L-aqwa FROTTA tiegħi!

Fi żmien il-Milied iċ-Ċentru tal-Onkoloġija tassew inkun mill-isbaħ! F’din l-ewwel sena tiegħi bħala Kappillan f’dan l-Isptar tant importanti għall-pajjiżna, emmnuni li nbierek kull frazzjoni ta’ sekonda li qed inqatta’ fih! U din il-barka kollha, li tiġi mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna (Lq 1:78), tidher b’mod qawwi ħafna fl-armar tassew sabiħ li bih hu armat l-Isptar fi żmien il-Milied.

Fost il-ħafna bambini li rajt, li daqskemm huma sbieħ tara wieħed u tinsa ‘l ieħor, hemm wieħed partikulari ħafna. Dan il-Bambin qiegħed f’qoffa tal-frott. Matul ħajti fl-Isptar, f’dawn il-jiem smajt għadd ta’ kummenti dwar dan il-ħelu Bambin. Fil-fatt, kumment li laqatgħni ħafna kien dan: Dan il-Bambin donnu Lhudi veru! Jagħmilli ħafna kuraġġ dan it-tip ta’ diskors. Għaliex, u issa ejjew inkunu sinċieri u rġiel u nisa magħna nfusna, ma nistax nippretendi lil Ġesù abjad abjad u inċanat bin-nemex! Ħallieha li jekk kien hekk xorta mhux ħa jagħmilli problema fil-fidi tiegħi. Imma, taf int, iż-żejjed kollu żejjed jibqa’. Hawnhekk m’aħniex nitħaddtu fuq extensions u kożmetika ħbieb! Hawnhekk qed nitħaddtu fuq Alla li sar bniedem, hu sar naturalissmu bħali u bħalek! Intant…

L-ewwel ħaġa li laqtitni sewwa f’dan il-Bambin hu l-post fejn hu mqiegħed. Fil-fatt, dan hu mqiegħed fil-qoffa tal-frott! X’ħin rajt dik il-qoffa ma nafx x’ħassejt bħala Malti! Kemm hu sabiħ hux meta lill-Mulej noffrulu l-kultura wisq għażiża u tal-familja tagħna! Dik il-qoffa tal-frott ħi! Hekk minsuġa sabiħ u bl-akbar sengħa minn missirijietna! U mbagħad, dik il-qoffa kollha, hi mimlija sa ruħ ommha bit-tiben ħalli l-Bambin ikollu friex ħelu u komdu fuqhiex jistrieħ. U x’inhuma dawn id-dettalji ħuti jekk mhux imħabba magħsura! Kemm hi sabiħa l-essenza tal-imħabba murija fl-aktar ħwejjeġ ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum!

Ikolli ngħid, dan il-Bambin partikulari, qiegħed iħossha din l-imħabba kollha! Araw ftit b’liema mod qiegħed iħares ‘il fuq. B’idejh ġonti! Kif kien iħobb jgħidilna l-għażiż Patri Karlu meta kien id-direttur tagħna l-abbatini f’San Ġwann. Għax dawk l-idejn ġonti qed juru li dan il-Bambin, anki jekk imfisqi u mqiegħed f’din il-maxtura li hi qoffa tal-frott, diġà beda l-ħajja tiegħu tat-talb. F’dik il-qoffa tal-frott dan il-Bambin qed jurina xi tfisser l-imħabba lejn Alla Missierna. Arah! LejH qed iħares! Għajnejh imwaħħla f’għajnejH! F’dak Alla li jista’ kollox! Li hu u li ġej! U li għalih kull ġieħ u glorja kemm tabilħaqq idum l-eternità!

Barra minhekk, dan il-Bambin tabilħaqq ħelu ta’ din is-sala taċ-Ċentru tal-Onkoloġija, qiegħed tassew irpużat! Kemm qed iħossu mħaddan bil-preżenza ta’ Missieru tas-Sema! Arah x’telqa intelaq fiH! U bilfors li jħossu hekk ħuti għax, aktar tard, kellu joħroġ minn fommu din l-istess telqa li bħalissa jinsab mitluq fiha billi jgħidlu: Missier, f’idejk jien nerħi ruħi! (Lq 23:46) u ikun li trid int! (Mt 6:10).

Imbagħad, hemm fattur ieħor importantissmu l-għaliex dan il-Bambin fil-qoffa tal-frott jinsab daqshekk mistrieħ u f’paċi kbira: maġenbu, għalkemm ma jidhrux, hemm Marija Ommu skont l-ordni naturali u tal-grazzja u missieru Ġużeppi, il-missier putattiv tiegħu. Kemm iħossu sew li għandu min iħarsu, jindukrah, ifisqih, jitimgħu, jisqih, ibiddillu l-ħarqa, u jaqdih mill-koxxa! Kemm iħossu sew li għandu min iħarsu minn ilpup ħattafa li, sa minn tarbija, riedu akkost ta’ kollox joqtluh! Għalhekk iva jinstab mistrieħ, dan Alla tal-allat, li sar bniedem bħalek u bħali!

Arah x’inhu ħelu! Veru ġmiel! Arah kemm hu żgħir! Dawk is-swaba ħelwin tiegħu! Bojod bojod u misluta misluta! Ara il-wiċċ tiegħu! Kemmxejn ħamrani! Kollu tjubija! Ara l-ħarsa tiegħu! X’ħarsa dik ħbieb! Kemm hi penetranti! Mhux ħarsa x’ħa taħtaf imma ħarsa x’ħa tagħti! Mhux ħarsa ta’ min hu brikkun imma ta’ min hu innoċenti! Mhux ħarsa ta’ xi ħadd li jrid idaħħlek u joħorġok minn butu biex imbagħad, wara li jkun ħa dak li kellu jieħu minnek jarmik, qisu qatt ma kien jafek imma ta’ xi ħadd li jħoss l-uġiegħ tiegħek! Jisimgħek! Imellsek! U jfarrġek! U anki jħallik terfgħu mill-maxtura! Oh Ġesù Bambin! Kemm int tal-gdim! O Ġesù Bambin! Kif ġenninti għal warajk! O Ġesù Bambin! Kif tabilħaqq sirt l-imħabba waħdanija tiegħi!

U rasu hi merfugħa! U hawn, O Bambin ta’ qalbi, ma nistax ma ninżilx għarkuptejja quddiemek u nadurak! Għax Int is-Sid! Int is-Sultan! Int il-King! U, jekk int il-King, to whom I sing, jiġifieri, li Int is-Sid li lilek jien ngħanni, ħa ngħannilek waħda kbira mal-Anġli fis-Sema! Ħa ngħannilek mar-rgħajja ħerqana li lejn l-għar marru jiġru! Għax int, Mulej tiegħi, Int il-veru FROTTA! Li ħiereġ minn din il-qoffa tal-frott!

Għidli, Ġesù Bambin, Intix Int is-sugu li għandi bżonn? Intix it-togħma ħelwa li fomm ruħi għandu bżonn bil-qabda bil-għan li jneħħi minnu t-togħma qarsa tad-dnub? Intix Int il-Frotta tal-karità u s-sempliċità? Intix Int ix-xempju tal-vera umiltà? Ara! Ħa ngħidlek Ġesù: fuq kollox Int iġġennini għal warajk. Imma fuq l-umiltà tiegħek emminni li mhux biss tħawwadli l-wires imma iġġibni fixxa! Kemm Inti kbir O Ġesù! X’Champion Int! Int li umiljajt lilek innisfek tant li sirt wieħed bħalna! Sirt vulnerabbli biex tfejjaq il-vulnerabbiltà tagħna!

U meta nara l-umiltà li ġġennen tiegħek, ma nistax ma nagħtix ħajti għall-morda fl-Isptar tal-Onkoloġija, ma nistax ma naħfirx, ma nistax ma nxandrekx, ma nistax ma nagħtix ħajti għalik! Ma nistax ma nqerrx! Ma nistax ma mmurx għall-quddiesa! Ma nistax ma nħobbx lill-Knisja! Ma nistax ma narakx f’min qed ibati! Ma nistax ma niftaħlekx għajnejk bi mħabba għall-ġid tiegħek f’min tilef it-triq! Ma nistax ma nħennx minn qalbi għalik f’min żbalja u qed ifittex li jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba tassew!

Ġenninti Ġesù! Imma l-ġenn tiegħek hu tassew il-ħajja vera tiegħi! Int il-FROTTA ta’ dejjem tiegħi!

Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd!

Patri Mario Attard OFM Cap