PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL- BRAŻIL OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Brasilia, 30 ta’ Ġunju 1980
Ħuti u wliedi għeżież,
1. Waqt li niċċelebraw din l-ewwel ewkaristija fl-art Brażijana, f’riġlejn is-salib, nixtieq nipprofessa flimkien magħkom il-verità fundamentali tal-fidi u tal-ħajja nisranija, li s-sagrifiċċju qaddis kollu tal-quddiesa huwa tiġdid bla tixrid ta’ demm tas-sagrifiċċju offrut fuq is-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-Knisjas tgħix b’dan is-sagrifiċċju tar-redenzjoni, fih iġġedded bla ma taqtà lilha nfisha waqt li tippellegrina għal għonq il-provi kollha tal-ħajja dinjija lejn il-laqgħa eterna f’dar il-Missier. Għas-sagrifiċċju ta’ Kristu, dawk kollha li jieħdu sehem, jgħaqqdu s-sagrifiċċji spiritwali tagħhom u, b’dan il-mod, l-ewkaristija ssir sagrament tal-komunjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla mal-Missier ċelesti u, fl-istess ħin, is-sinjal tal-għaqda fraterna fost il-bnedmin.
Ġejt mistieden biex niġi fil-Brażil. Qabel xejn b’mottiv tal-kungress ewkaristiku nazzjonali Brażiljan f’Fortaleza. Dan il-kungreaa ewkaristiku Brażiljan, l-għaxar wieħed, għandu jikkostitwixxi manifestazzjoni speċjali tal-għaqda tal-Knisja kollha fl-art Brażiljana, madwar is-sagrament tal-imħabba, li fih Kristu, waqt li tana l-istess ġismu u demmu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid, jagħmel minna offerta permanenti u apprezzata mill-Missier (cf. Orazione eucaristica III). Il-kungress ewkaristiku għandu, b’mod speċjali, juri u jesponi l-fatt li l-Poplu ta’ Alla hawn fl-art jgħix bl-ewkaristija, li minnha jikseb il-forzi tiegħu għal-isforzi ta’ kuljum u għat-taqbid fl-oqsma kollha tal-eżistenza tiegħu.
Biex nibdew minn dan is-salib, li qribu se niċċelebra l-ewwel quddiesa fl-art Brażiljana – waqt li naċċetta l-istedini li qegħdin jasluli minn diversi partijiet – nixtieq ngħaddi mbagħad minn postijiet numerużi, nagħmel kuntatt ma’ diversi ambjenti u nmiss bosta dimensjonijiet ta’ ħajjitkom biex ninkludi, f’ċertu sens, dan kollu fil-programm tal-kungress ewkaristiku. Hija xewqa tiegħi li dan il-passaġġ tiegħi minn artkom iservini ta’ tħejjija għal dak l-avveniment kbir, li fiċ-ċentru tiegħu jinsab is-sagrament tal-imħabba, bħala sors ta’ ħajja u ta’ qdusija ta’ kull wieħed u waħda u ta’ kulħadd. Nikkonsidra stadju partikulari f’dan l-itinerarju iż-żjara lis-santwarju marjan ta’ Apareċida, għaliex nemmen, bħalkom ukoll, li Omm Kristu tavviċinana b’mod partikolarment effikaċi u sempliċi għas-sagrament tal-ġisem u d-demm ta’ Binha.
2. U meta, waqt li nikkonkludi dan il-pellegrinaġġ, jiena nkun nistà nsibni viċin l-altar ġo Fortaleza, għall-ftuħ tal-għaxar kungress ewkaristiku nazzjonali fl-art Brażiljana, allura nkun nistà nħares lura fid-direzzjoni ta’ dan is-salib li dejjem u kullimkien ifakkarna fil-passjoni ta’ Kristu u f’mewtu għall-fidwa tad-dinja: sagrifiċċju bla tixrid ta’ demm li tiegħu l-ewkaristija hija sinjal dejjiemi u effikaċi.. U se nitlob lil Kristu li f’dan is-sinjal – f’dan is-sinjal għani u kbir tal-kungress ewkaristiku kollu – jinsab il-frott kollu tas-servizz kollu pastorali tiegħi f’artkom. Fl-ewkaristija li hemm allura tiġi ċċelebrata, jiena nixtieq noffri mhux biss il-kontribut spiritwali ta’ dawk kollha li jieħdu sehem fil-kungress (u nixtieq li jkunu l-ikbar numru possibbli), imma wkoll ta’ dawk kollha li magħhom inkun iltqajt tul l-ippellegrinar tiegħi, tal-Poplu kollu ta’ Alla li jinsab f’artkom.
B’dan il-mod nixtieq inwieġeb għall-istedina biex nieħu sehem fil-kungress ewkaristiku; u biex nibdew millum, hawn qrib dan is-sdalib, jiena nitlob lil Kristu jgħinni biex naqdikom u biex niġbor mill-ġdid lil kulħadd madwaru, madwar Kristu, li huwa l-uniku ragħaj it-tajjeb tal-erwieħ tagħna.
3. L-introjtu tal-festa tas-Salib Imqaddes jgħid: “Għandna nsibu l-glorja tagħna fis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fih tinsab is-salvazzjoni tagħna, ħajjitna u l-qawmien mill-imwiet. Minnu ġejna salvati u meħlusin”. Dan il-kliem, meħud mill-ittra ta’ San Pawl lill-Galatin, mhuwiex imprudenti li nissopponu li kien ippronunzjat nhar dak it-3 ta’ Mejju mbiegħed tal-1500 fil-quddiesa li kien iċċelebra Frei Henrique de Coimbra – nimmaġinaw b’liema żelu mmens – fuq l-art li kien għadha kemm ġiet skoperta. Il-pitturi li jfittxu li jirritrattaw dak l-episodju, bħall-kwadru famuż ta’ Victor Meirelles, juru salib kbir imwaħħal fuq ix-xtajta u meqjum b’dak il-kliem: “Hemm bżonn nigglorifikaw ruħna fis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu”. U l-isem mogħti lil dik ix-xaqliba skoperta fakkar għal żmien twil dik il-festa u dak is-salib: Art il-veru Salib, Art is-Salib Imqaddes.
Salib ieħor twaqqaf nhar 3 ta’ Mejju ieħor, fl-1957. Quddiemu, biċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa, beda mill-ġdid taħt is-sinjal tas-salib ix-xogħol ċiklopikiu tal-bini ta’ din il-belt singulari.
Is-salib ta’ Porto Seguro u s-salib ta’ Brasilia, li jfakkrukom illum fis-salib ġgantesk li jogħla ‘l fuq ftit metri bogħod minn hawn, għandhom il-valur ta’ simbolu. Dawn jipproklamaw li ferm iktar milli fl-art, is-salib jinsab imwaqqaf fl-istorja ta’ dan il-pajjiż, fil-qalb, fil-ħajja tal-abitanti tiegħu. Dawn jgħidulna li fl-imgħoddi bħal fil-preżent u fil-ġejjieni tal-Brażil, is-salib ta’ Kristu għandu sinifikat profond.
4.Is-salib huwa qabel kollox is-simbolu tal-fidi. Bis-salib ta’ Frei Henrique de Coimbra kienet qabel kollox il-fidi kattolika li tat prominenza lill-ewwel waqtiet u li stabbilit ruħha b’mod profond fil-ħajja u fid-destin tal-pajjiż li kien qiegħed jitwieled. Wieħed jistà jgħid dwar il-Brażil -fil-proporzjonijiet xierqa – dak li d-dokument ta’ Puebla jenfasizza dwar il-kontinent kollu Latin-Amerikan: il-kultura tiegħu hija b’mod radikali kattolika. Dan ifisser li. Minkejja l-ostakli u l-isfidi li sabet, il-fidi kattolika, mhux biss fil-formula astratta tagħha, imma fil-konkretizzazzjoni prattika tagħha, fin-normi li tispira u fl-attivitajiet li tqanqal, tinsab fl-għeruq tal-formazzjoni tal-Brażil, b’mod speċjali tal-kultura tiegħu.
Trid twarrab din il-fidi ifisser tbattal sekli ta’ storja f’dak li l-istorja għandha l-iktar awtentiku, huwa tbiċċir tal-messaġġ tal-Vanġelu, huwa kundanna biex ma tagħrafx raġuni profonda ta’ aspetti determinanti tal-personalità reliġjuża tal-Brażiljani.
Dan fehmuh sewwa l-ewwel evanġelizzaturi – kostellazzjoni ta’ appostli li fiha jiddi il-Beatu José de Anchieta – meta fittxew li jifirxu u japprofondixxu din il-fidi, kemm fost l-indiġeni mferrxa mat-territorju immens, kif ukoll fost il-kolonizzaturi. Fehmuha sewwa fis-sekli li ġew wara, sa żmienna, il-missjunarji, il-katekisti, ir-rgħajja, imħassba li jqanqlu, jiddefendu u jippromwovu l-fidi. Jifhmuh sewwa llum dawk li jinsabu għas-servizz tal-Knisja – Isqfijiet u saċerdoti, reliġjużi u lajċi – billi organizzaw l-attività pastorali tagħhom mill-kuxjenza li l-missjoni tal-Knisja ma tistax tirriduċi ruħha għass-soċju-politiku, imma tikkonsisti fix-xandir ta’ dak li Alla rrivela dwaru stess u tad-destin tal-bniedem. Tikkonsisti fli tipproponi lil Ġesù Kristu u l-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni. Tikkonsisti fli twassal lil ħafna bnedmin biex jagħrfu fil-fidi u permezz tal-fidi lil Alla, uniku u veru u lil dak li huwa bagħat, Ġesù Kristu (cf. Ġw 14,7-9.13; 17,3; 1Ġw 5,20).
5. Simbolu tal-fidi, is-salib, huwa wkoll is-simbolu tat-tbatija li twassal għall-glorja tal-passjoni li twassal għall-qawmien mill-imwiet. “Per crucem ad lucem”: permezz tas-salib niksbu d-dawl. Dan il-qawl profondament evanġeliku jgħidilna li, migħux fis-sinifikat veru tiegħu, is-salib tan-nisrani huwa dejjem salib paskwali. F’dan is-sens, kull darba li niċċelebraw, kif ridna nagħmluh illum, il-misteru tas-salib, jikber fina fid-dawl tal-fidi ċ-ċertezza li ż-żmien tas-sagrifiċċju u taċ-ċaħda jistà jkun sewwa sew bidu ta’ żminijiet ġodda ta’ twettiq u ta’ milja. Dan jgħodd għall-persuni. Jistà jgħodd għal poplu sħih, għal pajjiż.
Quddiem is-salib żewġ atteġġjamenti huma possibbli, it-tnejn perikolużi. Tal-ewwel jikkonsisti fit-tiftix fis-salib ta’ dak li fih huwa oppressiv u diffiċli sal-punt li nieħdu gost fin-niket u fit-tbatija bħallikieku dawn għandhom valur fihom infushom. It-tieni atteġġjament huwa dak ta’ min, forsi b’rejazzjoni għall-preċedenti, jirrifjuta s-salib u jċedi għall-mistika tal-edoniżmu jew tal-glorja, tal-pjaċir jew tal-poter. Awtur kbir spiritwali, Fulton Sheen, kien tkellem f’dan ir-rigward dwar dawk li jattakkaw ruħhom ma’ salib mingħajr Kristu, b’kuntrast ma’ dawk li donnhom iridu lil Kristu mingħajr salib. Issa, in-nisrani jaf li l-feddej tal-bniedem huwa Kristu fuq is-salib u għalhekk biss bi Kristu is-salib huwa feddej!
6. Għal dawn ir-raġunijiet, is-salib isir ukoll simbolu tat-tama. Minn strument tal-kastig huwa jsir xbiha ta’ ħajja ġdida, ta’ dinja ġdida.
Nsaħseb dwar dan kollu waqt li nikkuntempla is-salib il-kbir li jogħla fiċ-ċentru ġejografiku ta’ din il-belt żagħżugħa, hija nfisha ċentru politiku tal-pajjiż. Huwa jogħla hemm, sinjal ta’ stadju ġdid fl-istorja tal-Brażil, pont preżenti bejn il-ġejjieni u l-imgħoddi ta’ art twelidkom u tas-soċjetà tagħkom, l-istorja kollha marbuta mas-sinjal tas-salib. Marbuta mal-misteru tas-salib ta’ Kristu.
Dan il-misteru u dan is-sinjal mħawlin fil-qlub tal-bnedmin ta’ dan il-pajjiż, saru ħajja tal-erwieħ tagħhom, sinjal tas-salvazzjoni.
F’dan is-sinjal turi euħha darba għal dejjem l-imħabba ta’ Alla Missier li “tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu uniġenitu, sabiex kull min jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16).
F’dan is-sinjal wriet ruħha l-għaqda permanenti tal-Iben ta’ Alla ma’ wlied il-bnedmin, ma’ wlied din l-art, għaliex xtaq isir wieħed minnhom, ugwali għalihom f’kollox, minbarra d-dnub (cf. Lh 4,15), biex jagħmilna ugwali għalih.
Fis-sinjal tas-salib Ġesù Kristu, Iben uniġenitu, tana l-qawwa li nsiru wlied Alla. F’dan is-sinjal l-Ispirtu li ġej mill-Missier u mill-Iben – l-Ispirtu Santu – imħabbar minn qabel minn Kristu bħala paraklitu u mistieden tal-erwieħ tagħna, li jżur il-qlub tal-bnedmin u jaġixxi fl-istorja tal-umanità, sar in-nifs li għadda u kontinwament jgħaddi fuq l-art Brażiljana.
B’dan is-sinjal – is-sinjal tas-salib – ilhom jiġu mmarkati għal kważi ħames sekli sħaħ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ wlied maskili u femminili ta’ din l-art. Il-ġenituri jittrażmettu dan is-sinjal ta’ fidi lil uliedhom, in-nanniet lin-nepputijiet…
7. U llum fil-bidu ta’ dan il-pellegrinaġġ tiegħi lejn il-qalb tal-Poplu ta’ alla fl-art Brażiljsana, nixtieq, bl-istess sinjal tas-salib, nimmarka flimkien magħkom moħħi, xuftejja, qalbi.
U bħala suċċessur ta’ Pietru, Isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja, nixtieq imbierek b’dan is-sinjal lilkom hawn miġbura u lill-Brażil kollu, il-Brażil antik u ġdid. Tagħkom il-bieraħ, illum u għada.
U nixtieq ngħidilkom li s-salib huwa s-sinjal tat-tama għall-bniedem taż-żminijiet kollha. Fih Alla rrivela lill-bniedem liema hi d-dinjità li huwa jġorr fih innifsu wara li kien mgħolli bil-missjoni ta’ Ibnu
Għal dan ħarsu lejn is-salib! Fih intom imsejħin għal tama unika tal-vokazzjoni tagħkom (cf. Ef 4,4).
Ħarsu lejn is-salib! Dan huwa s-sinjal tal-bidu l-ġdid li l-bniedem, dejjem u kullimkien, isib lil Alla.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb