Il-Ġerarkija?

Print Friendly, PDF & Email

Fil-liturġija tal-ewwel ħdud tas-sena, il-Vanġelu jirrakkonta s-sejħa tal-Appostli. Dawk it-tnax-il raġel kienu l-bidu ta’ Knisja li maż-żmien ħadet struttura biex tmexxiha bl-aħjar mod.

IL-ĠERARKIJA TAL-KNISJA

Il-Ġerarkija tal-Knisja tfisser li fiha hemm diversi ministeri differenti. Hija mmexxija mill-Papa flimkien ma’ l-Isqfijiet.

MILL-BIBBJA

Infatti Ġesù għażel il-grupp tat-tnax-il Appostlu u tahom is-setgħa fuq l-oħrajn, sabiex ixandru l-Evanġelju lill-bnedmin kollha. Bħala kap ta’ dan il-Kulleġġ Appostoliku għażel lil San Pietru.

L-istruttura ġerarkika nsibuha sa mill-bidu tal-Knisja. Fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm, li tlaqqa’ minħabba ċ-ċirkumċiżjoni għall-pagani, iltaqgħu l-Appostli u l-presbiteri. Fil-kapitlu ta’ l-Atti li jirrakkonta dan il-Konċilju, insibu miktub: “Imbagħad dehrilhom l-Appostli u l-presbiteri flimkien mal-Knisja kollha li jagħżlu xi rġiel minnhom u jibagħtuhom Antijokja ma’ Pawlu u Barnaba” (Atti 22, 15). Dan il-vers juri biċ-ċar li l-Knisja kienet strutturata. L-Atti ta’ l-Appostli jurina li l-Appostli kienu jqiegħdu idejhom fuq il-presbiteri, kif naqraw: “F’kull Knisja kienu jqiegħdu idejhom fuq il-presbiteri bit-talb u s-sawm, u jerħuhom f’idejn il-Mulej li kienu emmnu” (Atti 14, 23).

San Pawl ikellem b’dan il-mod lill-mexxejja tal-Knisja ta’ Efesu: “Ħarsu lilkom infuskom u l-merħla kollha, li l-Ispirtu s-Santu qegħidkom għassiesa biex tirgħaw il-merħla ta’ Alla li huwa kiseb bid-demm tiegħu nnifsu” (Atti 20, 28). Dan il-vers juri wkoll li l-ewwel komunitajiet kien struttturati u kien hemm il-ġerarkija. Insibu li l-komunitajiet imwaqqfa minn San Pawl f’Kolossu u Korintu kien fihom ġerarkiji. Naqraw fl-ewwel ittra lill-Korintin: “U Alla qiegħed ‘il xi uħud fil-Knisja, l-ewwel bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala mgħallmin; imbagħad il-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna u l-ħakma, xorti ta’ ilsna” (1 Kor 12, 28).

Li l-Knisja hija ġerarkija narawha wkoll mill-ittri Pastorali (l-ewwel u t-tieni ittra lil Timotju u l-ittra lil Titu). F’dawn l-ittri naraw lil San Pawl jagħti pariri lil Timotju u Titu li kienu mexxejja ta’ Knejjes, jiġifieri isqfijiet biex imexxu b’għerf u għaqal il-komunità nisranija li ġiet fdata lilhom. Fl-ittra lil Titu, San Pawl jgħidlu kif għandu jkun l-isqof ideali: “Għax l-isqof, bħala amministratur ta’ Alla, għandu jkun bniedem li tista’ tgħid xejn fuqu, ma għandux ikun mimli bih innifsu, mhux bniedem li jitlagħlu, mhux sikran, mhux ġellied, mhux rgħib għal qligħ bil-għawġ, imma bniedem li jilqa’ l-għorba, li jħobb it-tajjeb, meqjus, ġust, qaddis, irżin, li jżomm sħiħ mal-kelma ta’ min jemminha skond it-tagħlim, biex ikun jista’ jwissi skond it-tagħlim sħiħ u jagħleb lil dawk li jmieru” (Titus 1, 7-9).

Għalhekk sa mill-bidu l-Knisja kienet organizzata b’mod ġerarkiku. Dan ifisser illi kull setgħa tkun ġejja minn Alla, anki meta l-komunità ta’ nsara kienet tagħżel l-isqfijiet, presbiteri u djakni. Dawn jirċievu setgħat mhux mill-komunità imma minn Ġesù Kristu, permezz tal-mibgħutin tiegħu. Dan ma jeskludix, anzi jissoponi, it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-Knisja primittiva ma kinitx tara lilha nnifsha biss bħala “poplu ta’ Alla”, iżda wkoll “merħla ta’ Kristu”. Huwa jipprovdilha ragħajja umana  sabiex jmexxuha u jiggvernawha f’ismu.

MATUL IS-SEKLI

Ħarsa qasira matul is-sekli, turina li r-Riformaturiċaħdu l-ġerarkija u l-ministeru ordnat u aċċettaw is-saċerdozju tal-fidili. Il-Konċilju ta’ Trentu (1545-1563) iddikjara li fil-Knisja Kattolika hemm ġerarkija u din ġiet imwaqqfa bi kmand divin. Il-Papa Piju VI ikkundanna bħala eretiku t-tagħlim Gallikan tal-psewdo-Sinodu ta’ Pistoia (1786), illi l-poter ingħata l-ewwel lill-Knisja kollha u mbagħad dan għadda għand ir-ragħajja tagħha. It-tagħlim tal-Knisja huwa li Kristu ta l-poter spiritwali lill-Appostli direttament. San Piju X ikkundanna it-tagħlim tal-Modernisti li l-Ġerarkija tal-Knisja hija riżultat ta’ żvilupp storiku. Dan ifisser li l-idea ta’ ġerarkija ffurmat ruħha matul is-sekli.

Imbagħad il-Papa Piju XII, fl-enċiklika Mystici Corporis, ikkundanna d-distinzjoni bejn “Knisja mmudellata mill-imħabba” u “Knisja li tikkonsisti f’elementi ġuridiċi”. Din id-distinzjoni timplika li fil-Knisja twaqqfet bħala xirka ta’ mħabba u mbagħad, permezz ta’ ċirkustanzi esterni, żviluppat ruħha f’soċjetà li għandha ġerarkija. Dawn it-tendenzi b’xi mod jew huma ċaħda tal-ġerarkija jew it-tnaqqis ta’ l-importanza tagħha.

KRISTU L-GĦAJN TAL-MINISTERU EKKLESJALI

Kien Kristu nnifsu li waqqaf il-ministeru fil-Knisja. Hu waqfu, tah l-awtorità u l-missjoni tiegħu, id-direzzjoni u l-għan tiegħu. Il-Konċilju Vatikan II jgħidilna:

Kristu l-Mulej, biex ikun żgur li l-Poplu ta’ Alla jkollu ragħajja u mezzi għall-kobor tiegħu, waqqaf fil-Knisja tiegħu għadd ta’ ministeri ħa jfittxu l-ġid tal-ġisem kollu. Il-ministri li għandhom setgħa mqaddsa huma għall-qadi ta’ ħuthom biex dawk kollha li jagħmlu sehem mill-Poplu ta’ Alla … jaslu għas-salvazzjoni. (Lumen Gentium 18)

Il-ġerarkija hija magħmula mill-ministri sagri li huma: Isqfijiet, presbiteri (jiġifieri saċerdoti) u djakni. Huma jirċievu l-ministeru sagru permezz ta’ l-ordinazzjoni. Il-ministeru fih innifsu huwa grazzja.  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna: “Ħadd ma jista’ jagħti lilu nnifsu l-grazzja, imma trid tingħatalu u tiġi offruta lilu” (875). Ladarba huma rċevew il-ministeru tagħhom minn Ġesù nnifsu, huma jwettqu l-ħidma tagħhom f’ismu. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jagħmilha ċara: “Ħadd  ma jista’ jagħti lilu nnifsu l-mandat u l-missjoni li jxandar l-Evanġelju” (875). U proprju l-ġerarkija tagħmel dan għax irċviet din il-missjoni.

Il-ministri sagri għandhom rabta kbira ma’ Kristu. Billi jiddependu għal kollox minn Kristu, huma qaddejja tiegħu. Kif huwa wettaq missjoni ta’ qadi, hekk ukoll il-ministri sagri jridu jimxu fuq l-eżempju tiegħu. Infatti kemm il-grazzja tal-ministeru tagħhom u  tagħlimhom ma humiex tagħhom imma ta’ Kristu. Għalhekk, kif jgħid San Pawl, il-ministeru tagħhom huwa ta’ qadi: “Għalkemm jien ħieles minn kulħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd, biex nirbaħ ħafna” (1 Kor 9, 19).

Ta’ min isemmi l-karattru kolleġġjali tal-ġerarkija. L-isqfijiet jaqdu l-missjoni tagħhom fi ħdan il-kulleġġ ta’ l-isqfijiet f’għaqda ma’ l-Isqof ta’ Ruma, li huwa s-suċċessur ta’ San Pietru u kap tal-kulleġġ. U s-saċerdoti jaqdu l-missjoni tagħhom taħt id-direzzjoni ta’ l-isqof tal-post.

Il-ministeru ekkleżjali għandu wkoll karattru personali għax, minħabba s-Sagrament ta’ l-Ordni Sagri, kull wieħed huwa responsabbli quddiem Kristu, li sejjaħlu personalment, u tah il-missjoni fi ħdan il-Knisja.

Għalhekk fil-Knisja kollox huwa strutturat. Il-Papa Benedittu XVI jispjega l-ordni ġerarkiku fil-Knisja f’dan il-mod: “Id-distinzjoni ċara bejn ‘persuna lajka’ u l-ġerarkija bl-ebda mod ma tfisser opposizzjoni, iżda turi l-funzjoni organika ta’ ġisem, li għandu funzjonijiet differenti. Infatti, il-Knisja, ma hijiex post ta’ konfużjoni u anarkija fejn wieħed jista jagħmel dak li jrid il-ħin kollu. Kull wieħed f’dan il-ġisem, li għandu struttura ċara, jerżerċita l-ministeru tiegħu skond il-vokazzjoni li jkun irċieva” (Udjenza Ġenerali, 7 ta’ Marzu 2007).

IL-KULLEĠĠ EPISKOPALI U L-KAP TIEGĦU L-PAPA

Kif għedna, Sidna Ġesù Kristu għażel grupp tat-tnax u tahom sura ta’ kulleġġ, b’San Pietru bħala kap tiegħu. Hekk ukoll din ir-rabta għadha teżisti bl-isqfijiet bħala suċċessuri ta’ l-Appostli u l-Papa bħala s-suċċessur ta’ San Pietru.

L-ogħla awtorità fil-Knisja huwa l-Isqof ta’ Ruma jew il-Papa. Huwa s-suċċessur ta’ San Pietru. Il-Papa hu l-prinċipju perpetwu u viżibbli, u l-pedament tal-għaqda tal-Knisja. Hu l-vigarju ta’ Kristu, kap tal-kulleġġ ta’ l-isqfijiet u ragħaj tal-Knisja kollha, li fuqha għandu, b’awtorità ġejja minn Alla setgħa sħiħa, suprema, immedjata u universali (jiġfieri fuq il-Knisja mxerrda mad-dinja kollha).

Il-kulleġġ ta’ l-isqfijiet ma għandux awtorità jekk ma jkunx magħqud mal-Papa. Dan il-kulleġġ iħaddan is-setgħa fil-Knisja kollha kemm hija b’mod solenni f’Konċilju Ekumeniku. Biex ikun Konċilju Ekumeniku jrid ikollu l-approvazzjoni tal-Papa.

Fl-aħħar, dan il-kulleġġ, li magħmul minn persuni minn mad-dinja kollha, juri kemm il-poplu ta’ Alla huwa mxerred mad-dinja kollha, huwa miġbur taħt ragħaj wieħed u juri l-għaqda tal-merħla ta’ Kristu.

(mill-’Assenjatur’, il-laqgħat ta’ kuljum għas-Soċji tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, M.U.S.E.U.M)

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d