C. S. Lewis u J. R. R. Tolkien: il-ħbiberija li baqgħet immortali
Kull min huwa xi ftit jew wisq midħla tal-letteratura Ingliża tas-seklu għoxrin żgur li sema’ b’C. S. Lewis u J. R. R. Tolkien, żewġ kittieba kontemporanji li l-kitbiet tagħhom għadhom imfittxija ħafna anke llum.
Carl Staple Lewis u John Ronald Raul Tokien kienu membri ta’ grupp li fl-istorja baqa’ magħruf bħala The Inklings u li kienu ċċentrati fil-belt ta’ Oxford, il-belt tal-eqdem universita’ tad-dinja Anglosassona. Il-ħbiberija ta’ bejniethom kienet fl-aqwa tagħha fit-tletinijiet u l-erbgħinijiet tas-seklu għoxrin, prattikament meta d-dinja kienet fuq l-għatba tal-ewwel gwerra dinjiija. Inizjalment, Tolkien, l-awtur ta’ The Lord of the Rings kien atenda Exeter College f’Oxford u flimkien ma’ sħabu oħrajn kien waqqaf it-T.C.B.S., abbrevjazzjoni għal ‘Tea Club and Barrovian Society’. Dan kien ħafna aktar qabel, jiġfieri fil-perijodu ta’ qabel l-ewwel gwerra dinjija. Is-sehem ta’ Tolkien fl-ewwel gwerra fi Franza kien bidillu ħajtu u ispirah biex jikteb il-magnum opus tiegħu The Lord of the Rings.

L-ewwel laqgħa
L-ewwel laqgħa bejn Tolkien u C. S. Lewis seħħet fl-1926 waqt il-laqgħa tal-fakulta’ tal-Ingliż fl-universita’ ta’ Oxford. Dakinhar, Lewis kiteb hekk dwar Tolkien: ‘He was a smooth, pale, cluent chap who hated liberal studies’. Fil-fatt, sa minn ċkunitu, Tolkien kien trabba bħala Kattoliku f’Birmingham wara l-mewt ta’ missieru. Il-familjari ta’ ommu kienu abbandunawhom meta saru jafu li kienu saru Kattoliċi. Mill-banda l-oħra, Lewis kien minn Belfast – belt litteralment maqsuma minn rivalita’ reliġjuża bejn il-Kattoliċi u l-Anglikani Protestanti. Għalkemm C. S. Lewis kellu ħafna simpatiji lejn il-Knisja Kattolika, hu qatt ma rnexxielu jagħmel l-aħħar pass u kif kif tgħid l-idjoma ‘jaqsam it-Tevere’ (jiġifieri jsir Kattoliku). Hu baqa’ High Anglican jiġifieri Anglikan tat-tradizzjonali klassika, sa mewtu. Fl-1927, il-ħbiberija bejn Tolkien u Lewis kibret meta Tolkien tħabbeb ma’ Owen Barfield, l-akbar ħabib li kellu Lewis fl-Ingilterra. Tolkien, Lewis, Barfield u Nevil Coghill saru lkoll ħbieb u kienu jiltaqgħu flimkien jaqraw siltiet letterarji ta’ xulxin fil-kamra ta’ Lewis f’Magdalen College. Il-ħbiberija bejn Tolkien u Lewis ġiet issiġillata dakinhar li Tolkien għadda lil Lewis kopja tal-poema narrativa tiegħu The Lay of Leithian.
Timmatura l-ħbiberija
Il-ħbiberija bejn Tolkien u Lewis kellha l-mumenti għoljin kif ukoll dawk baxxi tagħha, il-mumenti qawwija u l-waqtiet dgħajfa. F’Novembru 1931, Lewis kiteb hekk: ‘It has also become a regular custom that Tolkien should drop in on me of a Monday morniing and drink a glass. This is one of the pleasantest spots in the week…sometimes we criticize one another’s poems’. Fl-1933, Lewis qara l-verżjoni ewlenija – speċi ta’ abbozz – tal-famuża Quenta Noldorinwa ta’ Tolkien. Aktar tard, din żviluppat fil-ktieb The Silmarillion li llum anke sar film. Tolkien jikteb li l-ħbiberija tiegħu ma’ Tolkien għamlitlu ħafna ġid. Hu sejjaħtlu ‘a man at one honest, brave, intellectual – a scholar, a poet and a philosopher – and a lover, at least after a long pilgrimage, of Our Lord’. C. S. Lewis kien għadda minn esperjenza ta’ konverżjoni reliġjuża interjuri. Għalkemm kien mgħammed bħala Anglikan, kien tilef il-fidi. Imbagħad baqa’ jfittex sakemm ħaddan il-Kristjaneżmu u kiteb il-famuż ktieb tiegħu Surprised by Joy. F’dan il-ktieb, Lewis jitkellem dwar kif ħaddan lil Kristu imma mingħajr ebda rabta ma’ xi konfessjoni jew tradizzjoni reliġjuża. B’ebda mod ma ried ikun identifikat ma’ xi ‘knisja’ Nisranija jew grupp. Fl-1933, Warnie, ħu Lewis, ingħaqad miegħu f’Magdalen College f’Oxford. Lil Lewis, Tolkien u sħabu kienu jirriferu għalih bħala Jack.
The Inklings
Ma tantx huwa possibli li wieħed jittraduċini għal ilsienna, l-isem tal-grupp letterarju magħruf li minnu kienu jagħmlu sehem Tolkien u Lewis. Huma sejħu lilhom infushom The Inklings b’riferenza għall-fatt li kienu kittieba (riferenza għal-linka). Kienu jiltaqgħu fil-pub l-isem The Eagle and Child. Dan il-pub għadu jeżisti sal-lum. Aktar tard, ingħaqad mal-grupp Charles Williams. Dan tbiegħed mill-viżjoni Nisranija u ħaddan interess fl-okkult u l-ispiritiżmu. Kien hemm drabi meta l-membri tal-grupp ma kinux jaqblu fuq punti saljenti tal-fidi Nisranija minħabba l-isfondi differenti tagħhom. Komuni bejniethom kien hemm l-imħabba lejn il-letteratura.
Student li osserva lil Tolkien u lil Lewis kiteb hekk: ‘It was very obvious that the two of them were great friends – indeed, they were like two young bear cups sometimes, just happily quipping with one another’. Madankollu, mas-snin, il-ħbiberija ta’ bejn it-tnejn għaddiet minn żmien diffiċli, x’aktarx anke minħabba l-fatt li kien tfaċċa fix-xena Charles Williams li kellu fehmiet ambivalenti fuq ir-reliġjon. C. S. Lewis kien sar qrib ħafna ta’ Williams u Tolkien ma kienx entużjast dwar dan. Meta fi tmiem it-tieni gwerra, Williams miet, C. S. Lewis kien strumentali fil-kumpilazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ festschrift f’ġieħ Williams bl-isem Essays Presented to Charles Williams (1947). F’dan il-ktieb, Lewis inkluda l-kitba tiegħu On Fairy Stories.
Matul il-gwerra Lewis kien sar popolari ħafna minħabba l-famużi broadcasts jew diskors fuq BBC f’sinjali qawwija ta’ tama u elementi reliġjużi. C. S. Lewis kompla għamel isem bil-Chronicles of Narnia u b’kotba oħra magħrufin bħal ngħidu aħna The Problem of Pain. Fuq livell aktar personali, Tolkien kien inkwieta meta Lewis qallu li kien sar iħobb lil Joy Davidman, mara Amerikana divorzjata li eventwalment iżżewġet lil Lewis imma mardet u mietet qasir-il għomor. Billi Tolkien kien jieħu r-reliġjon Kattolika tiegħu bis-serjeta’, ir-relazzjoni bejn iż-żewġ kittieba għaddiet minn mumenti diffiċli. Darba, Tolkien kiteb hekk: ‘We were separated first by the sudden apparition of Charles Williams, and then by his marriage…But we owed each a great debt to the other, and that tie with the deep affection that it begot, remains’.
C. S. Lewis miet fit-22 ta’ Novembru 1963, inċidentalment il-ġurnata li fiha kien assassinat John F. Kennedy president tal-Istati Uniti. Għaxar snin wara, fit-2 ta’ Settembru 1973, miet Tolkien. Ir-rabta ta’ bejniethom tibqa’ immortali; ebda bijografija awtentika ta’ wieħed ma tista’ tħalli l-impatt ta’ l-ieħor barra. Huma jagħmlu sens f’kuntest wieħed komuni anke jekk it-tnejn qabdu linji kemxejn differenti. Il-kitbiet ta’ Lewis huma popolari ferm fl-Istati Uniti, u hemm min iqisu bħala wieħed mill-aktar tliet awturi spiritwali tas-seklu l-ieħor, flimkien ma’ Thomas Merton u Henri J. Nouwen. Kull min irid isir aktar familjari mal-ħajja ta’ C. S. Lewis għandu jfittex li jara l-film Shadowlands tal-1993 fejn Anthony Hopkins jaħdem il-parti prinċipali.
Dun Geoffrey G. Attard
Biblijografija:
Catherine McIlwaine, Tolkien. Maker of Middle-Earth (Bodleain Library; Oxford 2018).