Familji moħbija wara li grupp tribali fl-Indja, heddew li joqtluhom

Insara moħbija wara li ġew mhedda talli rrappurtaw attakk tal-mafja lill-pulizija wara li 21 Kristjan spiċċaw l-isptar.

Diversi familji jinsabu moħbija wara li grupp tribali fl-istat ta’ Chhattisgarh, l-Indja, heddew li joqtluhom talli l-ġimgħa li għaddiet irrappurtaw lill-puluzija li sar attakk tal-massa fejn 21 Kristjan spiċċaw fl-isptarijiet.

Fil-25 ta’ Novembru, fis-1am, grupp kbir ta’ tribali, armati bi stikek tal-bamboo, vireg tal-ħadid, qwies u vleġġeġ u mnieġel tal-ħadid, attakkaw dar u sala tal-Knisja fir-raħal ta’ Chingrwaram, fid-distrett ta’ Sukma, fejn fil-lejl ta’ qabel, l-Insara kienu ċċelebraw dedikazzjoni tat-tfal. Bejn 20 u 25 ruħ kienu reqdin fid-dar u bejn 25 u 30 oħra kienu fis-sala tal-Knisja, meta r-raħħala, ħafna minnhom fis-sakra, attakkaw lill-Insara w akkużawhom li kkonvertew in-nies u li kienu qed jiċċelebraw b’mużika qawwija. “Sawtu lit-tfal kif ukoll lin-nisa li kienu qed isajru l-ikel barra,” qal Laxman Mandavi, żagħżugħ ta 21 sena u li salva mill-attakk. “filwaqt lit-tfal ġew imsawta, oħrajn ġew sparati lejhom vleġġeġ u msawta bil-vireg tal-ħadid”.

“Kien hemm diżastru sħiħ, nies jiġru biex isalvaw ħajjithom”, stqarret oħra mill-vittmi ta’ 24 sena. “Spiċċajt b’żewġ qatgħat fuq dahri. Il-mutur tiegħi ġie mkisser. L-agressuri kissru wkoll 10 muturi oħra. Huma ġibdu pajpijiet tal-petrol minn 20 mutur ieħor u ħallew il-karburant ħiereġ fit-triq.”

Mandavi qal li erbgħa mill-aggressuri daħlu f’kamra fejn sabu tfajla żagħżugħa Kristjana u pruvaw jistuprawha. “Meta bdiet tgħajjat bil-qawwi, huma kaxkruha l-barra u sawtuha bl-aktar mod brutali. Hija ġarbet ġrieħi gravi”. Huwa qal li l-aggressuri qerdu l-qamħ kollu li kien hemm maħżun fil-maħżen, għamlu ħsara lid-dar u l-affarijiet ta’ ġo fiha u xerrdu l-ikel li kien qed jitħejja għall-kolazzjon għall-mistednin.

Mandavi qal li missieru kien ilu xahrejn jirċievi theddid minn dawn ir-raħħala. “Huma ppjanaw li jattakkawna, u kważi xahrejn ilu saħansitra heddew li se jsawtuna,” qal. “Nafu u nirrikonoxxu lil kull minn attakka. Ir-relazzjoni tagħna magħhom kienet storikament kordjali, imma nissuspettaw li l-barranin ipprovokawhom kontra tagħna”.

Uħud minn dawk li rnexxilehom jaħarbu, ġrew lejn l-eqreb għassa tal-Korp tal-Puluzija tar-Riżerva Ċentrali (CRPF) u talbu għal għajnuna, iżda s-suldati tas-CRPF irrifjutaw li jmorru magħhom, u qalu li kien bil-lejl.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://christianpersecution.com/india/india-christians-in-hiding-after-threats-for-reporting-a-mob-attack-to-police-that-sent-21-christians-to-hospitals/

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.