Priedka tal-Milied 2014


Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, il-Belt Victoria

Jisimna Kamil u Salima. Ġejjin mill-belt sabiħa ta’ Mosul fil-pajjiż tal-Iraq. Naħseb li dan l-aħħar smajtu ħafna bina fl-aħbarijiet. Aħna ġejna hawn f’dan il-lejl għażiż tal-Milied biex naqsmu magħkom l-istorja tagħna. Hija storja mimlija tiġrib imma wkoll ukoll mumenti kbar ta’ kuraġġ, mimlija mumenti ta’ biża imma fl-istess waqt mimlija wkoll mumenti ta’ ferħ, mumenti ta tensjoni imma wkoll mimlija mumenti ta’ paċi u sliem tal-qalb.

Se nibdew billi nkellmukom dwar il-familja tagħna. L-ewwel nett nixtiequ ngħidulkom li aħna minkejja li ngħixu f’pajjiż fejn il-parti l-kbira jħaddnu l-fidi islamika aħna nagħmlu parti minn komunità kbira ta’ Nsara. Sa ftit snin ilu fl-Iraq biss kien hawn madwar 2 miljuni Nsara. U f’Mosul biss kien hawn madwar mitejn elf Nisrani. Trabbejna u għexna ta’ Insara għax il-familji tagħna għarfu jkunu fidili għal għażliet li għamlu ta’ qabilhom u għax emmnu li fit-tagħlim tan-Nazzarenu jinsab il- ferħ tassew u l-paċi dejjiema. Fil-familja tagħna konna l-għożża mhux biss tal-ġenturi tagħna imma konna l-għożża tan-nanniet tagħna li kienu joqogħdu qribna. Għalkemm lin-nanniet konna inħobbuhom l-istess, konna però nħossu ftit imħabba iżjed lejn in-Nanna Miryam.

In-Nanna Miryam kienet mara twajba tassew. Kienet mara li kellha qalb kbira ħafna. Kienet tqum filgħodu kmieni biex l-ewwel nett tlesti il-kafè u l-ħobż mixwi għan-nannu Ġona. Imbagħad kient tlesti frott imqadded ħalib u għasel tan-naħal għalina n-neputijiet biex xħin nisbħu filgħodu jkollna għaliex immorru niġru f’darha. Sakemm inqumu aħna imma, n-nanna Miryam kienet tkun ġa għamlet l-ewwel ħidmiet tagħna fl-għelieqi li l-familji tagħna kellhom ftit passi ‘l bogħod minn darna. Peress li dawn l-għelieqi kienu taħt għolja qrib il-vilaġġ tagħna, n-Nanna Miryam kienet tbati ħafna biex tinżel taħdem fihom. U kienet tbati ukoll biex titla’ minn passaġġ dejjaq u perikoluż. Min jaf kemm-il darba wissitna lilna t-tfal meta konna mmorru magħha biex noqogħdu attenti ħalli ma naqgħux. In-Nanna kienet tħobb tgħidilna li mnalla kienu dawk l-għelieqi ta’ taħt il-għolja li kienu providenza kontinwa għall-familji tagħna speċjalment fi żmien ta ħtieġa. F’dawk l-għelieqi n-nanna kellha minn kollox, imma l-iktar li kienet tkabbar kien il-qoton li fil-pajjiż tagħna kien iġib kemxa flus ġmielha. Kienet tkabbar ukoll frott minn kull xorta. Kienet tifraħ bi kbir meta s-siġar jagħmlu, ħalli l-ewwel nett ikollha x’tagħti lilna imbagħad jkollha wkoll xi tqassam. Kemm kienu tieħu pjaċir tagħti mill-frott tal-għelieqi tagħna lil xi familji musulmani ħbieb tagħna.

Aħna n-neputijiet konna nħobbu mmorru għand in-nanna Miryam. Konna nħobbu nisimgħuha tirrakonta tant stejjer sbieħ dwar il-ħajja ta’ Ġesù. Kienet tgħidilna kemm Ġesù jħobb it-tfal u li jixtieq li kulħadd jgħix fis-sliem u l-paċi. Darba kienet qaltilna li kellha x-xorti sabiħa li tmur pellegrinaġġ l-art fejn twieled u għex Ġesù. Marret ukoll Betlem il-post tat-twelid. Minn hemm xtrat bambin ċkejken tal-Milied il-ġmiel tiegħu. Il-Bambin kien tal-ġibs tal-forma u kien imħawwah. Allura n-Nanna ħadet ħsieb li tiksilu l-qiegħ tiegħu b’kartuna irqieqa. Meta kienet tagħtihulna biex inżommuh f’idejna kienet toqgħod b’sebgħa għajnejn biex ma jaqagħlniex. Kemm għalmitna talb sabiħ in-nanna quddiem dan il-Bambin! Dan il-Bambin sar l-għożża tal-familja tagħna meta n-nanna tagħna mgħobbija biż-żmien għalqet għajnejha għal din id-dinja. Pero’ bqajna nieħdu ħsiebu bl-istess imħabba tan-nanna tagħna.

Din l-istorja tagħna ta’ sliem u ħajja mimlija paċi fil-familji tagħna sentejn ilu nbidlet fi storja ta’ tensjoni u ġlied swied il-qalb u tbatija. Lilna l-Insara ta’ Mosul grupp ta estremisti Islamiċi bdew jarawna koroh. Waqqfu stat ieħor fil-belt tagħna u darba waħda ħabta u sabta fid-dalma tal-lejl ġew is-suldati u talbuna nitilqu minn djarna. Sfajna mkeċċija. Tlaqna b’ta’ fuqna senduqna. Il-Ma ul-Pa ħadu ħsieb li jitfgħu ftit ħwejjeġ ġo borża taċ-ċarruta u tlaqna biex naħarbu mill-qilla tal-ġlied li faqqa madwarna. Ħafna nsara ħutna ġew feruti jew maqtula. Il-knejjes Insara tagħna ġew imwaqqa’ jew mibdula f’moskej. Il-Kurċifiss tal-Katidral ta’ Sant’Efrem ġie sfigurat. Postijiet Insara ġew meqruda. Qabadna biża’ kbir għax ma konniex nafu fejn sejrin u kif se nispiċċaw. Imma qalb dik it-tensjoni kollha kien hemm xi ħaġa li mlitilna l-qalb ċkejkna tagħna bil-kuraġġ u t-tama. Kien hemm l-Bambin tan-Nanna Miryam lil-Pa ħa ħsieb li jġeżwru sewwa f’kaxx żgħira tal-inja. F’dawk il-mumenti ta’ tiġrib kien għalina sur ta’ qawwa u kurraġġ.

Darba fost l-oħrajn waqt li bħala familja konna qed nistennew f’kamp ta refuġjati qrib is-Sirja biex naħarbu mill-post tal-ġlied ġara li ħija mar iġib il-Bambin tan-nanna biex nagħmlu t-talb tagħna quddiemu. Dak il-ħin waqt li kien ġej bl-għaġġla bih, missierna sema’ bħal ħoss kurjuż ġo fih. Il-kużità għelbitu u qatta’ biċċa mill-kartuna irqieqa li l-Bambin kellu fil-qiegħ. B’sorpriża għalina ħarġet qalb ċkejkna tad-deheb. Dik il-qalb kulħadd għarafha. Kienet qalb ċkejkna li kienet tinfetaħ fi tnejn u li n-Nanna Miryam kient tħobb iddendel m’għonqa. Il-Papà u l-Mamà tagħna fetħu din il-qalb bil-mod u x’taħsbu li sabu? B’għaġeb kbir sabu karta żgħira mitnija għall-iktar minn darba. Il-Papa fetaħha bil-mod u sab talba miktuba b’id in-nanna stess.

Il-Papà b’vuċi miksura beda jaqrahielna. Kienet tgħid hekk:

“Għażiż Ġesù minn dan l-imkien għażiż ta’ Betlem, il-post tat-twelid tiegħek nixtieq nagħmillek talba ħerqana għall-bnedmin kollha. Int ġibt ferħ kbir fil-jum tat-twelid tiegħek għax wasaltilna l-ħelsien u l-ferħ li l-Missier tas-sema ħejja għalina. Int tixtieq li aħna lkoll ngħixu jiem ħajjitna fuq l-art fis-sliem u l-paċi tiegħek.F’jum twelidek l-Anġli għannew dan is-sliem lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Agħti dan is-sliem għalhekk lil uliedek kollha kull fejn jinsabu imma l-iktar lil dawk li bħalissa l-iktar għandhom bżonnu. Nitolbok Ġesù Bambin bierek lill-familji tagħna u tinsiex tħares in-neputijiet sbieħ tiegħi Kamil u Salima li nixtieq ħafna li jitilgħu jħobbuk u jkunu ħbieb tal-vanġelu tiegħek. Agħmel li dan il-ferħ li jinħass fl-Għar ta’ twelidek nibqa’ nġorru kuljum sakemm niltaqa’ miegħek fil-ferħ ta dejjem. U bilħaqq ħdejja meta tilqagħni għandek poġġi lil Salima u Karim”

Għal dan il-kliem sabiħ xfar għajnejna faru bl-emozzjoni. Imma fl-istess waqt kliem in-nanna mela lil qalbna bil-kurraġġ għax emminna li Ġesù ser jgħinna u ser jisma’ t-talbtan-nanna tagħna. Infatti, mank laħaq għadda ħafna żmien li ma ġiex wieħed ħabib Nisrani qrib tal-familja tagħna li qalilna li fil-jiem li ġejjin hemm dgħajsa kbira lesta għalina biex tbegħdna mill-post tal-qerda u gwerra. Tlaqna mal-familji tagħna ma’ grupp ta iktar minn 250 ruħ. Ma kienx vjaġġ komdu. Xi uħud bdew jimirdu. Oħrajn ma felħux għal qawwa ta-xemx jew is-saħħa tal-mewġ li beda jaħbat fuq id-dgħajsa tagħna. L-affarijiet bdew jsiru aktar diffiċli meta d-dgħajsa tagħna bdiet tagħmel l-ilma. Ħsibna li se negħqu kollha. Kienu mumenti tal-biża’. Kemm tlabna lil Ġesù u l’Ommu Marija biex insalvaw! F’dawk il-mumenti, dak il-Bambin tan-Nanna Miryam biss kien il-qawwa tagħna.. Kemm ħaddanieh ma’ qalbna f’dawk il-mumenti ta’ biża’, u qtigh il-qalb. Kemm tlabnieh ħerqana biex jibgħat lil xi ħadd jiġi jgħinna u jsalvana minn dawk id-dlamijiet meta konna ninsabu bejn sema u art f’nofs ta baħar imqalleb.

U l-Bambin sema’ talbna. Darba għal ħabta ta’ nofsilejl smajna bħal ħoss ta’ lanċa riesqa lejna. Għal bidu kulħadd beża’. Imma meta l-lanċa resqet lejna rajna tperper bandiera żgħira bajda u ħamra. Kienet il-bandiera ta’ Malta, gżira li aħna smajna biha minn dawk li kellhom ix-xorti jaslu ħajjin fuq din il-ġżira kenn ta’ paċi u art ħanina. Ħadna r-ruħ! Ma ridnix nemmnu lil għajnejna meta kulħadd tela’ salv fuq din il-lanċa li l-Mulej bagħtilna. Dħalna fil-Port il-Kbir ta Malta fil-ġimgħa tal-Milied ta’ sena ilu u sibna diversi infermiera u nies tal qalb tajba jistennewna. Laqgħuna b’imħabba liema bħalha. Ġabulna gvieret ħoxnin biex isaħħnuna u ikel tajjeb biex imantnina. B’sorpriża kbira sibna li l-Maltin għandhon l-istess twemmin tagħna. Lilna laqgħuwna bl-istess imħabba li l-Insara jilqgħu lill-barranin bħal ħuthom għax fihom jaraw lil Ġesù stess. Illum għandna dar tagħna u ħafna ħbieb Maltin. Għalhekk f’dal lejl qaddis meta niftakru f’dan kollu, filwaqt li nroddu ħajr lil Ġesù Bambin ta kemm ħabbna u bagħat lil miniħobbna ujgħinna nixtiequ nsellmulu b’talba ċkejkna tagħna.

Bierek O Ġesù d-dinja kollha u agħmel li l-bnedmin kollha jsiru aħwa ta’ xulxin. Agħmel li jieqfu l-gwerer, il-ġlied u l-firda fost il-bnedmin. Bierek lil dawn il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex li qed jilqugħna u jħobbuna bi mħabba kbira u agħmel li jkun hawn kullimkien il-paċi li int ġibt bit-twelid għażiż tiegħek.

Viva Ġesù Bambin!