Fit-twelid ta’ Ġesù hemm verità meraviljuża: li Alla jieħu l-umanità biex jagħtina sehem mill-ħajja tiegħu. Aħna nuru din l-għotja ta’ Alla meta nifirxu t-tvalji tal-altar u nqiegħdu x-xemgħat fuqu, ħafna drabi fis-skiet ta’ qabel il-Quddiesa. Inlestu l-ħobż u l-inbid li se jiġu konsagrati fil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Kif nistgħu ngħixu l-liturġija fi djarna bis-sehem tal-membri tal-familja fl-okkażjoni tal-festa tal-Milied. B’liema ġesti, u b’liema talb?
Nistgħu nużaw ritwal addattat għall-familja. Inkunu miġburin madwar il-mejda tal-ikel. Min iġib fuq il-mejda l-platti, it-tazzi u l-oġġetti l-oħra jesprimi xi jfisser għalih jew għaliha li l-mejda hi mżejna hekk sabiħ fil-Milied. Xi ħadd ieħor li jkun għażel silta mill-Bibbja, jista’ jgħid: “Ġesù, bit-twelid tiegħek inti ġejt biex toqgħod magħna fuq il-mejda. Inti qgħadt bilqiegħda fl-ikliet mal-midinbin; ġejt biex tieħu sehem magħna fl-ikla tal-festa bħal fit-tieġ ta’ Kana.” Hawnhekk tista’ titkanta ‘carol’ tal-Milied.
Filwaqt li jinxtegħlu xi xemgħat fuq il-mejda, kull membru tal-familja jsemmi aspetti mdallma li jeżistu fostna jew fid-dinja, u jitlob: “Ġesù, bit-twelid tiegħek inti ġibtilna d-dawl.” L-oħrajn jirrepetu din il-frazi. Filwaqt li nġibu fuq il-mejda l-girlanda tal-Milied, xi stilel u fjuri, xi ħadd isemmi aspetti ta’ ħwejjeg sbieħ li hawn madwarna u li ta’ min jgħid grazzi għalihom.
Issir talba bħal: “Ġesù, fit-twelid tiegħek inti ftaħtilna triq ta’ ħbiberija u urejtna d-dinjità tal-bniedem. F’dan il-jum qaddis aħna qed nifirħu miegħek.” Titkanta carol oħra tal-Milied.
Minn Joe Galea