QUDDIESA GĦAL GRUPP TA’ PELLEGRINI. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Castelgandolfo, 27 ta’ Lulju 1980
Ikun Imfaħħar Ġesù Kristu!
“Mulej, għallimna nitolbu”: dan il-kliem indirizzat direttament lil Kristu, u mfakkar illum lilna, fil-qari tal-Vanġelu, ma jappartinix biss għall-imgħoddi. Dan huwa kliem mtenni b’mod kontinwu mill-bnedmin, din hija problema dejjem attwali; il-problema tat-talb.
Xi jfisser titlob? Kif titlob? U għalhekk it-tweġiba li ta Kristu hija dejjem attwali.
U kif wieġeb Kristu? F’ċertu sens huwa għallem lil dawk li staqsewh il-kliem li kellhom jippronunzjaw meta jitolbu, meta kellhom iduru lejn il-Missier. Dan il-kliem jinsab fiż-żewg verżjonijiet evanġeliċi: it-test tal-Vanġelu tallum jiddiversifika ftit minn dak li mdorrijin bih aħna fit-talb tagħna ta’ kuljum: infatti aħna niftakru l-“Missierna” skont il-verżjoni ta’ San Mattew.
Kristu mela għallem il-kliem tat-talba: il-kliem l-iktar perfett, il-kliem l-iktar komplut; fih hemm miġbur kollox.
Bdanakollu t-tweġiba ta’ Kristu ma tillimitax ruħha b’mod esklussiv għat-test, għall-kliem li għandna nippronunzjaw meta nitolbu. Din hija problema iktar urġenti, u, wieħed jistà jgħid, ukoll ferm iktar kumplessa.
Xi jfisser titlob? Titlob ifisser tħoss l-insuffiċjenza propja permezz tan-neċessitajiet differenti li jippreżentaw ruħhom lill-bniedem, in-neċessitajiet li kostantament jagħmlu parti minn ħajtu. Bħal, per eżempju, il-bżonn tal-ħobż li għalih jirreferi Kristu waqt li jagħti bħala eżempju dak il-bniedem li jqajjem lil ħabibu f’nofsillejl biex jitolbu ftit ħobż. Neċessitajiet simili huma numerużi. Il-bżonn tal-ħobż huwa, f’ċertu sens, is-simbolu tal-bżonnijiet kollha materjali, tal-bżonnijiet tal-ġisem uman, tal-bżonnijiet ta’ din l-eżistenza li titnissel mill-fatt li l-bniedem huwa l-ġisem. Imma l-iskala ta’ dawn il-bżonnijijiet hija iktar vasta .
Għat-tweġibiet ta’ Kristu, fil-liturġija tallum, tappartieni wkoll din il-ġrajja meraviljuża tal-Ġenesi li tagħha l-personaġġ ewlieni huwa Abraham. U l-problema ewlenija hija dik ta’ Sodoma u Gomorra; jew inkella, fi kliem ieħor, dik tat-tajjeb u l-ħażin, tad-dnub u tal-ħtija, jiġifieri: il-problema tal-ġustizzja u tal-ħniena. Splendidu huwa dak id-djalogu bejn Abraham u Alla u juri li li titlob ifisser timxi b’mod kontinwu fl-orbita tal-ġustizzja u tal-ħniena, hija ntroduzzjoni bejn il-waħda u l-oħra f’Alla nnifsu.
Titlob mela jfisser tkun koxjenti, tkun koxjenti sal-qiegħ tal-bżonnijiet kollha tal-bniedem, u, f’isem din il-verità li s-suġġett dirett tagħha huwa jiena stess, u mhux biss jien, imma wkoll il-proxxmu tiegħi, il-bnedmin kollha, l-umanità kollha kemm hi, u f’isem din il-verità indur lejn Alla bħala Missier.
Mela, skont it-tweġiba ta’ Kristu għad-domanda: “Għallimna nitolbu”, kollox jirriduċi ruħu għal dan il-kunċett singolu: titgħallem titlob ifisser “titgħallem il-Missier”. Jekk aħna nitgħallmu, fis-sens sħiħ tal-kelma, fid-dimensjoni sħiħa ir-realtà “Missier”, inkunu tgħallimna kollox. Titgħallem il-Missier ifisser issib it-tweġiba għad-domanda dwar kif titlob, għaliex titlob, ifisser ukoll issib it-tweġiba għal serje ta’ domandi marbutin, per eżempju, għall-fatt li jiena nitlob u f’xi ftit każi ma niġix mismugħ.
Kristu jagħti tweġibiet indiretti għal dawn id-domandi wkoll fil-Vanġelu tallum. Jagħtihom fil-Vanġelu kollu u fl-esperjenza nisranija kollha. Titgħallem min huwa l-Missier ifisser titgħallem dak li huwa l-fiduċja assoluta. Titgħallem il-Missier ifisser takkwista ċ-ċertezza li hu assolutament ma jistà jirrifjuta xejn. Dak kollu huwa migħud fil-Vanġelu tallum. Hu ma jirrifjutak linqas meta kollox, materjalment u psikoloġikament, donnu jindika r-rifjut. Hu ma jirrifjutak qatt.
Mela titgħallem titlob ifisser “titgħallem il-Missier” b’dan il-mod; titgħallem tkun sikur li l-Missier ma jirrifjutalek qatt xejn, imma li għall-kuntrarju jagħti l-Ispirtu Santu lil dawk li jitolbuhulu.
Id-doni li aħna nitolbu huma diversi, huma l-bżonnijiet tagħna. Nitlolbu skont l-esiġenzi tagħna u ma jistax ikun mod ieħor. Kristu jikkonferma dan l-atteġġjament tagħna: iva, huwa hekk: tridu titolbu skont l-esiġenzi tagħkom, hekk kif tħossuhom. Kif dawn il-bżonnijiet iqanqlukom, spiss b’mod doloruż, hekk għandkom titolbu. Meta bil-maqlub tkun meħtieġa tweġiba għal kull domanda tagħkom, din tingħata permezz ta’ don sostanzjali: Il-Missier jirregalalna l-Ispirtu Santu. U jirregalhulna fid-dawl ta’ Ibnu. Għal dan ta lil Ibnu, ta lil Ibnu għad-dnubiet tad-dinja, ta lil Ibnu waqt li ffaċċja l-bżonnijiet kollha tad-dinja, il-bżonnijiet kollha tal-bniedem, biex ikun jistà dejjem, f’dan l-Iben mislub u rxuxtat, jagħti l-Ispirtu Santu. Dan huwa d-don tiegħu.
Titgħallem titlob ifisser titgħallem il-Missier u titgħallem fiduċja assoluta lejn dak li dejjem joffrilna dan id-don ferm kbir, u waqt li joffrihulna ma jqarraq bina qatt. U jekk xi kultant, jew ukoll spiss, ma nirċevux b’mod dirett dak li nitolbu, f’dan id-don hekk kbir – meta jiġi offrut lilna – hemm miġburin id-doni l-oħra kollha; ukoll jekk b’dan ma nindunawx dejjem.
L-eżempju li l-iktar ixxukkjani l-bieraħ huwa dak ta’ bniedem li ltqajt miegħu fi sptar. Kien marid b’mod gravi minħabba ġrieħi li ġarrab waqt ir-rewwixta ta’ Varsavja. F’dak l-isptar kellimni dwar il-feliċità straordinarja tiegħu.
Dan il-bniedem wasal għall-feliċità permezz ta’ xi triq oħra għaliex viżibilment, meta tqis l-istat fiżiku tiegħu mill-punt di vista mediku, ma kienx hemm mottivi biex ikun hekk ferħan, li jħossu hekk tajjeb u li jqis ruħu mismugħ minn Alla. Bdanakollu kien mismugħ f’dimensjoni oħra tal-umanità tiegħu.
Ftakar fid-don li fih kien sab il-feliċità tiegħu minkejja li kien hekk infeliċi.
Il-liturġija tallum li qegħdin niċċelebraw f’dawn il-ġonna vatikani ta’ Castel Gandolfo, toffri okkażjoni forsi partikolari biex tgħaqqadna fl-ispirtu ma’ dawk kollha preżenti u ma’ dawk li huma preżenti hawn permezz tagħkom.
Jekk inhu minnu li madwar id-dinja tgħaddi r-rivoluzzjoni, dik li faħħartu fil-bidu tal-laqgħa tagħna, allura din ir-rivoluzzjoni hija l-iktar meħtieġa għall-bniedem. Il-bniedem iddiżappuntat minn tant programmi, minn tant idejoloġiji marbuta mad-dimensjoni tal-ġisem, mat-temporanjetà, mal-ordni tal-materja, jissottometti ruħu għall-azzjoni tal-ispirtu u jiskopri fih ix-xewqa ta’ dak li huwa spiritwali. Nemmen li llum tassew tali rivoluzzjoni tgħaddi mid-dinja. Bosta huma l-komunitajiet li jitolbu, jitolbu bħal forsi qatt qabel, b’mod differenti, iktar komplut, iktar għani, bi ftuħ vast għal dak id-don li jagħti l-Missier; u wkoll b’espressjoni umana ġdida ta’ dan il-ftuħ. Ikolli ngħid, bi programm kulturali ġdid tat-talb ġdid. Komunitajiet simili huma numerużi. Nixtieq ningħaqad magħhom kulfejn jinsabu: fuq l-art Pollakka, u fid-dinja kollha.
Din ir-rivoluzzjoni kbira tat-talb hija l-frott tad-don, u hija wkoll ix-xhieda tal-bżonnijiet immensi tal-bniedem modern u tat-theddid li qegħdin jippressaw fuqu u fuq id-dinja kontemporanja. Naħseb li t-talba ta’ Abraham u l-kontenut tagħha huwa ferm attwali fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom. Hija tant meħtieġa tali talba, biex tittratta ma’ Alla għal kull bniedem ġust; biex tifdi d-dinja mill-inġustizzja. Hija ndispensabbli talba li tinterferi kważi fil-qalb ta’ Alla fost dak li fih hija l-ġustizzja u dak li fih hija l-ħniena.
Hija meħtieġa tali talba, appell ħerqan kbir għall-bnedmin, u għall-komunitajiet, għall-popli, għall-umanità kollha. It-talba ta’ Abraham.
Hekk ukoll it-tweġiba ta’ Kristu għad-domanda “għallimna nitolbu” hija dejjem attwali; irridu niddeċifrawha fil-kontenut oriġinarju tagħha kif inhi rreġistrata fil-Vanġelu; u rridu niddeċifrawha wkoll skont is-sinjali taż-żmien li fih qegħdin ngħixu.
Il-frott ta’ tali smigħ tat-tweġiba ta’ Kristu, ta’ tali qari, jkun propju t-talb, kull talba li nirreċitaw, kull talba li niċċelebraw, ukoll dik li nirreċitaw u niċċelebraw issa: l-ikbar talba tat-talb kollu, li fiha Kristu nnifsu jitlob magħna u permezz tagħna; li fiha l-Ispirtu tiegħu jitlob bi “tnehid inesprimabbli” (Rm 8,26), magħna u permezz tagħna li qegħdin niċċelebraw l-Ewkaristija. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb