Fiċ-Ċina tal-qedem insibu din il-ħrafa. Wieħed raġel sab dokument id-dar fejn l-antenati tiegħu kienu jiktbu xi ġrajjiet importanti. Fost dawn il-kitbiet sab li għal disa’ ġenerazzjonijiet sħaħ, fil-familja tiegħu, l-ebda koppja miżżewġa ma sseparat, imma baqgħu fidili lejn xulxin sal-mewt.
Ma damx wisq ma sema’ b’din l-aħbar l-Imperatur. Minnufih bagħat jgħid li dak ir-raġel x’kien is-sigriet ta’din l-għaqda fil-familja. Ir-raġel bagħat jgħidlu li jibgħatlu tweġiba ma jdumx. Xi xahrejn wara l-Imperatur irċieva pittura kbira ta’ xi 100 persuna. Kull waħda minn dawn il-persuna kienu jixbhu xi membru tal-familja ta’ dak ir-raġel, u kull waħda kienet impittra f’qagħda li qiegħda tieħu paċenzja b’ta’ madwarha. Taħt il-pittura kien hemm miktub: “Is-sigriet tal-għaqda fil-familja hu: PAĊENZJA, PAĊENZJA, PAĊENZJA….
Il-Gruppi familji Nsara, il-fergħa tal-miżżewġin tal-Moviment ta’ Kana, jagħmlu parti mill-Christian Family Movement (CFM), li jagħmlu l-laqgħa internazzjonali tagħhom kull 3 snin. Qabel kull laqgħa jibagħtu questionnanire kull fejn hemm fergħa tac-CFM. F’dak tal-1989, l-iktar mistoqsija mportanti kienet: “X’inhi r-raġuni prinċipali għaliex ħafna koppji miżżewġin qed jisseparaw? Fl-ewwel post mad-dinja kollha ġiet din it-tweġiba: “Għax il-koppji llum ma jsibux ħin (quality time) għal xulxin.” U jekk insaqsu l-istess mistoqsija llum, tgħid xi tkun it-tweġiba?
Minn Edward Taqliaferro