Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II f’Rio de Janeiro

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL- BRAŻIL. MELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
WAQT L-ORDINAZZJONI TA’ SACERDOTI ĠODDA
. Rio de Janeiro, 2 ta’ Lulju 1980

Meqjumin ħuti u għeżież uliedi.

1. Din is-siegħa hija sollenni. Il-Mulej jinsab hawn preżenti f’nofsna. Biex jaċċertana dwar dan biżżejjed il-wegħda tiegħu: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, jien ninsab f’nofshom” (Mt 18,20). Huwa f’ismu li ninsabu hawn miġburin għall-ordinazzjoni saċerdotali ta’ dawn iż-żgħażagħ li jinsabu hawn quddiem dan l-altar. Fuqhom, magħżulin mill-art meraviljuża tal-Brażil bi mħabba ta’ preferenza, Ġesù se jniżżel, minn hawn u ftit ieħor, l-Ispirtu tal-Missier u tiegħu. U l-Ispirtu Santu, waqt li jimmarkahom bis-siġill tiegħu permezz tal-impożizzjoni ta’ idejn l-Isqof, waqt li jagħnihom bil-grazzji u bil-poteri speċjali, se jwettaq fihom konfigurazzjoni misterjuża u reali għal Kristu, kap u ragħaj tal-Knisja, u se jagħmel minnhom ministri tiegħu għal dejjem.

Kollox sew, f’dan il-punt tar-rit, jeħtieġ nieqfu u nimmeditaw. Il-Vanġelu li smajna u ċ-ċerimonja liturġika li ġiet qabel il-qari tiegħu huma argumenti li kapaċi jiffissaw il-menti tagħna f’kontemplazzjoni bla tmiem. Huwa naturali li, f’dan il-waqt ta’ ferħ bla qies, jien ndur lejkom b’mod speċjali, għeżież  ordinandi, li intom il-mottiv ta’ din iċ-ċelebrazzjoni. U dan nagħmlu bil-kliem tal-Appostlu Pawlu: “Ftaħna fommna għalikom b’qalbna miftuħa beraħ” “(2Kor 6,11). Ix-xewqa mħeġġa tiegħi hija li ngħinkom tifhmu il-kobor u s-sinifikat tal-pass li sejrin tagħmlu. Din is-siegħa sollenni se jkollha bla ebda dubju rifless fuq is-sigħat l-oħra kollha li se jiġu warajha fil-kors tal-eżistenza tagħkom. Hemm bżonn li terġgħu lura bosta drabi għat-tifkira ta’ din is-siegħa biex tiksbu mpuls ħalli tkomplu, b’ħeġġa mġedda u ġenerożità, is-servizz li llum intom imsejħin biex teżerċitaw fil-Knisja.

2. “Jien min jien? X’inhu mitlub minni? Xinhi l-identità tiegħi?”. Hija din id-domanda anzjuża li spiss timponi ruħha llum għas-saċerdot, bla ebda dubju mhux eżentat mir-riperkussjonijiet tal-kriżi tat-trasformazzjoni li llum triegħed lid-dinja. Intom, għeżież uliedi, bla dubju ma tħossux il-bżonn li jippreżentawlkom dawn l-interrogattivi. Id-dawl li llum jinvadikom jagħtikom ċertezza kważi sensibbli ta’ dak li intom, ta’ dak li għalih intom ġejtu msejħin. Imma jistà jiġri li tiltaqgħu għada ħuti fis-saċerdozju li, meta jibred ftit l-ewwel żelu, taslu wkoll intom, jum fost l-oħrajn, biex tistaqsu dawn il-ħwejjeġ. Għal dan jien irrid nipproponilkom diversi riflessjonijiet dwar il-vera fiżjonomija tas-saċerdot, li jservu ta’ għajnuna qawwija għall-fedeltà saċerdotali tagħkom.

Mhuwiex bla dubju fix-xjenzi tal-imġieba umana, u linqas fl-istatistiċi soċjo-reliġjużi li nfittxu t-tweġiba tagħna, imma fi Kristu biss, fil-fidi. Ejjew ninterrogaw umilment lill-imgħallem divin u nistaqsu lilu min aħna, kif huwa jrid li nkunu, liema hi, quddiemu, l-identità tagħna vera.

3. Tweġiba ewlenija tingħatalna minnufuh: aħna msejħin. L-istorja tas-saċerdozju tagħna tibda b’sejħa divina, bħal ma ġara lill-Appostli. Fl-għażla tagħhom hija ċara l-intenzjoni ta’ Ġesù. Huwa hu li jieħu l-inizjattiva. Huwa stess jgħarrafhielna: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15,16). Ix-xeni sempliċi u kommoventi li jippreżentawlna s-sejħa ta’ kull dixxiplu jirrivelaw l-attwazzjoni preċiża ta’ għażliet deċisivi (cf. Lq 6,13) li dwarhom huwa utli li wieħed jimmedita.

Min jagħżel Ġesù? Ma jidhirx li huwa jqis il-klassi soċjali ta’ dawk li jagħżel (cf. 1Kor1,27), lanqas li jagħti każ tal-entużjażmi superfiċjali (cf. Mt 8,19-22). Ħaġa hija sikura: aħna msejħin minn Kristu, minn Alla. Dan ifisser: aħna maħbuba minn Kristu. maħbuba minn Alla. Irriflettejna biżżejjed dwar dan? Fir-realtà il-vokazzjoni għas-saċerdozju hija sinjal ta’ tenerezza min-naħa ta’ dak li waqt li għażilkom fost tant ħutkom, sejħilkom biex tieħdu sehem, b’mod għal kollox speċjali, għall-ħbiberija tiegħu: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għaliex il-qaddej ma jafx dak li jagħmel sidu; imma jien sejjaħtilkom ħbieb, għaliex dak kollu li jien smajt mingħand il-Missier għarraftulkom” (Ġw 15,15). Is-sejħa tagħna għas-saċerdozju, waqt li timmarka il-waqt l-iktar għoli fl-użu tal-libertà tagħna qanqlet l-għażla l-kbira u rrevokabbli ta’ ħajjitna u, allura, l-isbaħ paġna fl-istorja tal-esperjenza umana tagħna. Il-kuntentizza tagħna tikkonsisti fli ma nissottovalutawha qatt!

4. Bir-rit tas-sagra ordinazzjoni se tkunu ntrodotti, għeżież uliedi, f’ġeneru ġdid ta’ ħajja, li se jifridkom minn kollox u se jgħaqqadkom ma’ Kristu b’rabta oriġinali, indeskrivibbli u irreversibbli. Hekk l-identità tagħkom se tistagħna b’nota oħra: intom ikkonsagrati.

Din il-missjoni tas-saċerdozju mhijiex sempliċi titolu ġuridiku. Ma tikkonsistix biss f’servizz ekkleżjali mogħti lill-komunità, iddelegat minn din, u għalhekk revokabbli mill-istess komunità jew rinunċjabbli b’għażla libera tal-“funzjonarju”. Dan huwa, għall-kuntrarju trasformazzjoni reali u ntima li permezz tagħha għadda l-organiżmu soprannaturali tagħkom bl-opra ta’ “siġill” divin, il-“karattru” li jippermettilkom taġixxu  “in persona Christi” (minflok Kristu) u minħabba dan jikkwalifikakom f’konnessjoni miegħu bħala strumenti ħajjin tal-azzjoni tiegħu.

Tifhmu issa kif is-saċerdot isir “segregatus in Evangelium Dei” (magħżul biex ixandar il-Vanġelu ta’ Alla), (cf. Rm 1,1), ma jappartinix iktar lid-dinja, imma jsib ruħu minn issa ‘l quddiem fi stat ta’ propjetà esklussiva tal-Mulej. Il-karattru sagru imissu f’tali profondità li jorjenta b’mod integrali l-esseri kollu tiegħu u l-aġir tiegħu għal destinazzjoni saċerdotali. Minħabba dan fih ma jibqà xejn iktar li jistà jiddisponi bħallikieku ma kienx saċerdotali, jew, ukoll inqas, bħallikieku kien f’kuntrast mad-dinjità tiegħu. Ukoll meta jwettaq xi azzjonijiet li, min-natura tagħhom, huma ta’ ordni temporali, is-saċerdot huwa dejjem il-ministru ta’ Alla. Fih kollox, ukoll dak li huwa profan, għandu jkun saċerdotali bħal ma f’Ġesù, li dejjem kien saċerdot, dejjem aġixxa bħala saċerdot, fil-manifestazzjonijiet kollha ta’ ħajtu.

Ġesù jidentifikana b’tali manjiera miegħu fl-eżerċizzju tal-poteri li tana, u l-personalità tagħna f’ċertu sens tgħib quddiem il-personalità tiegħu  għaliex huwa hu li jaġixxi permezz tagħna. “Bis-sagrament tal-ordni – qal xi ħadd b’mod appropjat – is-saċerdot isir b’mod definittiv idonejo biex jislef lil Ġesù Sidna il-leħen, l-idejn u l-esseri kollu tiegħu. Huwa Ġesù li fil-quddiesa bil-kliem tal-konsagrazzjoni, jibdel is-sustanza tal-ħobż u tal-imbid f’dik ta’ ġismu u ta’ demmu” (cf. I. Escrivà de Balaguer, Sacerdote per l’eternità, Milano 1975, p. 30). U nistgħu nkomplu. Huwa Ġesù stess li, fis-sagrament tal-penitenza, jippronunzja l-kliem awtorevoli u patern: “Dnubietek maħfura” (Mt 9,2;Lq 5,20; 7,48; cf.Ġw 20,23). Huwa hu li jitkellem meta s-sacerdot, waqt li jeżerċita l-ministeru tiegħu fl-isem u fl-ispirtu tal-Knisja, jħabbar il-kelma ta’ Alla. Huwa wkoll l-istess Ġesù Kristu li jieħu ħsieb il-morda, it-tfal u l-midimbin, meta  jinvolvihom fl-imħabba u fl-attenzjoni pastorali tal-ministri sagri.

Kif tistgħu taraw, hawn ninsabu quddiem il-qċaċet tas-saċerdozju ta’ Kristu, li tagħhom aħna parteċipi u li ġegħlu jesprimi lill-awtur tal-ittra lil-Lhud: “Dwar dan l-argument għandna bosta ħwejjeġ xi ngħidu, diffiċli li jkunu spjegati” (Lh 5,11).

L-espressjoni “is-saċerdot huwa Kristu ieħor” maħluqa mill-intuwizzjoni tal-poplu nisrani, mhijiex sempliċi mod kif wieħed jesprimi ruħu, metafora, imma realtà meraviljuża, sorprendenti u konsolanti. 

5. Dan id-don tas-saċerdozju, ftakruh dejjem, huwa miraklu li kien imwettaq fikom imma mhux għalikom. Dan kien għall-Knisja, dak li nistgħu ngħidulu għad-dinja li għandha tiġi salvata. Id-dimensjoni sagra tas-saċerdozju hija ordnata tiotalment għad-dimensjoni apostolika, jiġifieri għall-missjoni, għall-ministeru pastorali. “Bħal ma l-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom” (Ġw 20,21).

Is-saċerdot huwa, mela, “mibgħut”. Din hija konnotazzjoni essenzjali oħra tal-identità saċerdotali.

Is-saċerdot huwa l-bniedem tal-komunità marbut b’forma totali u rrevokabbli mas-servizz tiegħu, kif il-Konċilju wera b’mod ċar (cf. Presbyterorum Ordinis, 12). Taħt dan l-aspett intom iddestinati għat-twettiq ta’ funzjoni doppja, li weħidħa hija biżżejjed għal meditazzjoni enormi dwar is-saċerdozju. Waqt li tilbsu mill-ġdid bil-persuna ta’ Kristu intom se teżerċitaw sa ċertu punt il-funzjoni tiegħu ta’ medjatur. Se tkunu l-interpreti tal-kelma ta’ Alla, dispensaturi tal-misteri divini (cf. 1Kor 4,1; 2Kor 6,4) fost il-poplu. U se tkunu qrib Alla, ir-rappreżentanti tal-poplu fil-membri kollha tiegħu: it-tfal, iż-żgħar, il-morda, u saħansitra dawk imbegħda u l-avversarji. Se tkunu l-portaturi tal-offerti tiegħu. Se tkunu leħnu tallabi u suplikanti, eżultanti u karrabi, Se tkunu l-espijazzjoni tiegħu (cf. 2Kor 5,21). 

Mkinħabba dan jeħtieġ li nipprovdu li nġorru stampata f’moħħna u f’qalbna l-kelma tal-Appostlu: “Aħna naġixxu ta’ ambaxxaturi għal Kristu, daqs li kieku Alla qiegħed isejħilkom permezz tagħna” (2Cor 5,20), biex jagħmel minn ħajjitna imitazzjoni intima, progressiva u soda ta’ Kristu redentur.

6. Għeżież uliedi, b’din l-espożizzjoni ta’ malajr ridt nurikom il-fatturi fundamentali tal-figura tas-saċerdot. 

Nixtieq issa nislet xi konsegwenzi prattiċi li se jgħinukom fit-twettiq tal-attività tagħkom saċerdotali ġewwa u barra mill-komunità ekkleżjali.

L-ewwelnett dik ekkleżjali. Tafu li d-duttrina tas-saċerdozju komuni tal-fidili, hekk b’mod wiesà mwettqa mill-Konċilju, offriet lil-lajkat l-okkażjoni providenzjali li tiskopri dejjem iktar il-vokazzjoni ta’ kull imgħammed għall-apostolat u l-impenn attiv u kuxjenti tiegħu meħtieġ fid-dmir tal-Knisja. Minn dan tiġi fjoritura vasta u konsolanti ta’ inizjattivi u attivitajiet li jikkostitwixxu kontribut inestimabbli għax-xandir tal-messaġġ nisrani kemm f’artijiet tal-missjoni kif ukoll f’pajjiżi bħal tagħkom, fejn jinħass b’mod iktar akut il-bżonn li tkun rimpjazzata temporanjament, bl-għajnuna tal-lajċi, il-preżenza tas-saċerdot.

Dan huwa bla dubju konsolanti u għandna nkunu l-ewwel li nieħdu gost b’din il-kollaborazzjoni tal-lajkat u ninkuraġġuha.

Xejn minn dan kollu iżda, u aħjar ngħiduh minnufih, ma jnaqqas bl-ebda mod l-importanza u l-bżonn tal-ministeru saċerdotali linqas ma jistà jiġġustifika impenn iċken għall-vokazzjonijiet ekkleżjastiċi. Wisq inqas jistà jiġġustifika t-tentattiv ta’ trasferiment għall-assemblea u għall-komunità il-poter li Kristu kkonċeda b’mod esklussiv lill-ministri sagri. Għandna, iva, inħeġġu b’kull mod il-kollaborazzjoni tal-lajċi. Imma fl-ekonomija tar-redenzjoni jeżistu funzjonijiet u dmirijiet – bħall-offerta tas-sagrifiċċju ewkaristiku, il-maħfra tad-dnubiet, l-uffiċċju tal-maġisteru –, li Kristu rabat essenzjalment mas-saċerdozju u li fihom ħadd, bla ma jkun irċieva l-Ordni Sagri, ma jistà jissostitwixxi. Mingħajr il-ministeru saċerdotali il-vitalità reliġjuża tissogra li tidher maqtugħa barra mis-sorsi tagħha, il-komunità nisranija li tiddiżintegra u l-Knisja li tissekularizza ruħha.

Huwa minnu li l-grazzja ta’ Alla tistà taġixxi b’mod ugwali, speċjalment fejn teżisti l-impossibiltà li jkollha ministru ta’ Alla u fejn mhemmx ħtija fil-fatt li dan ma jkunx hemm. Huwa meħtieġ iżda li ma ninsewx li l-mixja normali u sikura tal-ġid tar-redenzjoni jgħaddi permezz tal-mezzi stabbiliti minn Krisdtu u fil-forom stabbiliti minnu.

Minn hawn dak li jkun jifhem ukoll kemm għandha tkun għal qalb kull wieħed minna l-problema tal-vokazzjonijiet. Inħeġġukom li tiddedikaw għal dan il-qasam l-ewwel u l-iktar preokkupazzjonijiet qawwijin tal-ministeru tagħkom. Din hija problema tal-Knisja (cf. Optatam Totius, 2). Hija problema mportanti fost kulħadd. Minn dan tiddependi ċ-ċertezza tal-ġejjieni reliġjuż ta’ art twelidkom. Jistgħu forsi jiskuraġġukom id-diffikultajiet reali biex twasslu lid-dinja żagħżugħa l-istedina tal-Knisja. Imma jkollkom fiduċja! Ukoll iż-żgħażagħ ta’ żmienna jħossu b’mod qawwi l-ġibda lejn il-kobor, lejn il-ħwejjeġ formidabbli. Lejn l-ideali l-kbar. La titqarrqux li l-prospettiva ta’ saċerdozju inqas awster fl-esiġenzi tiegħu ta’ sagrifiċċju u ta’ ċaħda – bħal, per eżempju, fid-dixxiplina taċ-ċelibat ekkleżjastiku – jistà jżid in-numru ta’ dawk li feħsiebhom jimpenjaw ruħhom fis-segwitu ta’ Kristu. Bil-maqlub.  Din hija pjuttost mentalità ta’ fidi enerġetika u koxjenti dik li tonqos u li hija meħtieġa li tinħoloq fil-komunitajiet tagħna. Hemm fejn is-sagrifiċċju ta’ kuljum iżomm ħaj l-ideal evanġeliku u jgħolli f’livell għoli l-imħabba ta’ Alla, il-vokazzjonijiet ikomplu jkunu numerużi. Dan twettqu s-sitwazzjoni reliġjuża tad-dinja. Il-pajjiżi fejn il-Knisja hija ppersegwitata huma, b’mod paradossali, dawk li fihom l-vokazzjonijiet jiffjorixxu l-iktar, kultant saħansitra joktru.

7. Barra minn dan huwa meħtieġ li  tagħrfu, maħbubin saċerdoti, li l-ministeru tagħkom illum jiżvolġi ruħu f’ambjent ta’ soċjetà sekolarizzata, li l-karatteristika tagħha hija d-deklin progressiv tas-sagru u l-eliminazzjoni sistematika tal-valuri reliġjużi. Intom imsejħa biex twettqu fiha is-salvazzjonijiet bħala sinjali u strumenti tad-dinja nviżibbli.

Prudenti imma fiduċjużi, se tgħixu fost il-bnedmin biex taqsmu l-ansjetajiet u t-tamiet, biex tikkonslaw l-isforzi għal-libertà u għall-ġustizzja. Iżda la tħallux li tinħatfu mid-dinja, linqas mill-prinċep tagħha, l-ispirtu tal-ħażen (cf. Ġw 17,14-15). La taddattawx ruħkom għall-opinjonijiet u l-gosti ta’ din id-dinja, bħal ma jħeġġeġ Pawlu: “Timxux max-xejra ta’ dan is-seklu” (Rm 12,1-2). Inkludu, pjuttost, il-personalità tagħkom, bl-aspirazzjonijiet tagħha, fil-linja tar-rieda ta’ Alla.

Il-qawwa tas-sinjal mhix fil-konformiżmu, imma fid-distinzjoni. Id-dawl huwa differenti mid-dlam biex ikun jistà jdawwal it-triq ta’ min jinsab fid-dlam. Il-melħ huwa differenti mill-ikel biex ikun jistà jagħtih togħma. In-nar huwa differenti mis-silġ biex isaħħan il-membri tal-ġisem inġazzati bil-bard. Kristu sejħilna dawl u melħ tal-art. F’dinja ħalja u mħawda bħal tagħna, il-qawwa tas-sinjal tinsab eżattament fli nkunu differenti. Huwa jrid jiddistingwi ruħu daqs kemm iktar l-azzjoni apostolika tesiġi inseriment ikbar fil-massa umana.

Għal dan il-għan min ma jintebaħx li l-fatt tal-assimilazzjoni ta’ ċerta mentalità mondana, il-fatt li tiffrekwenta ambjenti mtajra, kif ukoll l-abbandun ta’ mod estern ta’ preżentazzjoni, distintiv tas-saċerdoti, jistgħu inaqqsu s-sensibiltà tal-valur propju tas-sinjal?

Meta nitilfu minn quddiem għajnejna dawn l-orizzonti mdawla l-figura tas-saċerdot tiċċajpar, l-identità tiegħu tidħol fi kriżi, id-dmirijiet speċifiċi tiegħu ma jiġġustifikawx ruħhom iktar u jikkontraduċu lilhom infushom, tiddgħajjef l-istess raġuni tal-eżistenza tiegħu.

U linqas din ir-raġuni tal-eżistenza ma tirkupra lilha nfisha billi nagħmlu lis-saċerdot “bniedem ta’ Kulħadd”. M’għandux jewwilla jkun hekk min jixtieq li jsegwi lill-Imgħallem divin?

“Bniedem għall-oħrajn” hekk hu s-saċerdot, bla dubju, imma bis-saħħa tal-mod speċifiku li jkun “bniedem-għal-Alla”. Is-servizz ta’ Alla huwa s-sies li fuqu jinbena s-servizz ġenwin tal-bnedmin, dak li jikkonsisti fil-ħelsien tal-erwieħ mill-iskjavitù tad-dnub u fir-ritorn lura tal-bniedem lejn is-servizz meħtieġ ta’ Alla. Infatti, Alla jrid jagħmel mill-umanità poplu li jadurah “fl-ispirtu u l-verità” (Ġw 4,23).

Jidher mela ċar sewwa li s-servizz saċerdotali, jekk verament jibqà fidil lejh stess, huwa servizz eċċellenti u essenzjalment spiritwali. Jalla llum dan ikunu aċċentwat! Kontra t-tendenzi versatili biex is-servizz jiġi sekolarizzat is-servizz tal-qassis jirriduċi ruħu għal funzjoni purament filantropika. Is-servizz tiegħu mhuwiex dak tat-tabib, tal-assistant soċjali, tal-politiku jew tas-sindakalista. F’ċerti każijiet, jistà jkun li, il-qassis li jkun f’pożizzjoni li joffri, għalkemm b’mod supplimentari, dawn is-servizzi, u, fl-imgħoddi, kien joffrihom b’mod distint. Imma llum dawn jitwettqu b’mod adegwat minn membri oħra tas-soċjetà, waqt li s-servizz tagħna jispeċifika ruħu dejjem iktar b’mod ċar bħala servizz spiritwali. Huwa fl-isfera tal-erwieħ, tar-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla u tar-rapport intern ma’ ħuthom li s-saċerdot għandu funzjoni essenzjali xi jwettaq. Huwa hawn li għandu jwettaq l-assistenza tiegħu lill-bnedmin ta’ żminijietna. Bla dubju, dejjem jekk iċ-ċirkostanzi jitolbuh jew jesiġuh, huwa ma jistax jeżenta ruħu milli joffri wkoll assistenza materjali, permezz tal-opri tal-karità u d-difiża tal-ġustizzja. Imma bħal ma għidt, jiġifieri, f’analiżi aħħarija, dan huwa servizz sekondarju li m’għandu qatt itellef minn quddiem għajnejna s-servizz ewlieni, li huwa dak li ngħinu lill-erwieħ jiskopru l-Missier, biex jiftħu lilhom infushom lilu u jħobbuh fuq kollox.

Hekk biss is-saċerdot ma jistà qatt iħoss ruħu inutli, fallut, ukoll meta jkun kostrett jiċċaħħad minn xi attivitajiet esterni. Is-sagrifiċċju qaddis tal-quddiesa, it-talb, il-penitenza, l-aħjar, anzi, tas-saċerdozju tiegħu jibqà dejjem integru bħal ma kien għal Ġesù fit-tletin sena tal-ħajja tiegħu moħbija.  Lil Alla wkoll b’dan il-mod jagħtih glorja immensa. Il-Knisja u d-dinja ma jibqgħux miċħuda minn servizz spiritwali awtentiku.

8. Għeżież ordinandi, għeżież saċerdoti, f’dan il-waqt id-diskors tiegħi jinbidel f’talba, f’talba li nixtieq nafda lill-interċessjoni ta’ Marija Santissma, Omm il-Knisja u Reġina tal-Appostli. Fl-istennija anzjuża tas-saċerdozzju intom bla dubju nġbartu qribha bħall-appostli fiċ-ċenaklu. Jalla hi tiksbilkom il-grazzji li l-iktar għandkom bżonn għall-qdusija tagħkom u għall-prosperità reliġjuża ta’ pajjiżkom. Jalla tikkonċedilkom fuq kollox l-imħabba, l-imħabba tiegħu, dak li taha l-grazzja li tiġġenera lil Kristu, biex tkunu kapaċi li twettqu l-missjoni tagħkom li tiġġeneraw ukoll intom lil Kristu fi rwieħkom.  Jalla tgħallimkom tkunu puri, bħal ma kienet hi, tirrendikom fidili għas-sejħa divina, tgħallimkom tagħrfu is-sbuħija, il-ferħ u l-qawwa kollha ta’ ministeru migħux bla riservi fid-dedikazzjoni u fis-sagrifiċċju għas-servizz ta’ Alla u tal-erwieħ. Nitolbu, fl-aħħarnett lil Marija għalikom u għalina lkoll hawn preżenti, li tgħinna biex ngħidu fuq l-eżempju tagħha, il-kelma l-kbira: “Tkun magħmula r-rieda ta’ Alla”, wkoll meta tkun esiġenti, ukoll meta forsi tkun ma tiftihemx, ukoll meta tkun għalina doloruża.

Hekk ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: