It-Talba ta’ David (3)


Riflessjoni fuq paragrafi mill-katekeżi tal-Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2020 fil-biblijoteka tal-Palazz Appostoliku.

Riflessjoni 3

“David, li kien jaf x’inhi s-solitudni, fir-realtà, waħdu ma kien qatt! U fil-verità din hi l-qawwa tat-talb, f’dawk kollha li jagħtuh spazju fil-ħajja tagħhom. It-talb ikabbrek, u David kien kbir għax kien jitlob. Imma kien qattiel li talab, nidem u reġa’ sar kbir grazzi għat-talb. It-talb ikabbarna: jista’ jiżgura r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, li hu l-veru Sieħeb fil-mixja tal-bniedem, qalb l-elf taħbit tal-ħajja, tajjeb jew ħażin: imma hemm dejjem it-talb. Grazzi, Mulej. Qed nibża’, Mulej. Għinni, Mulej. Afħirli, Mulej. Kbira hi l-fiduċja ta’ David li, meta kienet ippersegwitat u kellu jaħrab, ma ħalla lil ħadd jiddefendih: “Jekk Alla tiegħi qed jumiljani daqshekk, huwa jaf”, għax il-kobor tat-talb jitlaqna f’idejn Alla. Dawk l-idejn miġruħa bl-imħabba: l-uniċi jdejn li żgur jieħdu ħsiebna.” – Il-Papa Franġisku

Il-Papa jsostni li “David kien kbir għax kien jitlob.” Anke meta tilef il-kobor tiegħu, talab u reġa’ sar kbir. Aħna wkoll nistgħu nerġgħu nsibu l-kobor tagħna permezz tat-talb.

David kellu fiduċja f’Alla sa minn meta kien żgħir. Sfida lil Goljath, suldat b’saħħtu, mhux biss bl-iżbandola, imma b’din il-fiduċja, li baqgħet miegħu fil-ġrajjiet imqallba bħala re fi żmien ta’ rebħiet u telfiet, ta’ tradimenti u f’kultura ta’ tpattija li David irnexxielu jirbaħ bil-manswetudni tiegħu. Kien juża l-kwalita’ tiegħu ta’ wieħed li kapaċi jaħfer, biex Alla jisma’ t-talb tiegħu. Jgħidlu: “Mulej, ftakar f’David u fil-manswetudni tiegħu!” San Ġorġ Preca jgħid li “l-manswet, min għandu l-virtu’ tal-maħfra, għandu l-paċi f’qalbu u hu mismugħ fit-talb tiegħu”.

Kif seta’ jinqala’ mid-dnub tiegħu kieku ma kellux dik il-familjarita’ ma’ Alla? Is-salmi tiegħu fihom varjeta’ ta’ talb, ta’ tifħir lil Alla, talb għall-protezzjoni mill-ghedewwa, talb għall-maħfra, u talb ta’ ferħ u ringrazzjament. 

Tajjeb li aħna wkoll niskopru t-talb fil-ħajja tagħna. Niskopru l-importanza tiegħu. Għax jista’ jkun li nsejna li minbarra l-ħiliet tagħna, il-progress fil-mediċina, l-avvanz fit-teknoloġija hemm il-qawwa tat-talb. Veru dak li qal Ġesu’: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn!” Imissna tgħallimna kemm dan hu veru.

Nitgħallmu nitolbu bis-salmi. Nitolbu għal dak li hu l-iktar importanti. Għax jiġri li nitolbu meta jkollna l-mard, xi eżami jew bżonn ieħor, u ma nitolbux għas-saħħa ta’ ruħna. Nieħdu l-eżempju mqar minn dawn il-versi ta’ David li juruna x’inhu dak li l-aktar għandna nitolbu.

“Ħaġa waħda tlabt minn għand il-Mulej

u lilha rrid:

li ngħammar f’dar il-Mulej

il-jiem kollha ta’ ħajti,

biex inħoss il-ħlewwa tal-Mulej

u nitgħaxxaq bit-tempju tiegħu.”

Minn Joe Galea