San Ġużepp u x-xogħol

Ix-xogħol u l-mistrieħ imorru ma’ xulxin. Xogħol il-ħin kollu jġib monotonija u l-bniedem jitlef il-gost tal-ħajja.

San Ġużepp jgħallimna l-valur tax-xogħol. Huwa ma kienx xandar tal-kelma ta’ Alla bil-predikazzjoni iżda kien ħaddiem tas-sengħa. Għamel ir-rieda ta’ Alla billi kien jaħdem ta’ kuljum bħala mastrudaxxa. Il-Knisja għamlet il-festa ta’ San Ġużepp ħaddiem fl-1 ta’ Mejju biex turi li anki biex xogħol wieħed isir qaddis.

Ix-xogħol ingħata valur minn Alla peress li l-bniedem ma jkunx jaqla’ biss l-għajxien ta’ kuljum iżda jkun iġib id-dinja ‘l quddiem. U dan nistgħu napplikawh għal kull xogħol tal-id u tal-moħħ. Kull xogħol huwa neċessarju. Jekk xi tip ta’ xogħol ma jsirx ħafna ser ibatu.

Kull tip ta’ xogħol barra dak volontarju jsir għall-flus. Iżda wieħed ma jridx jinsa li jekk wieħed jara fix-xogħol flus biss jista’ jġib dawn il-konsegwenzi: jagħmel kollox nofs qalb, jiddejjaq fix-xogħol li jkun qiegħed jagħmel, ma jkunx effiċjenti, jew jekk ikun jaħdem għal rasu jitlob prezzijiet għoljin ta’ dak li jkun għamel.

San Ġorġ Preca fil-ktieb tiegħu Direttorju Spiritwali għandu żewġ ħsibijiet fuq ix-xogħol:

“Kulħadd jifhem il-vantaġġi li jiġu mix-xogħol: fuq il-vantaġġi spiritwali ngħidlek li jippreserva mid-dnub u jbiegħed it-tentazzjonijiet: ix-xogħol jagħmel il-bniedem aħjar milli jkun, jagħmlu virtuż, u jagħnih bil-merti għas-sema. Min jaħdem jipprattika l-umiltà u l-ubbidjenza, għax jagħmel il-volontà ta’ Alla” (Direzzjoni Nru 437).

“Mix-xogħol jiġu vantaġġi materjali, barra mill-ispiritwali. Ix-xogħol iġib ir-rikkezza, kif jgħid l-Ispirtu s-Santu li min jaħdem l-art tiegħu jkollu ħobż biex jixba’: ix-xogħol iġib l-istima tal-bniedem, u jagħmel unur lil pajjiżu: iġib il-paċi u l-ferħ, u jkeċċi d-dwejjaq tal-ħajja” (Direzzjoni Nru 438).

Għalhekk meta niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp ejjew nitolbu lil dan il-qaddis kbir ħalli naraw ix-xogħol b’mod pożittiv u li bih nistgħu nagħmlu tant ġid għalina nfusna u għall-oħrajn.

Il-valur tal-mistrieħ

Fl-istess ħin il-festa tfakkarna fil-mistrieħ. Ta’ min jgħid li l-festa barra l-element spiritwali jiġifieri l-festi ta’ ġewwa għandha aspett soċjali. Fil-festa jkun hemm il-logħob tan-nar, u marċi ta’ baned u briju. U hekk il-festi ta’ barra jkunu għalina mezz ta’ mistrieħ.

Il-mistrieħ huwa indispensabbli. Iżda anki fil-ħin tal-mistrieħ għandu jkun responsabbli. Il-mistrieħ la huwa għażż u lanqas ħela ta’ żmien. Kieku sewwa li fil-ħin liberu tiegħu l-bniedem jistrieħ billi jiddedika aktar ħin għal Alla, għall-familja, għal xi xogħol volontarju, u biex jagħmel xi ħaġa kreattiva filwaqt li jiltaqa’ mal-oħrajn.

Il-ħajja tax-xogħol u tal-mistrieħ fiha wkoll id-diffikultajiet tagħhom. Nitolbu lil San Ġużepp biex jagħtina l-għajnuna meħtieġa. San Josemaria Escrivà fil-ktieb tiegħu  It-Triq jikteb: “San Ġużepp, Missier u sid tagħna, huwa surmast  tal-ħajja tar-ruħ. Qiegħed ruħek taħt il-patroċinju tiegħu u tħoss il-qawwa tas-setgħa tiegħu” (Nru560),

Minn Angelo Xuereb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.