Messaġġ tal-Papa lil għaqda tal-bdiewa fl-Italja


Il-Papa Franġisku jibgħat messaġġ lil ‘Coldiretti’, l-akbar assoċjazzjoni tal-bdiewa tal-Italja.

Il-ħtieġa li terġa’ tniedi l-ekonomija, u magħha t-tkabbir soċjali u l-vitalità, hija l-kwistjoni ewlenija li qed tiġi diskussa fl-Assemblea Nazzjonali ta’ ‘Coldiretti’ li qed issir onlajn bit-tema “L-Italja terġa’ tibda mill-eroj tal-ikel”.

‘Coldiretti’ hija l-ikbar assoċjazzjoni tal-bdiewa tal-Italja b’aktar minn 1.6 miljun membru. Tirrapreżenta ntraprendituri agrikoli fuq livell nazzjonali u Ewropew u timmira li tipproteġi d-drittijiet tal-bdiewa – kbar u żgħar – tiggarantixxi l-kwalità tal-prodotti agrikoli Taljani, tippromwovi s-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-ikel.

F’messaġġ iffirmat mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin f’isem il-Papa, jirrimarka dwar kif is-setturi kollha tas-soċjetà qed ifittxu modi kif iħallu warajhom id-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija. L-importanti, qal il-Papa fil-messaġġ tiegħu, huwa ‘kif’ dan l-irkupru se jiġi mplimentat. Għalhekk, huwa ħa l-okkażjoni biex iżomm it-triq li dejjem ikkunsidra bħala l-aktar ġusta: dik li għandha l-intenzjoni li terġa’ taħsibha għar-relazzjoni bejn il-bniedem, in-natur u l-Ħallieq bħala fattur ta’ bilanċ profond u komunjoni.

Waqt li rrikonoxxa dak li ddeskriva bħala “l-irwol deċiżiv tad-dinja agrikola u agroalimentari” fit-twelid mill-ġdid tal-pajjiż, il-Papa appella lir-rappreżentanti tas-settur biex jiżguraw li l-kontribuzzjoni tagħhom tiġi offruta “mhux billi tfittex il-loġika tal-profitt, iżda dak tas-servizz; mhux tal-isfruttament tar-riżorsi, iżda tal-kura u l-attenzjoni għan-natura ‘li għandu jitqies’ bħala dar li tilqa’ lil kulħadd”.

Il-Papa Franġisku kkonkluda l-messaġġ tiegħu fejn ħeġġeġ lill-membri ta’ ‘Coldiretti’ biex ikollhom il-kuraġġ li dejjem ifittxu u jwettqu “toroq ġodda ta’ karità u solidarjetà, għal reazzjoni globali għall-fenomenu tal-faqar u l-inugwaljanza fost il-popli, speċjalment f’din il-fażi kruċjali tal-istorja tad-dinja”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-12/pope-message-coldiretti-italian-farmers-association.html

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.