Vanġelu (Mk 1, 7-11): San Mark illum jibda jiddeskrivi l-ħajja pubblika ta’ Ġesu bħala vjaġġ, mill-Magħmudija sa tlugħ is-sema. Jistedinna biex ningħaqdu mad-dixxipli tiegħu biex nagħmlu dan il-vjaġġ. B’hekk inkunu fil-qrib biex nisimgħu il-kelma tiegħu,
- “Jien ngħammidkom bl-ilma…” Ġwanni ma kienx f’dik il-parti tax-xmara fejn ħafna jġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija imma aktar l-isfel ħdejn il-Baħar il-Mejjet. Il-Lvant tax-xmara (fejn hemm il-knisja Bizantina) hu simbolu tal-art pagana u tal-eżilju. Fil-Punent tax-xmara insibu l-Art Imwiegħda, l-art tal-ħelsien. Ġożwe, wara li ħa r-riedni wara Mose, mexxa l-poplu Lhudi sal-Ġordan, qasmu x-xmara u daħħalhom f’art il-ħelsien. Ġwanni l-lum qed jgħid lill-Lhud li jeħtieġ Ġożwe ġdid li se jdaħħalhom mhux f’art materjali imma fis-saltna t’Alla. Hekk kif Ġwanni jilmaħ lil Mose l-Ġdid riesaq lejn ix-xmara, jipprepara biex jerħilu f’idejh lil dan il-poplu. Għalhekk jgħid: “Jien ngħammidkom bl-ilma biss (i.e. ħaġa esterna) li jgħinkom biex taraw x’tistgħu tbiddlu fi ħsibijietkom u f’għemilkom. Hekk tibdew vjaġġ u tridu tkunu tafu dan il-vjaġġ fejn se jwassalkom. Għal dan il-għan għandkom bżonn lil xi ħadd biex itikom qawwa interjuri u biex jakkumpanjakom: ġej warajja wieħed li se jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu. Dan hu dik il-forza interjuri li se ttikom mhux liberta’ fiżikali, imma dik ta’ ulied Alla.”
- Wara tletin sena ta’ ħajja moħbija f’Nazaret, Ġesu ġie u “tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. Hu u tiela’ mill-ilma….” Mela Ġesu għamel bħall-oħrajn: daħal fl-ilma min-naħa tal-Lvant u ħareġ min-naħa tal-Punent (mill-jasar għall-ħelsien, kif ġa għidna). Ta’ min jinnota li dik il-parti tax-xmara hija mdardra b’ħafna tajn. Dan biex Ġesu juri li għodos fin-natura umana biex, kif jitla’ f’wiċċ l-ilma, jerfaghna miegħu u joħodna ix-xatt l-ieħor biex iqabbadna t-triq tal-ħelsien mid-dnub.
- “… u ra s-smewwiet jinfetħu.” Dak iż-żmien kienu jaħsbu li kien hemm seba’ smewwiet, u bejn sema u oħra, kien hemm mixja ta’ ħames mitt sena. Alla kien fis-seba’ sema. Peress li l-poplu ma riedx jagħti widen għall-Kelma t’Alla permezz tal-profeti, ir-Rabbini qatgħuha li Alla kien għalaq il-bibien tas-smewwiet, u ma riedx aktar ikellem lill-bnedmin. Għalhekk nisimgħu il-karba ta’ Isaija: “Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet.” Mela Mark qed jgħidilna li llum Ġesu jibda l-ħajja pubblika tiegħu bit-tiċrit tas-smewwiet għax Alla, mhux biss se jkellem lill-bnedmin imma se jgħammar fosthom. Mil-lum ‘il quddiem, jagħmel x’jagħmel il-bniedem, Alla mhux se jagħlaq aktar is-smewwiet, għax Hu stess sar bniedem. Mark juża l-verb skizein (iċċarrat) hawn. Se jerġa’ jużaha meta l-purtiera tat-tempju iċċarrtet wara l-mewt ta’ Ġesu fuq is-salib, biex din ma tkomplix taħbi lil Alla mill-poplu.
- “… u l-Ispirtu bħal ħamiema niżel fuqu.” Il-ħamiema hija simbolu tal-Ispirtu li niżel fuq Ġesu biex itih il-qawwa li jħobb bla kundizzjoni u jwasslu biex jagħti ħajtu bħala rigal. (a) Hu l-istess Spirtu li ttajjar fuq wiċċ l-ilmijiet waqt il-ħolqien tad-dinja, meta l-kaos inbidel f’ħolqien meraviljuż. Illum qed naraw il-bidu ta’ ħolqien ġdid, mhux materjali imma l-ħolqien tal-bniedem li se jirnexxi bħala bniedem uman awtentiku. (b) Il-ħamiema kienet ukoll simbolu ta’ paċi bejn Alla u l-bniedem wara d-dulluvju. (ċ) Il-ħamiema dejjem tfittex il-bejta tagħha. L-Ispirtu isib f’Ġesu il-post idejali fejn jistrieħ u jgħammar. M’hemmx post aħjar fejn se jkun “at home.” (d) Bħalma l-ħamiema hija ġwejda, hekk il-qawwa tal-Ispirtu mhijiex aggressiva imma hija waħda li twassal għall-imħabba u ħlewwa: “Qasba imġenġla ma jikisirhiex.”
- “Mis-smewwiet instama’ leħen…” Il-Missier jipproklama għalina il-vera identità ta’ Ġesu: “Int Ibni l-għażiż…” Dal-vers, meħud minn Salm 2, kien jintuża meta jilħaq re ġdid ta’ Israel, biex jenfasizza li dan ir-re għandu jkun ġust, ħanin, eċċ bħala iben dehen tal-Missier Alla. Mark illum qed jgħidilna li l-Missier qed jirrikonoxxi lil Ġesu bħala dak l-Iben li juri il-wiċċ vera tal-Missier. Jekk il-poplu t’Alla, kemm ta’ Israel fi żmien Ġesu, u kemm tal-Insara llum, jikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu fil-mixja tiegħu, jaslu biex jagħrfu l-wiċċ tal-Missier. Imħabba f’dan, f’Ġesu il-Missier se jsib il-għaxqa tiegħu.
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini