Omelija fi ġnien ta’ Villa Barberini

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIL-ĠNIEN TAĊ-ĊITRU TA’ VILLA BARBERINI GĦAL GRUPP TA’ FIDILI

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Castelgandolfo, 3 ta’ Awissu 1980

Fis-sett kollu tal-qari tal-liturġija tallum hemm miġbur paradoss profond, il-paradoss bejn il-“vanità u l-valur”. L-ewwel kliem mill-ktieb ta’ Qoèlet jitkellem dwar il-vanità tal-ħwejjeġ kollha; f’ċertu sens dwar il-vanità tal-isforzi, tal-attivitajiet tal-bniedem f’din il-ħajja, tal-vanità tal-maħluq b’tali mod; tal-vanità tal-bniedem, huwa wkoll krejatura li tgħaddi u li tmut.

F’dan is-salm li nkantaw fil-liturġija tallum eżatt wara li nisimgħu l-eloġju tal-ħolqien. Mill-bqija dak l-eloġju huwa eku primoġenitu mbiegħed, kontenut fil-Ġenesi kollu, tal-eloġju tal-ħolqien: meta Alla qal li l-operat kollu tiegħu kien tajjeb, anzi ra li kien ġid tal-bniedem, li ħalaq xbiha u xebħ tiegħu, qal li kien tajjeb ħafna. Ra li kien tajjeb ħafna. Għalhekk insibu ruħna quddiem ċertu nterrogattiv: għaliex il-vanità u għaliex il-valur?

Liema rapport jorbot il-waħda mal-ieħor? It-tweġiba, għallinqas dik ewlenija, insibuha fil-Vanġelu moqri llum. Din mhix li ngħaddu ħaqq dwar il-ħolqien. Din hija tat-triq tal-għaqal. Ma ninsewx li l-Ġenesi huwa, qabel kollox, ktieb (għandi f’moħħi l-ewwel kapitoli). Huwa mela ktieb dwar id-dinja, f’ċertu sens ktieb-manwali tejoloġiku dwar il-kożmoloġija u dwar il-ħolqien. Il-ktieb ta’ Qoèlet, iżda, huwa ktieb dwar l-għaqal. Jgħallem kif għandna ngħixu. U dan li fil-Vanġelu tallum jgħid Kristu huwa l-estensjoni ta’ dak l-għaqal tat-Testment il-Qadim. Kristu jitkellem permezz ta’ eżempji u parabboli; jitkellem dwar il-bniedem li għalaq is-sens ta’ ħajtu fil-ġid ta’ din id-dinja. U dan kisbu f’tali kwantità li kellu jibni mħażen ġodda biex ikun jistà jaħżnu kollu. Il-programm tal-ħajja mela huwa li takkumula u tuża. U f’dan għandha tkun magħluqa l-feliċità. Lil tali bniedem Kristu jwieġeb: “Iblah, dal-lejl stess se jitolbu lil ruħek”.

Jekk interpretajt b’dan il-mod is-sens tal-valur, allura se ddur kontra tiegħek il-liġi tal-vanità. U din diġa hija tweġiba. Dan mela mhuwiex ħaqq fuq id-dinja, imma ta’ għaqal tal-bniedem, tal-mod tal-aġir tiegħu. Fit-taħditiet tiegħi ma’ ħabib indimentikabbli, Jurek, konna nsejħu dan kollu ġerarkija tal-valuri. Huwa meħtieg li nistabilixxu, f’ħajjitna, ġerarkija tal-valuri. Kristu permezz ta’ dak kollu li qal u, b’mod speċjali, permezz ta’ dak kollu li Huwa kien, permezz tal-misteru paskwali kollu, stabilixxa l-ġerarkija tal-valuri fil-ħajja tal-bniedem, Fit-tieni qari tallum San Pawl jingħaqad propju ma’ din il-ġerarkija meta jgħid li għandna nfittxu dak li huwa fil-għoli. Mela l-bniedem ma jistax jagħlaq ix-xefaq ta’ ħajtu bit-temporanjetà, ma jistax jirriduċi s-sens ta’ ħajtu fil-benefiċċju tal-ġid li ġie rregalat lilu min-natura, mill-ħolqien, li jdawruh u li jinsabu wkoll ġewwa fih. Ma jistax jagħlaq b’dan il-mod il-primat tal-eżistenza tiegħu imma għandu jmur ‘il hemm minnu nnifsu. Billi hu xbiha u xebħ ta’ Alla għandu jara lilu nnifsu iktar għoli u għandu jfittex għalih sens f’dan li huwa fuqu.

Il-Vanġelu jiġbor fih il- verità dwar il-bniedem għaliex jiġbor fih dak kollu li huwa fuq il-bniedem u li, fl-istess ħin, il-bniedem jistà jilħaq fi Kristu waqt li jikkollabora bl-azzjoni ta’ Alla li jaġixxi fil-bniedem. Din hija t-triq tal-għaqal. U fuq din it-triq tal-għaqal jiddetermina ruħu l-paradoss bejn il-vanità u l-valur; il-paradoss li spiss jgħix il-bniedem.

Bosta drabi l-bniedem huwa nklinat li jħares lejn ħajtu mill-punt di vista tal-vanità. Madankollu Kristu jixtieq li aħna nħarsu lejha mill-punt di vista tal-valur, billi iżda noqogħdu attenti li nużaw il-ġerarkija ġusta tal-valuri, l-iskala ġusta tal-valuri.

U meta l-liturġija tallum, flimkien mal-kelma: Alleluia, tfakkarna wkoll il-bejatitudni: “Imberkin il-foqra tal-ispirtu għaliex tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”, tiġbor fiha programm tali tal-ħajja.

Kristu ħeġġeg lill-bniedem għall-faqar, biex jassumi atteġġjament li ma jġagħlux jingħalaq fit-temporanjetà, li ma jġagħlux jara fiha l-iskop aħħari tal-eżistenza propja u ma jġagħlux jistabilixxi kollox fuq il-konsum, fuq it-tgawdija. Tali bniedem huwa f’dan is-sens fqir, għaliex huwa b’mod kontinwu miftuħ. Miftuħ lejn Alla u miftuħ lejn dawn il-valuri li jitwasslulna mill-azzjoni Tiegħu, mill-Grazzja Tiegħu, mill-Ħolqien Tiegħu, mill-Fidwa Tiegħu u mill-Kristu Tiegħu.

Hawn hi l-ġabra fil-qosor tal-ħsibijiet miġbura fil-liturġija tallum; ħsibijiet dejjem importanti. Dawn qatt ma jitilfu s-sinifikat tagħhom; jibqgħu attwali b’mod perpetwu.

F’ċertu sens, fittixna dejjem tweġiba għad-domanda: xi jfisser li tkun nisrani? Xi jfisser tkun nisrani fid-dinja moderna: tkun nisrani f’kull jum, billi tkun, fl-istess ħin, professur tal-università, inġinier, tabib, bniedem kontemporanju u, qabel dan, student jew studentessa.

Xi jfisser tkun nisrani? U waqt li tiskopri dan il-valur u speċjalment dan il-kontenut tal-kelma “nisrani”, u l-valur konġenitu magħha, insibu wkoll il-ferħ. Mhux biss konsolazzjoni mmedjata, imma affermazzjoni kontinwa. Tweġiba għad-domanda jekk hix ħaġa sabiħa li tgħix, hawn tinsab il-konferma. F’dak il-każ, hija ħaġa sabiħa li tgħix. B’tali fehim tal-ġerarkija tal-valuri, tal-iskala tal-valuri, hija ħaġa sabiħa li tgħix. Jekk il-ħajja għandha dan is-sens, hija ħaġa sabiħa li tgħix. U hija ħaġa sabiħa li tisforza lilek innifsek u li tbati, għaliex il-ħajja umana mhijiex ħielsa minn dan, u kull wieħed u waħda minna, b’mod individwali u fil-komunità tagħna, għexna sofferenzi kbar.

F’din il-prospettiva hija ħaġa sabiħa li nisfurzaw u nbatu, għaliex: “Imberkin il-foqra tal-ispirtu, għaliex tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. Hekk fil-bidu ffurmat ruħha l-Knisja, hekk beda jiffurmaha Kristu stess, u hekk hija ffurmat ruħha grazzi għall-ministeru tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom, u hekk ukoll tifforma ruħha llum. Ibnu l-Knisja f’din id-dimensjoni tal-ħajja li tagħha intom sehem. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: