KELMET IL-QADDISIN, dan il-ktieb, mis-sensiela Manwali Spiritwali, fih 365 sentenza meħuda minn bosta qaddisin u jurina kemm kienu umani l-bnedmin li l-Knisja poġġiethom biex aħna nimitawhom. Naraw kemm ħabbew lil Alla, kemm bataw għalih, kemm kellhom devozzjoni lejn l-Ewkaristija u l-Madonna.
Tibda malli taqrah tingħaqad direttament mal-esperjenza li kellhom dawn il-bnedmin. Tibda tħoss dak li ħassew huma. Dlonk tinduna kemm kienu umani u kif inti stess fuq l-eżempju tagħhom tista’ ssir qaddis ukoll.
Dan il-ktieb li jikkonsisti f’sentenzi espressivi li ħarġu bihom l-qaddisin ma għandniex nifhmuh bħala xi tagħlim uffiċjali tal-Knisja. Imma fih s-sentimenti ta’ nies li l-Knisja għamlithom bħala eżempju għall-oħrajn.
F’dan il-manwal ta’ spiritwalità klassika nsibu sentenzi mis-Santi Padri bħal Santu Wistin, dutturi tal-Knisja bhal San Franġisk ta’ Sales kif ukoll espressjonijiet qawwija meħuda minn Santa Tereżina ta’ Lisieux u l-Kurat San Ġwann Vianney.
F’dan il-ktieb niltaqgħu ma’ ħafna qaddisin bosta nafuhom u oħrajn li ftit nafu fuqhom. Biss jiena ċert li għandna ġabra ta’ qaddisin minn kull stat tal-ħajja, għorrief u mhumiex.
Malli taqra l-ktieb tinduna li hemm xi ħaġa komuni bejniethom: ilkoll ħabbew lil Alla, sofrew għalih u għamlu kulma setgħu biex jagħrfuh u jħobbuh.
Ta’ min jinnota li dan il-ktieb fih 365 ħsieb qaddis jiġifieri wieħed għal kull jum tas-sena. Jalla dawn il-ħsebijiet jservu ħalli nsiru perfetti bħalma hu perfett Missierna li hu fis-smewwiet.
Din il-ġabra ta’ sentenzi tal-Qaddisin saret minn Angelo Xuereb u Josephine Debrincat.
Din hija publikazzjoni tal-Lumen Christi Publications (2000)