QUDDIESA KKONĊELEBRATA FIL- PALAZZ PONTIFICCJU. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Castelgandolfo, 3 ta’ Settembru 1980
1. Jiena kuntent li nistà niċcelebra dalgħodu, fil-jum li fih il-liturġija tal-quddiesa tfakkarna l-figura splendida tal-Papa San Girgor il-Kbir, is-sagrifiċċju Ewkaristiku flimkien magħkom, Kunsillieri Ekkleżjastiċi tal-Kultivaturi Diretti, u magħkom, Konsulenti tal-“Moviment Apostoliku tal-Għomja”, miġbura f’Ruma għall-Kungressi Nazzjonali rispettivi.
Ejjew ngħollu, qabel xejn, quddiem l-Altar, ir-ringrazzjament tagħna lill-Mulej għal din il-laqgħa liturġika partikolari u għad-doni ndeskrivibbli kollha li Hu kontinwament jikkonċedi lill-Knisja, l-Għarusa għażiża tiegħu, għas-saċerdoti kollha li jieħdu ħsieb l-erwieħ u għalikom Saċerdoti, li tiżvolġu ministeru, mhux dejjem faċli, ta’ gwida u ta’ animazzjoni nisranija f’nofs il-ħaddiema ġenerużi tar-rabà u tal-għeżież ħutna neqsin mid-dawl. Insejħu mbagħad dawl u konsolazzjoni fuq ix-xogħlijiet, li jistennewkom f’dawn il-jiem u li minnhom jistennew ħafna l-klijenti tagħkom għas-soluzzjoni ta’ tant problem spiritwali u soċjali, li minnhom huma mqabra ta’kuljum.
Fl-apostolat delikat tagħkom, intom konxji tal-bżonn li jkolkom dejjem dispożizzjoni ta’ rgħajja awtentiċi, imħassba mhux biss tal-assistenza materjali, bla dubju ta’ xejn meħtieġa u doveruża, imma wkoll u fuq kollox ta’ dik spiritwali, fuq l-eżempju ta’ S, Girgor il-Kbir, li, fl-attenzjoni pastorali nfatikabbli tiegħu, kien jaf hekk tajjeb jarmonizza l-promozzjoni tal-esiġenzi materjali leġittimi ma’ dawk spiritwali, li lilhom naturalment attribwixxa il-primat, tant li kien jimmerita l-eloġju ta’ Ragħaj tajjeb, li l-Knisja ddedikatlu bil-qari, li għadna kemm smajna issa mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel (cf. Eż 34,11-16) u mill-Vanġelu skont San Ġwann (cf. Ġw 10,11-16).
2. d-dmir ta’ Kunsilliera ekleżjastiċi dijoċeżani tal-Kultivaturi Diretti jassumi mportanza u delikatezza li hija faċli timmaġinaha, u dak li jkun jaħseb li intom mibgħuta mill-Knisja biex toperaw “bħala saċerdoti”, u allura bħala ministri tal-verità u tal-grazzja. Hija missjoni tagħkom li taraw iva li l-promozzjoni ekonomika tad-dinja rurali tkun dejjem ispirata mill- valuri kbar spiritwali u morali tal-Vanġelu, hekk bħal ma joħorġu u huma ppreżentati mit-tagħlim soċjali tal-Knisja.
Tali tagħlim, kontinwament riproponut fl-integrità u l-attwalità tiegħu, isejjaħ għal għażliet kultant esiġenti, li ma jistgħux ikunu globalment aċċettati jekk il-persuni ndividwali u l-familji ma jkollhomx preżenti sewwa l-orjentamenti tal-fidi.
Għal dan il-għan huwa għażiż għalija li nġedded l-eżortazzjoni, diġa ndirizzata lilkom mill-meqjum predeċessur tiegħi Pawlu VI, li tattwa “azzjoni formattiva u reliġjuża iktar intensa, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ” li lilhom wieħed għandu joffri viżjoni ntegrali tal-bniedem fid-dimensjonijiet u l-valuri kollha tagħha, li mingħajrha huwa mpossibbli li tagħti tweġiba adegwata, koerenti u stabbli għall-mistoqsijiet marbutin maż-żwieġ u mal-familja fis-siegħa preżenti.
Lilkom, Konsulenti tal-Moviment tal-għomja, nesprimi apprezzament u nkuraġġiment speċjali għal dak kollu li tagħmlu favur ta’ kategorija ta’ persuni hekk milquta min-niket, imma wkoll hekk ġenerużi fis-servizzi prezzjużi tagħhom għas-soċjetà. Kemm hi sabiħa u sinifikattiva l-preżenza tagħkom ta’ ħbieb u ta’ saċerdoti, u x’konsolazzjoni u dawl tistgħu twasslulhom! Kunu afu tqanqlu f’ruħhom energija u rieda tajba għall-ġid tal-Knisja u tas-Soċjetà, u kunu għalihom strumenti ta’ ferħ nisrani u ministri tas-salvazzjoni eterna.
3. Fl-aħħarnett, nifraħ flimkien ma’ dawk kollha preżenti għas-sensibiltà ekkleżjali fl-għaqda u l-koordinament tal-azzjoni edukattiva speċifika minnkom imwettqa, għall-programmi pastorali tal-Knejjes partikolari li twettqu biex tirrendu dejjem iktar integrati u idoneji l-esperjenzi differenti ta’ evanġelizzazzjoni.
Fuq dawn id-dmirijiet insejjaħ issa b’fiduċja kbira l-grazzja tal-Mulej bl-interċessjoni tal-Verġni Santissma u ta’ San Girgor, waqt li nagħtikom bil-qalb il-Barka Apostolika propizja, estensibbli għal dawk assistiti minnkom u għall-għeżież kollha tagħkom.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emmanuel Zarb