Lectio Divina għall-Epifanija tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mt 2. 1-12): Il-kelma “Epifanija” tfisser manifestazzjoni ta’ xi ħadd fl-għoli, e.g. tal-Preżenza Divina.   Meta l-allat Griegi kienu jinżlu qalb il-bnedmin u jrebbħuhom xi gwerra, kienu jgħidu li seħħet epifanija tal-allat.  L-Insara tal-Lvant aktar kienu jiċċelebraw il-magħmudija ta’ Ġesu milli t-twelid, għax hemm Ġesu aktar wera ruħu fil-beraħ.  F’epifanija suppost ikun hemm dehra straordinarja. Ma kien hemm xejn minn dan f’tarbija mgeżwra fi ftit faxex ġo maxtura.  Imma din kienet tassew Epifanija għax b’dan il-mod Ġesu ried juri l-imħabba t’Alla.

  1. Is-silta tal-lum tippreżentalna żewġ gruppi ta’ nies: il-Maġi u l-politiċi. Għal ħafna snin, l-Insara ilhom juru interess kbir fil-Maġi, isaqsu kemm kienu, minn fejn ġew, x’sar minnhom wara, fejn huma midfunin.  Ħafna qisuhom bħala rejiet, għax assoċjawhom ma’ Isaija 49 jew Salm 72: “Ir-re ta’ Saba u Seba jiġu jġibulu r-rigali u jagħtuh qima.” Billi jissemmew tlett rigali, qatgħuha li l-Maġi kienu tlieta.  L-ismijiet aktarx ġejjin minn możajk li hemm f’Kora, Istambul, fejn il-maġi jidhru rikbin iż-żwiemel (għax fit-Turkija ma kontx issib iġmla), u resqin għand Erodi.  Tidher ukoll l-istilla, li ggwidathom.  Melkjor jidher anzjan, b’xagħar u daqna bajda, u se joffri d-deheb.  Baltażar jidher raġel matur, b’ġilda skura, u se joffri mirra.  Gaspare, l-aktar żagħżugħ, bla daqna, b’ġilda roża, se joffri l-inċens.  Jirrappreżentaw it-3 etajiet tal-bniedem u t-3 razez li ħarġu minn ulied Noe’.  Il-messaġġ għalina hu li, hi x’inhi l-eta’ u r-razza tiegħek, xorta jiħtiġlek tfittex il-kewkba li turik id-dawl li jagħti sens lil ħajtek.
  2. L-istilla: L-astronomi matul is-snin studjaw bir-reqqa il-kitbiet antiki biex jiskopru x’kienet.  Ma setgħetx kienet il-kometa ta’ Halley għax din dehret 12-il sena BC, waqt li Ġesu twieled fis-sena 7 BC.  Padre La Grage, biblista, meta ra dil-kometa fil-1911, fehem li l-kewkba ta’ Betlehem ma ssibiex fil-firmament imma fl-Iskrittura.  Fil-ktieb tan-Numri nsibu l-istorja tar-re Balak li jsejjaħ saħħar, Balgħam, biex jisħet il-popu Lhudi.  Minn flok jagħmel hekk, Balgħam ibassar: “Qiegħed naraha, imma mhux għalissa, nilmaħha, imma mhux fil-qrib.  Għad titla’ kewkba minn Ġakobb, u jqum xettru minn Israel….. u jaħkem bniedem ġej minn Gakobb” (Num. 24. 17-19).  Mela l-istilla hija re ta’ Israel li għad jaħkem b’saltna ġdida fuq id-dinja kollha. L-awtur tan-Numri aktarx kellu f’moħħu r-re Ġosija. Imma meta għaddew is-snin u kollox baqa’ kif kien, il-poplu reġa’ beda jistenna d-dehra ta’ din l-istilla, 
  3. Meta dehret, il-Maġi baqgħu msaħħra bid-dija tagħha. Qalbhom ħebrithom li din se turihom it-triq fejn twieled ir-re li se jwaqqaf saltna ta’ paċi u li se tieħu post is-saltniet qodma tal-gwerer u oppressjoni.  Il-Maġi jirrapreżentaw lil dawk kollha li ġew imdawlin u msaħħrin minn din il-Kewkba li hi Ġesu ta’ Nazaret: “… Dawl li jdawwal il-ġnus” (Xmun). L-Epifanija tal-Mulej hija proprju dan id-dawl li Ġesu ġabilna biex nagħrfu li Alla huwa Mħabba. Il-Maġi  (a) jerfgħu għajnejhom lejn is-sema biex jikkontemplaw il-ħolqien u għax kellhom ħjiel li dan id-dawl se jidher; (b) kienu jaħsbu fuq il-ħwejjeġ banali li jinkwetaw lill-bniedem, u bdew ifittxu dak li jagħti sens lill-ħajjithom; (ċ) ma baqgħux passivi, imma ċċaqalqu u telqu għal għonq it-triq.  Ma kkuntentawx bl-immaġini antiki t’Alla li jwasslu lil wieħed biex ma jadurahx.  Ma kinux jafu min hu dan id-dawl ġdid. Kellhom ħerqa kbira li jsibu l-verita’ dwar Alla u, meta jsibuh, iqimuh u jadurawh. 
  4. Il-Maġi jiltaqgħu ma’ grupp ta’ nies li kienu opposti għall-fehmiet tagħhom: “Erodi u Ġerusalem kollha tħawdu.”   Dal-grupp jirrapreżenta dawk kollha marbutin mas-siġġu tal-poter jew ma’ sistema reliġjuża tal-antik u li ma jridux jiċċaqalqu minnha.  Dan id-Dawl ġdid jagħtihom fastidju u ma jilqgħuhx.  Dawn huma nies drogati u fis-sakra tal-poter, rebgħa u vanita’ (arani!).  Erodi qatel xi 12-il ruħ tal-familja li kienu theddida għat-tron tiegħu. Mhux ta’ b’xejn ħassu mhedded minn re ta’ Israel ġdid.  F’Ġerusalemm ukoll, i.e. il-post tal-istituzzjoni politika u reliġjuża,  id-dawl ta’ din l-istilla ma tistax titħalla tiddi.  In fatti il-Maġi ma rawhiex aktar il-kewkba meta daħlu Ġeusalemm.  Reġgħu bdew jarawha kif ħarġu mill-belt.  Min jibqa’ marbut ma’ politika u reliġjon bħal dik ta’ Ġerusalemm, ma jħallix il-kewkba tiddi f’ħajtu.  Erodi jiġbor il-qassisin u l-iskribi biex isir jaf dwar dar-re ġdid.  Dawn kellhom f’idejhom l-Iskrittura li offritilhom iċ-ċans tad-deheb biex jindmu mill-passat tagħhom u jilqgħu fosthom id-Dawl.  Anki  Erodi seta’ jisgħob bih ta’ tant tixrid ta’ demm u jaċċetta dis-saltna ġdida. Hu miet tlett snin wara, ħamest ijiem wara li qatel ieħor mit-tfal tiegħu.  
  5. “….  u meta ssibuh, anki jien niġi nadurah.”  Min hu maħkum mill-poter, jaħdem fid-dlam, bil-moħbi u bil-gideb.  Id-dawl hu l-għadu tiegħu.  Ma jafda ‘l ħadd.  Il-Maġi telqu minn Ġerusalemm u, kif raw il-kewkba, imtlew b’ferħ kbir.  Fejn waqfet, daħlu jaduraw lit-tarbija.  “Biex imorru lura f’arthom, għaddew minn triq oħra, għax min jiltaqa’ ma’ Ġesu, ma jerġax lura għat-triq li jkun qabad qabel, imma jimxi triq ġdida, i.e. dik li turik kif timxi wara Ġesu” (Papa Franġisku).
  6. Israel (bil-Lhudi hu nom femminili) fl-Iskrittura kien meqjuż bħala l-poplu magħżul tad-Divinita’ Rjali, poplu ta’ saċerdoti, u l-Għarusa tal-Għarus Divin. It-tlett rigali kienu jixirqu lill-poplu bħal dan, imma llum qed jiġu offruti lill-poplu ġdid t’Alla – il-poplu tas-Salta l-Ġdida, il-poplu Nisrani, i.e. kull min jaċċetta dan id-Dawl f’ħajtu. Dan il-poplu se jkollu wkoll il-karatteristiċi tal-poplu Lhudi.  Id-deheb hu rigal xieraq għar-rejiet, l-inċens għas-saċerdoti, u l-mirra kienet il-fwieħa li bih kienet tiddandan l-Għarusa.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: