlem. Imma kif ser jasal biex jagħmel dan jekk il-ħmara li kellu issa hija feruta u qajla tista’ timxi? Quddiem dan it-tfixkil in-nannu ma ħasibhiex darbtejn. Filwaqt li taptap bil-pala t’idu fuq spallejn Ġużeppi qallu li l-vjaġġ jistgħu jkompluh mill-għada stess u hu kien lest li jofffrilhom li jieħdu l-ħmara tiegħu għall-kumplament tal-vjaġġ. Imbagħad meta jkunu għaddejjin lura jerġgħu jagħtuhielu. Imma Gedeon wieħed miz-zijiet tiegħi rrabbja meta sema’ dan għax qalbu kienet wisq marbuta mal-ħmara Geduda tan-nannu Eżekjel. Min jaf kemm kien imellisha u jifrixielha ħuxlief u tiben biex torqod komda billejl. U min jaf kemm tema’ għasel tajjeb meta tkun ma tiflahx. Dan kollu ġab quddiem għajnejh iz-ziju Gedeon filwaqt li qarras wiċċu u tnikket bis-sħiħ. In-Nannu meta ra dan ħaddan lil Gedeon u assigurah li min jagħti minn qalbu ma jitlifx imma jirbaħ, u min ibati biex jaqsam dak li għandu, il-ġid jitkattarlu. Fehmu wkoll li ma jistgħux iħallu lil din il-koppja u ma jgħinuhiex. Qalb Gedeon inħallet quddiem dan il-kliem għaref u bi sforz ħalla lin-nannu jmexxi hu. Ftehmu għalhekk li l-ħmara feruta jżommuha fir-remissa tistrieħ. U Geduda tmur ma’ Marija u Ġużeppi Betlem.

Ma għaddewx wisq jiem meta fl-inħawi ta’ Betlem ġriet ix-xniegħa ta’ ġrajja kbira. Hemm ġewwa għar ’l barra mill-belt ta’ Betlem xebba żagħżugħa welldet tarbija fil-ħemda tal-lejl. Is-smewwiet imtlew bi ġgajtiet kbar ta’ Anġli jkantaw “Glorja ‘l Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin tad-dinja kollha”. Issemmew li din it-tarbija hija tarbija speċjali għax tliet slaten mill-Orjent immexxijin minn kewkba tiddi ġew jadurawh u ġabulu r-rigali tad-deheb, inċens u mirra. Fl-inħawi kulħadd kien miblugħ b’dak li ġara u ħafna bdew jistaqsu x’għad ikun dan it-tifel. Xi wħud staqsew jekk hux il-Messija mistenni.

In-nanniet tiegħi minn Bejt Shemesh semgħu b’dawn il-ġrajjiet u stennew bil-ħerqa li xi darba jerġgħu jiltaqgħu ma’ dik il-familja li kienu laqgħu fi djarhom. M’għaddewhx wisq jiem meta jilmħu fil-bogħod fit-tarf tal-belt lil Marija u Ġużeppi ġejjin lura. Marija bit-tarbija fi ħdanha kienet riekba fuq dahar il-ħmara Geduda tan-nannu. Iz-zijiet kollha telqu jiġru jifirħu bihom. Imma l-iktar li ġera kien Gedeon li ma waqafx jgħannaq u jbus lil Geduda li raha mill-ġdid wisq iktar sabiħa minn qabel. In-nanniet stennewhom fuq l-għatba tal-bieb u tawhom merħba kbira. Kien hemm ferħ kbir li qatt ma kien ra bħalu fid-dar tan-nanniet tiegħi. Ġużeppi b’għajnejh mixgħulin b’dawl tas-sema irrakonta t-twelid tal-għaġeb tat-tarbija Ġesù u fisser kif f’ħolma l-Anġlu kien tarraflu min kienet ser tkun din it-tarbija: Ġesù l-tant mistenni Messija. Fisser l-għaġeb tiegħu quddiem il-ġrajja tat-twelid: dak il-kant sabiħ tal-Anġli fil-ħemda tal-lejl, il-paċi li għannew lill-bnedmin ta’ rieda tajba, u l-qima tar-ragħajja sempliċi. Fuq kollox magħhom fl-għar kien hemm il-ħmara Geduda li saħħnet lill-Bambin Ġesù bin-nifs tagħha.

Kemm feraħ Gedeon meta sema’ bix-xorti sabiħa li messet lill-ħmara ċkejkuna tiegħu li tant kien iħobb. Għajnejh faru bi dmugħ ta’ ferħ kbir. In-Nannu Eżekjel li kien jara iktar fil-bogħod qabeż u qal li veru l-ħmara kienet ixxurtjata imma kienu iktar ixxurtjati huma lkoll bħala familja li minħabba l-ħniena li urew ma’ Ġużeppi u Marija f’mumenti ta’ ħtieġa kbira Alla ppremajhom b’waħda mill-ewwel preżenzi ta’ Ġesù tarbija. Min irid jiltaqa’ ma’ Alla tasssew, temm jgħid in-nannu l-ewwel irid jarah fil-proxxmu batut u mwarrab. U jkun lest li jbati meta jagħti minn qalbu. Mhux Ġesù stess qalilna: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, bil-għatx u sqejtuni, għeri u libbistuni, barrani u lqajtuni, marid u l-ħabs u ġejtu żżuruni”. Jekk jirnexxielu jarah b’dawn l-għajnejn tal-fidi allura jkun tassew jista’ jara lil Alla minn din id-dinja stess.

Għalhekk Ġesù Bambin, f’din is-sena tal-ħniena nduru lejk u nitolbok biex tnissel f’qalbna sentimenti ta’ ħniena u mogħdrija ma’ kull bniedem li niltaqgħu miegħu fil-mixja tagħna. Tina l-grazzja li mill-imħabba ta’ qalbna nuru ħniena u mogħdrija ma’ kulħadd. Li nkunu lesti li naqsmu mill-ikel u x-xorb tagħna, minn ħwejjiġna ma’ dawk l-inqas ixxurtjati, ma’ dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom, ma’ dawk li mhumiex maħbuba, ma’ dawk li huma mwarrba. Agħtina li bl-għajnejn tal-fidi narawk moħbi fil-persuna ta’ dawn in-nies li semmejna. Agħmel li qlubna jkollhom il-bibien tagħhom dejjem imbexxqa u miftuħin lesti li jilqgħu lilek moħbi taħt kull barrani li jitlobna l-għajnuna. Agħtina l-grazzja li niltaqgħu miegħek ħalli nagħfsuk ma’ qalbna mimlija mħabba għalik u nkunu nistgħu ngħidulek mill-qalb:

Viva Ġesù Bambin.