Messaġġ tal-Arċisqof waqt il-Quddiesa fl-okkażjoni tal-ħatra tal-Kardinal Mario Grech


L-Erbgħa, 9 ta’ Diċembru 2020: Messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna waqt il-Quddiesa fl-okkażjoni tal-ħatra bħala kardinal tal-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Mario Grech. Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Eminenza, għażiż ħija Mario, f’isem l-Arċidjoċesi, f’isem il-poplu, nixtieq nirringrazzjak talli għoġbok tmexxi din l-Ewkaristija, u tal-kelma qawwija tiegħek. Nitolbuk ħafna, inti u tibda l-missjoni tiegħek qrib il-Papa Franġisku, li bħalma għedt inti u bħalma diġà tlabtek, twassal l-imħabba, id-devozzjoni u l-lealtà tagħna lejn Pietru.

Ħin minnhom il-Mulej Ġesù jidher lil Pawlu f’mument ta’ kriżi. Kien arrestat u fil-ħabs fi triqtu lejn il-ġudizzju minn Ċesari. U Ġesù lil Pawlu jgħidlu: “Jeħtieġ li tkun għalija xhud f’Ruma”. Din hi l-missjoni li l-Mulej qiegħed isejjaħlek għaliha: li tkun xhud u għalhekk martri ta’ Ġesù f’Ruma. F’qasam li kulħadd jaf u aħna nafu li għall-Papa huwa priorità, dik li l-Knisja ssir dejjem iżjed dik li hi: grupp ta’ pellegrini — min twil u min qasir, min irqiq u min oħxon — li jimxu flimkien, kulħadd bil-pass tiegħu. Jekk jien u inti jkollna nagħmlu tellieqa mhux se nilħqek għax il-pass tiegħi hu li hu, imma l-Mulej, kif għedt inti, ma jħarisx la lejn il-wiċċ u lanqas lejn il-qies taż-żarbun. Imma l-Mulej jitfa’ fuqna ħarsa ta’ mħabba u dik li tagħmilna nies għax il-ħarsa tal-imħabba tiegħu ħalqitna, fdietna u twassalna f’dan il-pellegrinaġġ fejn irridu naslu.

Ommok Stella u missierek Ġorġ semmewk Mario. Bir-rispett kollu lejn il-martri Mario, aħna fit-tradizzjoni tagħna Mario għal Marija u aħna ħsibna li nagħtuk din it-tifkira. Pittura li turi omm tal-istennija, “Omm il-Bidu l-Ġdid” semmieha Natanael Theuma, l-artist li pinġieha. Hija propju l-Madonna tal-Avvent. Bħalissa lill-Madonna qed inqimuha qiegħda tistenna lil Binha. Jiena jaffixxinani dan il-kwadru li l-idejn l-omm, hi u tmiss l-ġuf tagħha, huma diġà jaħarqu bit-tenerezza tal-Ispirtu s-Santu. Il-ħarsa tagħha hija ħarsa ta’ umiltà, ta’ mara li taf li l-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tagħha u għamel magħha ħwejjeġ kbar. U l-Mulej hekk jagħmel magħna: iħares lejn iċ-ċokon tagħna u jagħmel magħna u permezz tagħna ħwejjeġ kbar.

Eminenza, għażiż Mario, nafdawhielek biex tkun bil-barka u bit-talb tagħna sinjal ta’ kemm inħobbuk u rahan ta’ kemm tħobbna. Grazzi.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt