Is-sagrament tad-Dilka tal-Morda jsaħħaħ l-ispirtu u l-ġisem, u jaħfer id-dnubiet


Il-Ħamis, 4 ta’ Frar 2021: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jibda jittrenja lid-dixxipli tiegħu. Hawnhekk għandna l-ewwel esperiment li għamel u jsejjaħ lit-tnax. ’Il quddiem isejjaħ grupp ikbar ta’ 72. F’din l-esperjenza Ġesù jipprova jgħaddi l-qawwa tiegħu fuq il-ħażen u fuq il-mard lid-dixxipli tiegħu. Jibagħthom tnejn tnejn. Ħafna mill-għorrief tal-Knisja, is-santi padri, jikkummentaw li ma bagħathomx wieħed wieħed, bagħathom tnejn tnejn għaliex fl-għaqda ta’ bejniethom mhux biss se jkunu sapport għal xulxin imma se jagħtu xhieda wkoll li huma aħwa għalkemm mhumiex aħwa. Kellna diversi appostli li huma aħwa: Xmun u Indrì, Ġwanni u Ġakbu. Dawn kienu aħwa ulied l-istess missier. Imma Ġesù qed jintroduċi fratellanza differenti, mhux ġejja mid-demm, imma mill-għażla tiegħu u mill-missjoni li jagħti. “Bagħathom tnejn tnejn” (Mk 6:7).

“Tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena” (Mk 6:7). Fil-fatt il-konklużjoni ta’ din is-silta qasira mill-Evanġelju ta’ San Mark, kapitlu 6, tgħidilna li xandru l-bxara biex in-nies jindmu bħalma kien għamel Ġesù, emmnu fil-bxara t-tajba, is-saltna ta’ Alla waslet, emmnu fl-Evanġelju, “keċċew bosta xjaten” (Mk 6:13) ovvjament f’isem Ġesù, bil-qawwa ta’ Ġesù. 

Għandna l-ewwel riferiment fl-Evanġelju għad-dilka biż-żejt għall-fejqan tal-morda. Aħna lil Ġesù qatt ma narawh jidlek biż-żejt lil xi ħadd biex ifejqu imma d-dixxipli, bħalma l-Knisja għadha tagħmel fis-sagrament tad-Dilka tal-Morda, “użaw iż-żejt u d-dilka tiegħu bħala rit tal-fejqan” (ara Mk 6:13). B’xi mod dan jista’ jkun ukoll indikazzjoni, imma bikrija ħafna, ta’ dan is-sagrament tal-fejqan.

Ħafna drabi d-dilka tal-morda b’mod speċjali fl-isptarijiet hija qisu lfarewell, ir-rit tal-aħħar.  Ma kinitx dik l-idea ta’ Ġesù. Id-dilka tal-morda ssaħħaħ l-ispirtu, issaħħaħ ukoll il-ġisem. Tajjeb li ninkoraġixxu li d-Dilka tal-Morda ma tkunx dik li hija l-griżma tal-moribondi jew il-griżma ta’ qabel ma tmut. Id-dilka li tgħinek u f’ħafna drabi tkun għajnuna kbira anke għaliex id-dilka tal-morda, is-sagrament tad-Dilka tal-Morda jaħfer id-dnubiet.

Ħafna drabi ninkwetaw minħabba xi falliment pastorali. Ġesù javżana li dik hija parti mill-misteru tal-libertà tal-bniedem.

Marid li ma jistax jitkellem huwa anke fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu hu u jirċievi d-Dilka tal-Morda qed jinħafrulu dnubietu mingħajr ħtieġa li jistqarrhom u jekk il-Mulej isejjaħlu jew isejħilha jkun min ikun, tista’ tiġri lil kulħadd din il-ħaġa, il-Mulej ikun mhux biss ħafer imma fejjaq u ppurifika. Imma matul il-ħajja tagħna, meta nkunu għaddejjin minn mard serju u gravi, tajjeb insejħu s-saċerdoti tagħna wkoll biex jagħmlulna d-Dilka tal-Morda, bħalma d-dixxipli, it-tnax, għamlu f’isem Ġesù.

Ġesù wkoll jgħallem lid-dixxipli tiegħu, lit-tnax li m’għandhomx isejsu l-ħidma tagħhom fuq l-affarijiet ta’ din id-dinja. Jgħidlhom ivvjaġġaw ħafif, m’hemmx għalfejn iġġibu ħafna bagalji magħkom intom u tivvjaġġaw, importanti jkollkom il-qorq – is-sandli – il-ħatar għall-vjaġġ imma libsa waħda biżżejjed, la ħobż, la ħorġa. Għaliex? Għax fejn se tmorru jieħdu ħsiebkom huma (ara Mk 6:8-9).

Ovvjament se jkun hemm mim ma jilqagħhomx u Ġesù avżahom. Imma dik hija responsabbiltà ta’ min jagħlaqlek il-bieb f’wiċċek mhux tiegħek. Aħna ħafna drabi ninkwetaw minħabba xi falliment pastorali. Ġesù javżana li dik hija parti mill-misteru tal-libertà tal-bniedem. Jista’ jkun ma jarakx gustuż, jagħlaqlek il-bieb f’wiċċek jew jaħseb li inti xi ħaddieħor, m’intix ġej f’isem Ġesù. M’għandniex għalfejn lanqas neħduha kontra dawk li forsi jiċħdu l-kelma tal-Knisja, min jaf għaliex? Forsi jkunu skandalizzati minn xi ħaġa jew xi ħadd. Ma tantx huwa faċli tiġġudika. Ġesù, imma fejn hemm iċ-ċaħda deliberata, jgħidilna “farfru t-trab minn taħt saqajkom” (Mk 6:11) għaliex dak ifisser li huma responsabbli tal-għażla libera tagħhom.

Meta Ġesù jibagħtna f’sitwazzjoni fejn qed niddependu minn min jilqagħna, qed javżana li mhux kulħadd se jilqagħna u dik hija r-responsabbiltà tagħhom imma jagħtina l-qawwa tal-fejqan. Dan huwa l-qalb tal-Evanġelju għaliex l-indiema mhix kwesjtoni ta’ kemm jiddispjaċini, imma li jien niggranfa ma’ Ġesù u nħallih ifejjaqni. Kemm hi sabiħa t-talba li se ngħidu minn hawn u ftit ieħor: ‘Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi iżda għid biss kelma waħda u ruħi, u jiena nkun imfejjaq’.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.