Organizzazzjonijiet tal-karità fil-pajjiż ingħaqdu biex iqassmu ikel lill-foqra l-ġodda, milquta mill-pandemija
Fl-Amerika madwar dan iż-żmien tas-sena, n-nies li jixtiequ jgħinu lill-foqra jipprovdu dundjani b’xejn fl-okkażjoni ta’ Thanksgiving. Fl-Italja, madankollu, jekk l-ikel huwa kif trid tgħin, hemm verament għażla waħda biss, u għalhekk diversi organizzazzjonijiet tal-karità fil-pajjiż ingħaqdu flimkien biex jagħtu lill-Papa Franġisku żewġ tunnellati ta’ għaġin biex iqassmuh lil hekk imsejħa ‘l-foqra l-ġodda’ minħabba l-pandemija tal-koronavirus.
Erba’ organizzazzjonijiet tal-karità li joperaw fiż-żona ta’ Taranto fin-Nofsinhar tal-Italja, ddeċidew li jagħtu l-għaġin lill-Papa permezz tal-Arċisqof Pollakk Konrad Krajewski, li hu nkarigat li jqassam il-Karità, taħt is-slogan: “Pasta għall-foqra tal-Papa”.
Kull organizzazzjoni nvoluta fid-donazzjoni lill-Papa Franġisku għandha bażi fin-Nofsinhar tal-Italja, fejn ir-rati tal-faqar għandhom it-tendenza li jkunu ogħla mill-bqija tal-pajjiż. Għal bosta snin, Taranto nnifsu ġarrab l-impatt ta’ kriżi soċjali u ekonomika, nklużi livelli għoljin ta’ qgħad. Waqt li tkellmu dwar id-donazzjoni, l-organizzazzjonijiet qalu “ma tistax toqgħod lura u tara lil dawk li huma qrib tagħna fit-tbatija, ma tistax tagħlaq għajnejk u tippretendi li mhu qed jiġri xejn”.
Skond l-Avvenire, l-gazzetta uffiċjali għall-konferenza episkopali Taljana, Santoro qal, “F’dan iż-żmien immarkat mill-Covid, l-attitudni t-tajba hija waħda ta’ responsabbiltà u li taqsam mal-oħrajn. U dan iwassal għal inizjattivi li preċiżament huma ta’ min ifaħħarhom, għax ifakkru li t-tama Nisranija ma tieqaf quddiem xejn”.
Giuseppe Orlando, kap tal-assoċjazzjoni Stabat Mater Est, qal, “Fi żminijiet diffiċli jkun iktar konvenjenti li tieħu ħsieb il-ġnien tiegħek stess. Imma jekk tħares lejn il-proxxmu tiegħek u tilqagħhom bi tbissima aktar milli b’indifferenza u jekk taħseb li t-tfal kollha għandhom l-istess drittijiet, ma tistax tibqa’ ma tagħmel xejn. Trid ixxammar il-kmiem u tgħin, tfarraġ u tappoġġja”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:
https://cruxnow.com/vatican/2020/11/forget-free-turkeys-pope-to-deliver-pasta-to-italys-new-poor/