B’qalb ta’ missier


Il‑messaġġ tal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi fil-Flimkien – Jannar 2021

Papa Franġisku, fit-8 ta’ Diċembru li għadda, ħareġ Ittra Appostolika fuq San Ġużepp, bl-isem B’qalb ta’ Missier, u għażel li jiddedika din is-sena lil San Ġużepp.

San Ġużepp ma tismax ħossu fl-Evanġelju. Kważi dejjem qisu minn wara l-kwinti. Preżenti, jaħdem, jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu, imma fil-kwiet. F’dinja ta’ ħafna protagoniżmu, San Ġużepp jurina qabel xejn il-valur li l-protagonist jibqa’ l-Mulej u aħna nkunu l-aktar f’postna meta niftħu qalbna għalih u nfittxu r-rieda tiegħu.

Fl-Evanġelju ma nsibux kelma li qal.  Anzi, fil-ftit okkażjonijiet li niltaqgħu miegħu, insibuh jisma’.  Insibuh jiftaħ widnejh u jipprova jifhem il-messaġġ ta’ Alla.  F’dinja ta’ ħafna kliem, kultant kliem vojt, San Ġużepp jgħallimna x’jiġifieri tisma’ u tagħti widen bis-serjetà.

Fl-Evanġelju nsibuh dejjem jipproteġi l-ħajja. L-ikbar tbatija ta’ San Ġużepp kienet biex ikun protettur tal-ħajja ta’ Marija u ta’ Ġesù, sa minn meta kien għadu ma twilidx imma kien imnissel. Hemmhekk kellu jieħu azzjoni biex jiddefendi l-ħajja, u għamel dan bil-kuraġġ kollu. F’dinja fejn hemm min imexxi ’l quddiem il-kultura tal-mewt, San Ġużepp jurina kif irridu nkomplu nħarsu l-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Il-ħajja tahielna Alla bħala don tiegħu u minna jistenna li nipproteġuha.

San Ġużepp jgħallimna kif ngħixu l-ħajja ordinarja ta’ kuljum b’ħafna sensittività u mħabba. Nitolbuh ikompli jkun ta’ ispirazzjoni f’ħajjitna u jħarisna b’qalb ta’ Missier.

 Joseph Galea Curmi

 Isqof Awżiljarju