Il-Konċistorju u ż-żjara f’Malta tal-Kardinal Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja Veskovili ta’ Għawdex: Stqarrija għall-Istampa [ST/17/2020]

26 ta’ Novembru 2020

Nhar is-Sibt li ġej, 28 ta’ Novembru 2020, fil-Bażilika ta’ San Pietru, se jinżamm il-Konċistorju Mqaddes għall-Kreazzjoni ta’ tlettax-il Kardinal ġdid, it-Tqegħid tal-Berittin, il-Konsenja tal-Ċurkett u l-Għoti tat-Titlu jew Djakonija, li fih l-Isqof Mario Grech se jiġi kkreat Kardinal mill-Papa Franġisku fl-ordni tal-Kardinali-Djakni. L-indirizz qasir ta’ omaġġ u gratitudni lill-Papa fil-bidu, f’isem il-Kardinali l-ġodda, se jsir mill-Isqof Grech.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Konċistorju, li tibda fl-4.00pm, tista’ tiġi segwita minn fuq il-midja soċjali tal-Vatikan u tad-Djoċesi ta’ Għawdex kif ukoll diretta fuq TVM2, li sa jxandar programm speċjali mit-3.00pm ’il quddiem.

Tista’ tniżżel il-librett ta’ din iċ-ċelebrazzjoni minn fuq is-Sit Elettroniku tal-Vatikan: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/libretti/2020/20201128-libretto-concistoro-creazione-cardinali.pdf.

Għal din l-okkażjoni, MaltaPost plc se toħroġ timbru speċjali li jista’ jinkiseb is-Sibt filgħodu mill-Uffiċċju Postali tal-Belt Victoria. Id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien mas-Soċjetà Filatelika Għawdxija qed toħroġ għal miegħu kartolina kommemorattiva u sett ta’ bolol personalizzati li jistgħu jinkisbu mill-Kurja tal-Isqof.

Lura f’Għawdex għall-ewwel darba bħala Kardinal wara l-Konċistorju tas-Sibt, l-Em.T. Mons. Mario Grech se jmexxi żewġ Konċelebrazzjonijiet Solenni ta’ Radd il-Ħajr:

  • nhar il-Ħadd 6 ta’ Diċembru, fil-5.00pm, fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija;
  • nhar l-Erbgħa 9 ta’ Diċembru, fil-5.30pm, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Iż-żewġ quddisiet ħa jkunu mxandra fuq TVM2 u fuq il-midja soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Nhar it-Tnejn 7 ta’ Diċembru l-Kardinal Grech mistenni jagħmel ukoll żjajjar ta’ kortesija lill-membri tal-Konferenza Episkopali Maltija fil-Palazz tal-Arċisqof, l-Imdina, kif ukoll lill-Awtoritajiet Ċivili tal-Istat Malti.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading