QUDDIESa GĦAŻ-ŻGĦŻAGĦ TAL-MOVIMENT INTERNAZZJONALI “OASI”
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Castelgandolfo, 24 ta’ Lulju 1980
Għeżież ħuti u wliedi li tappartienu lill-Moviment “Oasi”!
1.Waqt li tieħdu sehem fil-kungress internazzjonali fl-okkażjoni tat-XXX anniversarju tal-fundazzjoni tas-sodalizju tagħkom, intom xtaqtu li tikkonkluduh bil-quddiesa ċcelebrata mill-Papa. Huwa ferħ kbir għalija li nilqagħkom f’din l-okkażjoni, li tikkostitwixxi il-punt kulminanti tal-laqgħa tagħkom u nestendi, lid-dirġenti u lilkom it-tislima l-iktar ta’ mħabba tiegħi. U ngħidilkom grazzi għaż-żgħożija mħeġġa u żeluża tagħkom, għall-ġenerożità tagħkom u għall-ferħ li tqanqlu fija, fil-Knisja u fid-dinja!
Għaddew tletiin sena minn dak il-jum li fih, matul is-sena mqaddsa 1950, b’mod moħbi u umli qam dan il-moviment ekkleżjali, hekk impenjattiv u determinanti, li safa msejjaħ “Oażi”, għaliex tridu tindikaw – bħalma sostna Piju XII, ta’ tifkira meqjuma – li “fid-deżert ta’ din id-dinja, tant niexef minħabba li hu tant maħruq” kienet ix-xewqa tagħkom u r-rieda tant deċiża tagħkom li twieled, kiber u immultiplika l-ħajja ta’ Alla, li għamilkom il-kanali, mitmugħa minn dak li huwa sors ta’ ilma ħaj (cf. Piju XII, Allocutio ad “Oasi, die 23 nov. 1952: Discorsi e radiomessaggi di Sua Santità Pio XII, XIV [1952] 399).
Minn dak iż-żmien iż-żerriegħa ċkejkna żviluppat f’siġra kbira, li timbotta l-friegħi fertili tagħha f’ħamsa u tletin Stat fil-kontinenti kollha, waqt li jiġbru eluf u eluf ta’ żgħażagħ li jħallu lilhom infushom ikunu ggwidati għal kollox mill-imħabba ta’ Kristu biex jagħtuh xhieda fis-soċjetà moderna. Għal dan il-fenomenu spiritwali hekk sinifikattiv u effikaċi qabel kollox niżżu ħajr lill-Mulej u lill-Verġni Santissma, li lilha intom partikolarment ikkonsagrati, u mbagħad ukoll ir-rikonoxxenza tagħkom lejn dawk li b’fiduċja bdewh u komplewh b’dedikazzjoni perseveranti.
2. Illum iżda li, wara ċ-ċelebrazzjoni tat-trentenju, se tħejju ruħkom biex terġgħu lura bħala ħmira, moħbijin imma prezzjużi, fis-soċjetà, hekk mixtieqa minn ċertezza u minn salvazzjoni, intom tistennew mill-vigarju ta’ Kristu kelma programmatika, li tkompli timpenjakpm fil-“konsagrazzjoni” tagħkom hekk sabiħa u hekk meħtieġa.
Waqt li nerġà nfakkar il-kelma “Oażi” li minnufih tissuġġerixxi l-idea ta’ paċi, mistrieħ, serenità, nixtieq infakkar il-laqgħa ta’ Kristu ma’ Marta u Marija, li seħħet f’Betanja li kienet ftit jew wisq l-“oażi” ta’ Ġesù, bħal ma qrajna fil-Vanġelu tal-Ħadd li għadda.
Jikteb l-evanġelista li Ġesù ġie milqugħ fid-dar minn Marta: “Din kellha oħtha jisimha Marija, li, bilqegħda f’riġlejn Ġesù, kienet tismà kelmtu: Marta, mill-banda l-oħra. Kien moħħha fix-xogħlijiet tad-dar; minħabba dan resqet lejn Ġesù u qaltlu: “Mulej, ma tarax li oħti ħallietni waħdi nservi? Għidilha mela biex tiġi tgħinni”. Imma Ġesù weġibha: “Marta, Marta. Inti tinkwieta u titħabat għal bosta ħwejjeġ, imma ħaġa waħda hija meħtieġa. Marija għażlet l-ikbar ħaġa li, ma titteħdilhiex” (Lq 10,38-42). Evidentement Ġesù ma kienx qed iċanfar lil Marta minħabba l-kura tagħha tad-dar, mimlija rispett u ġentilezza, imma minħabba l-preokkupazzjoni materjali eċċessiva tagħha, li kważi kirenet qiegħda tnessiha l-“preċedenza assoluta” li kienet tixraq lill-mistieden divin; waqt li faħħar lil Marija li, bis-smigħ ta’ Ġesù, kienet għażlet l-aħjar parti.
Hawn hu fejn tinsab “l-aħjar parti”: fis-smigħ tal-kelma ta’ Alla, fis-smigħ tal-messaġġ ta’ Kristu! U huwa hawn fejn jinsab l-“ispirtu” tal-Oażi! Intom tridu tagħżlu l-“aħjar parti”, billi tisimgħu l-kelma ta’ Kristu u billi nibqgħu xhieda fidili tal-messaġġ feddej tiegħu.
Din, infatti, hija l-unika ħaġa li verament ninħtieġu: id-dawl tar-rivelazzjoni u l-qawwa redentriċi tal-grazzja. Mingħajr id-dawl ta’ Kristu, kollox isir enigmatiku, mċajpar, kuntradittorju, saħansitra assurd, bħal ma jikkonfermaw, sfortunatament, tant kurrenti tal-anjostiżiżmu kontemporanju. U l-irrekwitezza frenetika tal-multitudnijiet issir realtà traġika u tal-biżà, jekk tkun nieqsa ċ-ċertezza li tiġi unikament mill-Kristu feddej. “Gesù Kristu huwa l-Mulej – jien għidt riċentement lill-folla ta’ Curitibs – . Huwa hu l-uniku orjentament tal-ispirtu, l-unika direzzjoni tal-intelliġenza, tar-rieda u tal-qalb għalina lkoll; huwa hu r-redentur tad-dinja; fih tinsab is-salvazzjoni tagħna”.
Intom, fl-Oażi, li waqt li tisimgħu l-kelma ta’ Alla tridu tagħżlu l-aħjar parti, ibqgħu mela dejjem fidili u ixhduha, f’kull post, bi spirtu ta’ servizz u ta’ mħabba!
– Mill-kelma ta’ Ġesù nifhmu, qabel xejn, in-natura stess ta’ Alla, li huwa Ħajja, Dawl, Imħabba, Trinità. Ebda filosfu u tejologu ma jistà jippenetra fl-essenza ta’ Alla: Ġesù biss, il-Verb inkarnat, jistà jirrivela u jiggarantixxi din il-verità fundamentali, li għaliha aħna ċerti li bejn Alla ħallieq u l-bnedmin hemm rapport ta’ mħabba: kull esseri uman u taħbita eterna tal-imħabba ta’ Alla:
– mill-kelma ta’ Ġesù nagħrfu id-destin etern tagħna: Ġesù biss, bil-kelma divina tiegħu, jistà jassikurana b’mod assolut l-immortalità tar-ruħ u l-qawmien mill-imwiet finali tal-iġsma, li għalihom vale la pena li wieħed jitwieled, jgħix u jipprojetta l-eżistenza tiegħu ‘l hemm miż-żmien, lejn il-feliċità mingħajr tmiem:
– mill-kelma ta’ Ġesù nitgħallmu, ukoll, fejn tinsab il-vera dinjità tal-bniedem, jiġifieri fis-sehem fl-istess ħajja divina, permezz tal-grazzja. “Jekk wieħed iħobbni, josserva kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu għandu u ngħammru għandu” (Ġw 14,23). Il-veru ferħ, il-kobor awtentiku, id-dinjità suprema jinsabu b’mod uniku fil-ħajja tal-grazzja;
– Mill-kelma ta’ Ġesù nifhmu kif għandna nġibu ruħna, sabiex huwa jirrivelalna kif ir-rieda ta Alla hija espressa fil-liġi morali u fil-kmandament suprem tal-karità reċiproka.
Ir-rieda ta’ Alla, infatti, hija l-assolut deċiżiv bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-linja direttiva għall-kondotta ġusta u għall-vera pedagoġija;
– fl-aħħarnett, mill-kelma ta’ Alla nagħrfu wkoll il-preżenza dejjem attwali u ħajja fiż-żmien u fl-istorja, permezz tal-Knisja, minnu mixtieqa u mwaqqfa, li tagħtina s-sikurezza dwar il-veritajiet li għandna nemmnu u nipprattikaw u toffrilna l-Ewkaristija, misteru ta’ fidi u fl-istess ħin manifestazzjoni suprema ta’ mħabba.
3.Din hija l-“aħjar parti”, li għandkom tagħżlu waqt li tisimgħu lil Ġesù; din hija l-għana, li għandkom tippossiedu! Ċertament, kif kiteb San Pawl lill-Korintin, “aħna għandna teżor f’ġarar tal-fuħħar”, jiġifieri aħna fraġli u dgħajfa; imma dan kollu jseħħ sabiex “tidher li l-qawwa straordinarja tiġi minn Alla u mhux minna” (2Kor 4,7). Għalhekk, ikollkom dejjem il-kuraġġ tal-verità, tal-fermezza, tal-fedeltà lejn l-ispirtu tal-Oażi.
Dan huwa l-programm li għandkom tattwaw minn jum għal ieħor; dan huwa s-servizz tagħkom ta’ mħabba, waqt li tiftakru dak li qal l-Imgħallem divin lill-Appostli: “…dak li jrid ikun l-ikbar fostkom, għandu jkun il-qaddej tagħkom…appuntu bħall-Bin il-bniedem, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra” (Mt 20,26-28).
Għeżież żgħażagħ tal-Oażi!
Id-dinja tinħtieġ il-fidi tagħkom, il-purità tagħkom, il-ferħ tagħkom, l-għajnuna tagħkom, it-tbissima tagħkom. Intom ukoll, li għażiltu l-“aħjar parti”, għandkom tkunu evanġelizzaturi. Jiena nafdakom lil Marija Santissma, b’imħabba tenera u b’fiduċja kbira, u flimkien magħkom intennilha l-invokazzjoni, li ndirizzajt matul il-vjaġġ apostoliku tiegħi fil-Brażil:: “Omm, imkebba fil-misteru ta’ Ibnek, spiss mingħajr ma stajt tifhem, imma kapaċi tilqà kollox u timmedita f’qalbek, agħmel li aħna l-evanġelizzaturi nifhmu li, ‘il hemm mit-tekniki u mill-istrateġiji, tat-tħejjijiet u tal-pjani, nevanġelizzaw u ngħoddsu fil-misteru ta’ Kristu u nippruvaw nikkomunikaw xi ħaġa dwaru lil ħutna” (Ġwanni Pawlu II, Homilia in Missam in civitate “Belém” habita, die 8 iul. 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III,2 [1980] 201).
B’dawn il-wegħdiet nagħtikom il-barka apostolika propizja, pleġġ ta’ favuri ċelesti abbundanti, li bil-qalb kollha nestendi lill-membri u l-ħbieb kollha tal-Oażi” ndividwali tad-dinja!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb