Lezzjoni II: San Fabjan


20 ta’ Jannar. SAN FABJAN, PAPA U MARTRI

Tifkira

Fis-sena 236 ħatruh isqof tal-Knisja ta ’ Ruma, u mexxa l-Knisja għal erbatax il-sena. Ħa l-martirju fis-sena 250, fil-bidu tal-persekuzzjoni ta’ Deċju, skond S. Ċiprijanu; difnuh fiċ-ċimiteru ta’ Kallistu.

Fl-tJffiċċju tal-qari

Lezzjoni II

Qari minn Ittra ta’ San Ċiprijanu, isqof u martri, u minn oħra tal-Knisja Rumana fuq il-martirju tal-Papa San Fabjan

(Epist. 9:1 u 8:2-3)

Fabjan jagħtina eżempju ta fidi u qawwa

Meta sar jaf bil-mewt tal-Papa Fabjan, San Ċiprijanu bagħat din 1-ittra lill-presbiteri u djakni ta’ Ruma:

“Ħuti għeżież, kienet ġriet fostna x-xniegħa tal-mewt ta’ dak ir-raġel tajjeb, ħija fl-episkopat; imma konna għadna ma nafux sewwa, min jgħid ħaġa u min oħra.

Imbagħad waslitli l-ittra tagħkom li bgħattuli mal-arċidjaknu Kremenzju. Hekk sirt naf tajjeb bil-mewt glorjuża tiegħu, u fraħt ħafna bit-tagħrif li tajtuni dwar it-tmiem ta’ ġieħ li bih għalaq l-amministrazzjoni sħiħa tiegħu.

Nifirħilkom ħafna talli qegħdin tagħtu xhieda tassew sabiħa u kbira għalih, biex permezz tagħkom insiru nafu aħjar x’kontu tħossu għall-mexxej tagħkom ta’ tifkira glorjuża, u aħna nieħdu minnu eżempju ta’ fidi u qawwa.

Għax jekk il-waqgħa tal-mexxej hi ta’ ħsara kbira għal dawk li jagħmlu bħalu u jaqgħu, daqshekk ieħor hu ta’ ġid u fejda l-isqof li jagħti lil ħutu eżempju ta’ fidi sħiħa”.

Kif jidher, qabel ma waslitlu din l-ittra, il-Knisja ta’ Ruma kienet ġa bagħtet xhieda tal-fedeltà tagħha fil-persekuzzjoni lill-Knisja ta’ Kartaġni:

“Il-Knisja tinsab qawwija fil-fidi, għalkemm xi wħud ingħafsu mill-biża’ u ċedew: uħud minnhom nies għolja, oħrajn waqgħu għax beżgħu mill-bnedmin. Iżda għalkemm infirdu minna, aħna ma tlaqnihomx, imma ħeġġiġniehom u għadna nħeġġuhom biex jindmu, jekk b’xi mod jistgħu jaqilgħu l-maħfra mingħand min jista’ jagħtihielhom. Ma ridniex nitilquhom, għax inkella setgħu jagħmlu agħar.

Qisu mela li intom ukoll għandkom tagħmlu bħalna, biex tħeġġu lil dawk fostkom li diġà waqgħu ħalli jindmu, u, jekk jerġgħu jarrestawhom, jistqarru l-fidi tagħhom u jkunu jistgħu jsewwu l-iżball ta’ qabel. Qegħdin nibagħtulkom ukoll twissijiet oħra dwar xi jmisskom tagħmlu, biex dawk li ġġarrbu u bdew iħossu ruħhom dgħajfa, jekk jindmu u jixtiequ jerġgħu jidħlu fix-xirka tagħna, tagħtuhom kull għajnuna li jmisskom; għax sew ir-romol u l-imsejkna li ma jistgħux joħorġu, sew dawk li huma fil-ħabs jew imkeċċijin minn djarhom, dawn kollha għandhom isibu min jaqdihom; hekk ukoll il-katekumeni li juru ruħhom dgħajfa, ma għandhomx ikunu mqarrqa, imma jkollhom min jgħinhom.

Isellmulkom l-aħwa li huma fil-ħabs, il-presbiteri u l-Knisja kollha li qiegħda tgħasses b’ħerqa kbira fuq dawk kollha li jsejjħu isem il-Mulej. U aħna wkoll nitolbukom biex niftakru f’xulxin”.

RESPONSORJU

Fil 1:23; 3:8; 1:21; 2:17

1. Nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu; jiena ngħodd kollox bħala telf, kollox ngħodd bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu; * Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.

2. Mqar kieku kelli nxerred demmi fuq il-vittmi u s-sagrifiċċji għall-fidi tagħkom, jiena nifraħ u nithenna magħkom ilkoll. * Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.

Talba

O Alla, ġieħ tas-saċerdoti tiegħek, agħtina1-għajnuna tat-talb ta’ San Fabjan biex bħalu nkunu qawwija fil-fidi u naqduk kif jixraqlek. B’Ibnek.