Ċelebrazzjonijiet liturġiċi mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jannar 2021


Matul ix‑xahar ta’ Jannar, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ser ikompli jiċċelebra Quddies matul il‑ġimgħa kif ukoll nhar ta’ Ħadd. Dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi qed jixxandru fuq TVM2Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Il‑quddies organizzat mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed jixxandar:

Mit‑Tnejn sas‑Sibt fid‑9:30 a.m. mill‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Wara l‑quddiesa tingħad it‑talba tar‑Rużarju. Dan il‑ħin ta’ talb jiġi mtenni fuq TVM2 fil‑5:30 p.m. mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa.

Kull nhar ta’ Ħadd fid‑9:30 a.m. tiġi ċċelebrata quddiesa fuq TVM2, Facebook u YouTube. Din tiġi mtennija fuq TVM2 fis‑6:30 p.m.

F’dawn il‑ġranet Monsinjur Arċisqof se jiċċelebra l‑quddies f’dawn il‑knejjes:

Il‑Ġimgħa l‑1 ta’ Jannar 2021, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis‑Solennità tal‑Imqaddsa Marija Omm Alla u l‑Jum Dinji tal‑Paċi, fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi. Din tixxandar fuq TVM2.

Il‑Ħadd 3 ta’ Jannar, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa tal‑Epifanija li matulha jitħabbru l‑festi tal‑Mulej għas‑sena 2021 u jagħti l‑Ministeru tal‑Lettorat lil tliet seminaristi u l‑Ministeru tal‑Akkolitat lil żewġ seminaristi, il‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM2. Fis‑6:30 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa ta’ radd il‑ħajr f’għeluq il‑100 anniversarju mill‑għoti tat‑titlu ta’ Bażilika Minuri lill‑Knisja Parrokkjali ta’ Marija Bambina, l‑Isla.

It‑Tlieta 12 ta’ Jannar, fil‑11:00 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi Servizz Ekumeniku fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana.

Is‑Sibt 23 ta’ Jannar, fil‑5:30 p.m., Monsinjur Arċisqof imexxi traslazzjoni u t‑talba tal‑Ewwel Għasar u wara jiċċelebra quddiesa lejlet il‑festa tal‑Konverżjoni tal‑Appostlu Missierna San Pawl, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina.

Il‑Ħadd 24 ta’ Jannar, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Pontifikal Solenni tal‑Konverżjoni tal‑Appostlu Missierna San Pawl, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina. Din tixxandar fuq TVM2.

It‑Tnejn 25 ta’ Jannar, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑kappella taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù, u wara jbierek il‑librerija tal‑iskola. Din tixxandar fuq TVM2.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti