Kan. 1249 Il-Liġi ta’ Alla torbot lill-insara li jagħmlu penitenza kull wieħed skont il-mod tiegħu: iżda biex l-insara kollha jingħaqdu flimkien għal ċertu ħarsien tal-penitenza, hemm iffissati xi ġranet ta’ penitenza li fihom l-insara b’mod speċjali jagħtu ruħhom għat-talb, għall-għemejjel ta’ devozzjoni u mħabba, għaċ-ċaħda tagħhom infushom, billi jaqdu aħjar dmirijiethom u l-aktar billi jħarsu s-sawm u l-astinenza skont il-kanoni li ġejjin.
Kan. 1250 Il-ġranet ta’ penitenza fil-Knisja Universali huma l-Ġimgħat kollha tas-sena u żmien ir-Randan.
Kan. 1251 Wieħed għandu jħares l-astinenza mil-laħam jew minn ikel ieħor, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konferenza Episkopali, fil-Ġimgħat kollha tas-sena, barra dawk li fihom taħbat xi solennità. L-astinenza u s-sawm għandhom ikunu mħarsa fl-Erbgħa tar-Rmied u nhar il-Ġimgħa tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej.
Kan. 1252 Huma marbutin li jħarsu l-liġi tal-astinenza dawk kollha li għalqu l-erbatax-il sena; għandhom iħarsu l-liġi tas-sawm il-maġġorenni (jiġifieri dawk li għalqu t-tmintax-il sena) sa ma jidħlu fis-sittin sena. Iżda r-rgħajja tal-erwieħ u l-ġenituri għandhom iħabirku biex dawk li għadhom mhumiex obbligati li jħarsu l-liġi tas-sawm u tal-astinenza għax taħt l-età, jittrawmu fil-veru sens tal-penitenza.
Kan. 1253 Il-Konferenza Episkopali tkompli tiddetermina aktar fid-dettal kif għandhom jiġu mħarsa l-liġijiet tas-sawm u tal-astinenza, kif ukoll tgħid x’suriet oħra ta’ penitenza – l-aktar għemejjel ta’ mħabba u devozzjonijiet – jistgħu jiġu mibdula, għal kollox jew parzjalment, mas-sawm u l-astinenza.
Il-Konferenza Episkopali Maltija waqt li tfakkar li skont il-kan. 1250 il-jiem u ż-żminijiet tal-penitenza fil-Knisja huma l-Ġimgħat kollha ta’ matul is-sena u ż-żmien tar-Randan, wara li eżaminat il-kan. 1251 u 1253, kif ukoll iċ-ċirkostanzi attwali taż-żewġ djoċesijiet, biex jitneħħa kull ekwivoku, iddeċidiet li tagħti dawn in-normi dwar l-astinenza:
1. Fit-termini tal-Kanoni 1251 l-Astinenza tiġi mħarsa billi wieħed ma jikolx laħam jew ikel ieħor li jkun jogħġbu ħafna.
2. Fit-termini tal-kan. 1253 l-obbligu tal-astinenza jista’ jiġi mħares billi n-nisrani jagħmel wieħed minn dawn l-għemejjel li ġejjin:
a. jastjeni ruħu minn kull xorb alkoħoliku;
b. ma jpejjipx;
c. jiċċaħħad minn xi divertiment;
d. jieħu sehem f’Quddiesa, jew jagħmel il-Via Sagra;
e. jitlob aktar mal-familja, v.g. igħid ir-Rużarju;
f. jaqra l-Iskrittura mqaddsa;
g. irażżan l-infiq u jagħti karità;
h. iżur il-morda jew xjuħ li huma waħedhom.
3. F’Ras ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira għandu jibqa’ mħares l-obbligu tal-astinenza mil-laħam jew minn ikel ieħor skont l-artikolu 1, kif ukoll l-obbligu tas-sawm.
Mill-Ordni għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u tal-Liturġija tas-Sigħat u Aġenda Ekkleżjastika tas-Sena Liturġika 2019-2020, 13-14.