Fittex ejja żurna!

Nhar il-Ħamis 10 ta’ Diċembru 2020, festa tal-Madonna ta’ Loreto, aħna, il-pazjenti u l-istaff kollu taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, kellna l-grazzja nilqgħu fostna lill-Kardinal mżanżan l-Eminenza tiegħu Mario Grech.

Kien ta’ sollief kbir għalina meta rajnieh ġej minn fuq il-pont li jgħaqqad iż-żewġ sptarijiet, dak ta’ Mater Dei u tagħna tal-Onkoloġija. Id-dehra tal-Kardinal Mario Grech għaddej minn fuq il-pont tfakkarni kemm hu tabilħaqq personali u istituzzjonali pont. Għax, il-Kardinal Mario Grech, hu tabilħaqq pont bejn il-Mulej tas-Sebħ u aħna l-bnedmin li qed inbatu f’din il-ħajja mimlija tilja sfidi li, naħsbuhom biss, ukoll jaqtgħulna nifisna! Aħseb u ara mela meta naffrontawhom!

Għax, ngħid jien, trid tkun tassew pont u tifhem li int pont ta’ mħabba tal-Missier għall-oħrajn, biex fl-omelija tiegħek qalbek, moħħok u ruħek jaslu li jkunu tant doċli kemm għall-Mulej u kif ukoll għat-tbatija tal-poplu tiegħu, tant li tasal tgħid: Għax min minna lkoll ma jgħaddix minn waqtiet fejn inħossuna mifluġin? Huma ħafna dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-bniedem iħoss il-madmad jagħfas fuq spallejh, u mhux darba jew tnejn jibda jogħtor taħt dak il-piż. Jien għandi f’moħħi l-piż tal-familja, il-piż tal-mard, il-piż tat-tmexxija, il-piż tas-solitudni funzjonali, il-piż tal-ħolm, il-piż tal-inkomprensjoni, il-piż tal-passat, u l-bqija. Ġesù qed jgħidilna: “Ejjew għandi intom li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien inserraħkom”.

Kemm rajtu dan il-kliem jingħex quddiem għajnejja fil-Kardinal Mario Grech li żarna! Għax, il-preżenza tiegħu, kienet tabilħaqq ta’ sollief għalina, kemm bħala staff u, wisq u wisq aktar, bħala pazjenti. Kemm kienet tabilħaqq grazzja li l-aktar persuni fil-periferija u li qed ibatu ħassewhom imfarrġa mill-preżenza ta’ missier li tant jixtieqilhom ġid!

Kien ta’ kuraġġ kbir għalija nara persuni jibku fil-preżenza ta’ dan il-Kardinal umli. Għax il-bniedem, kif qal l-istess Kardinal Grech fl-omelija tiegħu fil-jum ta’ qabel fil-konkattidral ta’ San Ġwann, x’għandu tassew bżonn jekk mhux li iduq l-imħabba ta’ Alla l-Missier li dehret fi Kristu Ġesù? Bil-viċinanza tiegħu lejn min qed ibati fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija l-Kardinal Grech mhux biss urieni kemm hu daq u għadu jduq mill-imħabba ta’ Alla l-Missier fi Kristu Ġesù, imma wkoll li din l-imħabba tissarraf filli wieħed jiltaqa’ u jisma’ lil dawk li ibatu. Il-ħlewwa ta’ Ġesù fil-Kardinal Grech urietni kemm fadalli x’naqdef jien personali fit-triq tal-umiltà!

Fl-aħħar tal-omelija tiegħek fil-konkattidral ta’ San Ġwann għedt li ser tgħid lil Papa Franġisku:  Fittex ejja żurna għax hawn poplu li qed jistenniek bil-ħerqa biex jilqgħek b’dirgħajh miftuħa. Eminenza, anki int, fittex ejja erġa’ żurna!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading