Fl-istess jum 20 ta’ Jannar: SAN SEBASTJAN, MARTRl
Tifkira
San Sebastjan twieled Milan; mar Ruma u sofra l-martirju fil-bidu tal-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu fl-ewwel snin tas-seklu erbgħa. Sa mill-eqdem żminijiet l-insara dejjem taw ġieħ kbir lill-fdalijiet tiegħu midfuna fil-katakombi li jinsab f’Via Appia ‘ ad Catacumbas.
Fl-Uffiċċju tal-Qari
Lezzjoni II
Qari mit-Tifsir tal-isqof San Ambroġ fuq is-Salm mija u tmintax
(In Ps 118, cap. -20:43-45 48)
Xhieda tajba għal Kristu
Bi tbatijiet kbar jinħtiġilna nidħlu fis-saltna ta’ Alla. Jekk ħafna huma 1-persekuzzjonijiet, ħafna hu t-tiġrib; fejn hemm ħafna kuruni, hemm ħafna taqbidiet. Mela jiswielek ta’ ġid jekk hemm ħafna persekuturi, biex fost ħafna persekuzzjonijiet issib b’ħeffa akbar kif tikseb il-kuruna. Nieħdu l-żempju ta’ San Sebastjan, li llum qegħdin nagħmlu t-tifkira tal-martirju tiegħu.
Dan twieled Milan. Jista’ jkun li l-persekutur kien diġà telaq minn dawn l-nħawi, jew kien għadu ma ġiex ’l hawn, jew kien rattab qalbu. Sebastjan ra li hawnhekk ma kienx hawn taqbid; jew li t-taqbid kien qiegħed jonqos.
Għalhekk telaq għal Ruma, fejn il-fidi mħeġġa kienet għaddejja minn persekuzzjonijiet ħorox; hemmhekk ħa l-martirju, jiġifieri hemmhekk kiseb il-kuruna. Hemm, mela, fejn wasal bħala barrani, waqqaf l-għamara tiegħu tal-ħajja ta’ dejjem bla tmiem. Kieku kien hemm persekutur wieħed biss, dan il-martri żgur ma kienx jikseb il-kuruna.
Imma, dak li hu l-agħar, il-persekuturi m’humiex biss dawk li jidhru, iżda hemm oħrajn li ma jidhrux, u f’għadd wisq akbar.
Għax bħalma sultan persekutur wieħed kien jibgħat id-digrieti tal-persekuzzjoni tiegħu lil ħafna, u bħalma kien hemm pesekutur f’kull belt jew provinċja, hekk ukoll ix-xitan imexxi l-ħafna qaddejja tiegħu, li jippersegwitawna mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa fir-ruħ ta’ kull wieħed minna.
Dwar dawn il-persekuzzjonijiet intqal li dawk kollha li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù jgħaddu mill-persekuzzjoni. Għal kulħadd qal, ma ħalla ’l ħadd barra. Għax min jista’ jitħalla barra, jekk il-Mulej stess għadda mit-tiġrib tal-persekuzzjoni?
Min jaf kemm kuljum hemm fil-moħbi martri ta’ Kristu li jistqarru lil Sidna Ġesù! L-Appostlu kien jaf x’inhu dan il-martirju u din ix-xhieda tajba għal Kristu, għax qal: Il-ftaħir tagħna hu x-xhieda tal-kuxjenza tagħna.
RESPONSORJU
1.Dan il-qaddis tqabad sal-mewt għall-liġi ta’ Alla tiegħu, u ma beżax mit-tehdid tal-ħżiena: * Għax kien mibni fuq il-blat.
2. Huwa maqdar il-ħajja tad-dinja u kiseb is-saltna tas-sema. * Għax kien mibni fuq il-blat.
Talba
Imliena Mulej, bl-Ispirtu tal-qawwa, u ħeġġiġna bleżempju sabiħ ta’ San Sebastjan, martri tiegħek, biex nitgħallmu nobdu aktar lilek milli l-bnedmin. B’Ibnek.