Il-Papa Franġisku: “L-Edukazzjoni hija att ta’ tama”


“L-Edukazzjoni hija dejjem att ta’ tama li, mill-preżent, tħares lejn il-futur”, qal il-Papa Franġisku fil-kliem tal-bidu tal-messaġġ awdjo-viżiv għas-Simpożju taż-Żgħażagħ li jara t-tnedija ta’ kollaborazzjoni bejn il-Missjoni 4.7 u l-Patt Globali għall-Edukazzjoni.

Il-Missjoni 4.7 (li tieħu l-isem minn SDG Target 4.7. li tiffoka fuq l-għarfien u l-edukazzjoni) tiġbor flimkien mexxejja  mill-Gvern, l-akkademja, s-soċjetà ċivili, u n-negozju biex taċċellera l-implimentazzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli madwar id-dinja u biex tenfasizza l-importanza kritika t’edukazzjoni fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG’s).

Is-Simpożju annwali taż-Żgħażagħ tal-Vatikan, li seħħ bejn 16 u 17 ta’ Diċembru, iffukat fuq il-ħtieġa li tippromwovi tip ġdid ta’ edukazzjoni, “waħda li tegħleb il-globalizzazzjoni attwali tal-indifferenza u l-kultura tal-iskart”.

Waqt li nnota li l-2020 kienet sena straordinarja ta’ tbatija minħabba l-Covid-19 – li kkawżat iżolament u esklużjoni sfurzata, dieqa spiritwali u ħafna mwiet – fil-messaġġ tiegħu l-Papa qal li l-pandemija kkawżat ukoll kriżi edukattiva bla preċedent. “Iktar minn biljun tifel u tifla affaċċjaw tfixkil fl-edukazzjoni tagħhom. Mijiet ta’ miljuni ta’ tfal tħallew lura f’opportunitajiet għall-iżvilupp soċjali u konjittiv.”

Il-Papa rringrazzja lill-parteċipanti fis-Simpożju talli ġew flimkien f’att ta’ tama li jopponi “l-impulsi ta’ mibgħeda, firda w injoranza”, realtajiet li jistgħu jingħelbu grazzi għal “mewġa ġdida t’opportunitajiet edukattivi bbażati fuq il-ġustizzja soċjali u l-imħabba reċiproka”.

Il-Papa Franġisku nnota wkoll lir-rwol u l-kontribut tan-Nazzjonijiet Uniti joffru opportunità unika għall-gvernijiet tad-dinja u s-soċjetà ċivili biex jingħaqdu fit-tama u l-azzjoni għal tip ġdid t’edukazzjoni. F’dan iż-żmien, il-Papa Franġisku qal, meta l-patt għall-edukazzjoni globali tkisser, “Ninsab kuntent li nara li l-gvernijiet reġgħu mpenjaw ruħhom biex ipoġġu dawn l-ideat fil-prattika billi adottaw l-Agenda 2030 u l-Għanjiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, f’sinerġija mal-Patt Globali dwar l-Edukazzjoni”.

Il-Papa kkonkluda billi esprima l-appoġġ tiegħu għall-kollaborazzjoni bejn il-Patt Globali għall-Edukazzjoni u l-Missjoni 4.7, li qal se taħdem flimkien “għaċ-ċiviltà tal-imħabba, tas-sbuħija u tal-unità”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-12/pope-videomessage-global-compact-education-mission-4-point-7.html

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.