Għalija t-tmiem tas-sena 2020 u l-bidu tas-sena 2021 kellhom ħaġa komuni bejniethom: MARIJA OMM ALLA U OMMNA! U dan qed ngħidu b’ħafna faraġ u tama f’qalbi!
Kif nista’ ninsa l-esperjenza sabiħa li kellna fil-Knisja tal-Kapuċċini tas-Salib Imqaddes tal-Furjana nhar l-Erbgħa 23 ta’ Diċembru fis-6.00 pm? F’din id-data din il-Knisja imdawla u li ddawwal, rat attendenza tassew sabiħa magħmula minn Patrijiet u anki lajċi, għall-Innu liturġiku Biżantin tal-Akathistos f’ġieħ il-Verġni Marija Omm Alla. Dan l-Innu tmexxa minn Papas Arkimandrita George Mifsud Montanaro u Papas Martin Zammit.
Ħadt gost ħafna nakkumpanjahom waqt li kienu qiegħdin imexxu dan l-Innu tant imqanqal lil Marija! Anki jekk dan l-Innu jitkanta bil-wieqfa, għalhekk insejħulu Akathistos, l-għejja f’riġlejja ma ħassejtiex! Kif stajt inħoss l-għejja meta lil Marija Ommna kont qed ngħannilha dawn l-invokazzjonijiet mirquma Bibliċi: bik infetħu bwieb il-mewt; bik tlibbisna aħna bis-sebħ u l-glorja; int fortizza kontra l-għadu tar-ruħ; int il-kenn tan-nagħaġ tal-mergħa tiegħu; int it-torri sod tal-Knisja u l-bqija?
Dawn l-invokazzjonijiet imlewni b’ferħ kbir l-għaliex f’Marija Omm Alla, li hi Ommi wkoll, nista’ tabilħaqq nafda! U, il-qdusija li l-Mulej imlieha biha qiegħdha hemm għalija u għalik! Biex tinkoraġġina ħalli nibqgħu mexjin fil-mixja tagħna wara Kristu. Bit-tlajja’ u l-inżul tagħna. Din l-esperjenza, li hi frotta ta’ dak li l-Ispirtu s-Santu qed jiżra fil-kappellanija taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bit-talb tal-qaddis Kapuċċin San Leopoldu Mandic, qaddis padrun tal-morda b’tumur u pijunier tal-ekumeniżmu spiritwali, hi orientale lumen, dawl mill-Lvant Nisrani, għall-Knisja u l-poplu Malti. Dawl inemnem imma li jdawwal u jferraħ il-qalb ta’ tant qlub li jinsabu mbenġla l-għaliex ħaddieħor dirishom bla ħniena bl-arroganza, bl-indifferenza u bil-kefrija wkoll. U dan għax ġietu u ġietha l-għira!
Imbagħad, is-sena 2020 għalaqtha f’adurazzjoni f’waħda mis-swali taċ-Ċentru tal-Onkoloġija. X’ferħ ħassejt f’qalbi li nkun u nitlob fil-periferija! Mingħajr ħafna daqq u storbju imma bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu! U, f’din l-adurazzjoni, li għaliha kien hemm jien u persuna oħra, adurajna lil Ġesù fl-Ewkaristija ma’ Marija. Bit-talba qawwija tar-Rużarju Mqaddes!
Ma’ nofsillejl, u mad-dħul tas-sena 2021, bdejna l-quddiesa f’ġieħ Marija Omm Alla! F’din il-quddiesa tgħallimt li meta jqum l-inkwiet, jew meta nkun bihom, ħa nitlob il-Magnificat li jibda’ bil-kliem: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej! U l-baħar jikkalma u l-jum jibnazza.
Jekk trid tkun taf aktar min hi Marija żur il-website A moment with Mary. Minuta kulma toħodlok biex taqra l-meditazzjoni ta’ kuljum. Imma l-ferħ u l-fejqan li tħoss ma jitfissrux!
Patri Mario Attard OFM Cap