Dun Karlu Manchè. Kappillan b’fama ta’ qdusija (1905-1950)

Print Friendly, PDF & Email

Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2020 jkun is-70 anniversarju mill-mewt tas-Saċerdot Dun Karlu Manchè’. Huwa tieled il-Belt Valletta fit-22 ta’ Settembru 1905 u kien ordnat saċerdor fit-22 ta’ Settembru wkoll tas-sena 1928.

Dun Karlu nħatar it-tieni Kappillan tal-parroċċa tal-Gżira fl1935. Hu kien kapaċi jirbaħ l-ostakli li kellu quddiemu. Fost dawn insemmu: tempju li tlesta millġebel u hu ried ifornih bil-bankijiet, konfessjonarji, artali, pitturi, eċċ. Kellek ix-Xatt bi ħwienet tal-baħrin bil-problemi ta’ prostituzzjoni u t-tieni gwerra dinjija li matulha l-Gżira ġarrbet ħafna ħsara u hu baqa’ hemm jassisti mal-feruti u dawk li jmutu.

Ħajja Evanġelika

Dun Karlu ħabrek kemm felaħ biex jgħix il-Vanġelu. Kien bniedem ta’ talb, umli u karitattiv. Kien jidher fih ukoll spirtu ta’ ċaħda u abborriment lejn is-sentimenti taddinja. Kuljum, wara li jagħlaq l-uffiċċju, minn nofsinhar sannofs siegħa kien jagħmel ilmeditazzjoni. Minbarra t-talb tal-brevjar xi drabi kien joħroġ passiġġata fid-dlam ma’ xi ħadd jirreċita r-Rużarju. Filgħaxija, wara li s-sagristan ikun għalaq il-knisja, kien jidħol (għax id-dar kienet tinfed) u jagħmel ħin twil quddiem Ġesù Sagramentat. Fr Emidio Cremona OFM qal dwaru: “Jekk trid tara l-fidi ta’ Fr Manchè, arah iqaddes”. Hu kien jagħmel regolarment, kull sena, l-irtir ta’ ġimgħa. Nhar ta’ Ħamis kien imur id-dar ta’ Dun Pawl Galea f’San Ġiljan biex iqerr u jieħu d-direzzjoni spiritwali. Kien bniedem umli minkejja li kien imżejjen b’ħafna talenti. Kien jitkellem bi tmien lingwi, idoqq tajjeb diversi strumenti mużikali u kapaċi jidderieġi l-kant Gregorjan.

Minkejja dawn it-talenti kollha dejjem użahom għall-ġid. Kien jistmerr it-tifħir. Jekk, wara prietka, xi ħadd kien imur jifraħlu, kien iwieġeb: “Agħti prosit mhux lili imma lill-awturi li fuqhom ippreparajt il-prietka. Kien karitattiv, jagħti minn dak li kellu, anki jekk jibqa’ nieqes hu. Dwar l-ispirtu ta’ ċaħda ngħidu li hu ma kellu ebda rabta ma’ dak li kien jippossjedi. Jekk kien jara lil xi ħadd japprezza xi oġġett milli kellu, hu malajr kien jgħidlu: “Ħudu! Jekk ma teħdux int, jieħdu ħaddieħor”. Kien iħobb jiċċaħħad ukoll minn deżerta wara l-ikel. Kien jgħid (waqt li kien jerfa’ sebgħu ‘l fuq lejn s-sema): “Aħna l-frott neħduh fil-ġenna”.

Iressaq ħafna erwieħ lejn Alla

Kien ifittex kull okkażjoni biex jagħmel il-ġid mhux biss filparroċċa tiegħu imma wkoll fost il-barranin. Kien imfittex għallqrar u d-direzzjoni spiritwali. Bħala konfessur kellu paċenzja u kliem ta’ inkoraġġiment li jwassal lill-penitent għall-indiema u l- maħfra. Dwar id-direzzjoni spiritwali kien jirriserva l-jum tal-Erbgħa wara nofsinhar biex jilqa’ lil dawk li kienu jixtiequ pariri biex jgħixu ħajja ta’ qdusija. Meta kien jara sinjali ta’ vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża jew saċerdotali kien jinkuraġġiha. Għadd sabiħ ta’ tfajliet daħlu b’riħtu malAgostinjani fosthom tlieta minn ħutu. Kellu ammirazzjoni kbira lejn il-Ħajja Konsagrata u meta kienu jmorru għandu tfajliet għall-qrar u kien jarahom ma kellhomx ħsieb ta’ żwieġ, kien jinkuraġġihom jgħixu ħajja ċelibi “biex ikunu Għarajjes ta’ Kristu”. Kien iħeġġeġ ukoll lil oħrajn għall-appostolat. Kien hu li ħajjar lil Carmen Carbonaro biex tgħid kelma spiritwali fil-programm tagħha Il-Mara tad-Dar li kien jixxandar kuljum fuq ir-Rediffusion.

Ġid ieħor attribwit lill-Kappillan Manchè kien il-konverżjoni ta’ Protestanti, nies tas-Servizzi Ingliżi, baħrin, suldati u piloti li xtaqu jikkonvertu għall-fidi kattolika. Fil-predikazzjoni kellu kelma persważiva, jadatta ruħu għal kull kategorija ta’ nies, saċerdoti, gradwati jew nies komuni. Ġieli attenda l-Arċisqof Gonzi għal Eżerċizzi pprietkati minnu. Kellu speċjalità kbira għall-ispjega tal-katekiżmu lill-kbar u liż- żgħar li kien isir nhar ta’ Ħadd   wara nofsinhar tant li kienu jiġu nies minn parroċċi oħra jisimgħuh.

Jissogra ħajtu

Xi ngħidu mbagħad għallħidma tiegħu fi żmien il-gwerra? Kemm irriskja ħajtu u kemm ħa ħsieb feruti u mejtin! Ġieli kien filperiklu tal-mewt. Imma l-aktar li dehret fih ħeġġa kien li jsalva l-erwieħ tattfajliet u nisa mill-vizzju talprostituzzjoni. Għal dil-ħidma hu uża l-industrija kollha ta’ moħħu u l-enerġija tiegħu, b’sogru ta’ ħajtu, tant li darba, hu u sejjer lura d-dar mingħand il-Freres, qala’ xebgħa kbira u xeħtuh mal-art jokrob bl-uġigħ sakemm ġiet  omm Fr Joe Bartolo u tatu l-għajnuna.

Darb’oħra raġel mar f’daru biex jisparalu imma inzerta li dak il-ħin tfaċċa Twanny Farrugia u r-raġel ħarab jiġri. Meta Twanny staqsieh jirrapportax lill-Pulizija, Dun Karlu ma riedx. Lit-tfajliet li kien jirnexxilu jaqlagħhom mill-vizzju kien jeħodhom l-istitut tal-Bon Pastur, jekk ikunu adulti residenti kien jipprovdilhom dak kollu meħtieġ: affarijiet bħal ikel, xi saqqu u friġġ; meta ma kienx ikollu, kien jittallab għalihom lil tal-ħwienet.

Relazzjoni ma’ San Ġorġ Preca u San Piju tal-Pjagi  Il-kappillan Manchè kellu relazzjoni ma’ dawn iż-żewġ qaddisin meta kienu għadhom ħajjin. Il-kappillan bħala katekist famuż, kif ukoll Dun Ġorġ bħala l-fundatur tal-MUSEUM, inħatru mill-Arċisqof Gonzi biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-Kummissjoni Kateketika tad-djoċesi. Meta Dun Karlu kien marid serjament, soċja tal-MUSEUM penitenti tiegħu marret għand Dun Ġorġ u qaltlu biex jitlob għall-Kappillan għax kien marid serjament. Dun Ġorġ f”daqqa waħda qalilha: “Jien naf!”. Imbagħad isserja u kompla: “Kull filgħaxija narah fil-kamra tiegħu jitgħannaq ma’ Alla” u taha domna biex tagħtihielu. Wara, dis-soċja rat lill-Kappillan miġbur quddiem Ġesù Sagramentat u ssugrat tmur fuqu u qaltlu li Dun Ġorġ kien bagħatlu domna u tathielu. Dun Karlu rringrazzjaha u qalilha li anki Patri Piju kien bagħatlu domna.

Dun Karlu kellu bħala motto għal ħajtu versett bil-Latin li kien jarah kuljum għax kien iżommu fil-ktieb tal-meditazzjoni: Quod faciendum est cituit faciendum est, li bil-Malti jfisser: “Dak li għandek tagħmel agħmlu mill-aktar fis”. Minn dan jidher li għalih iż-żmien kien wisq prezzjuż. Kull ħin talġurnata kien ħin opportun biex fih jeżerċita mħabbtu li kellu lejn Alla f’atti ta’ pjetà u f’opri ta’ ħniena lejn il-proxxmu. Imnalla kien hekk għax il-Mulej tah biss ħajja ta’ 45 sena li, għalkemm f’għajnejna tidher qasira, kienet mimlija b’għemejjel tajba li, kif jgħid hu, “il-frott irridu neħduh fis-sema”.

Kitba ta’ Lawrence Formosa S.D.C. – Deher fil-Leħen il-Ħadd 12 ta’ Novembru 2017

Nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru 2020  fid-9:15 pm, Radju Malta ser ixandar feature qasir dwar Carlo Manche’ waqt il-programm “Int u Jien”.

Ara wkoll …

Parish Priest Carlo Manché – “A Great Christian”. By Mons. Prof. Arturo Bonnici …

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading