O Marija b’dik il-ħarsa f’għajnejk …

Kull darba li nidħol, fis-sala tal-ajruport tat-tluq mingħajr ritorn, narak tħares l’isfel. B’dik il-ħarsa li tfisser ħafna! …

L’hena tiegħi nintasab għal ftit ħin ħdejk. B’dawk idejk miftuħa jilqgħu lil kulħadd! Narak, wieqfa fuq globu, isserraħ riġlejk fuq id-dinja. U b’dik ħarstek ‘il barra, hekk sabiħa u kollha ħniena! Hi ħarsa ta’ Omm li taf minn xiex għaddejjin uliedha. Li, daqskemm tħobbhom, qegħda tara kif ħa tgħinhom! Fl-aħħar waqtiet ta’ ħajjithom! Nifs wara nifs, minn naħa tal-bniedem dejjem nieżel sakemm jintefa’ fix-xejn, imma nifsek O Marija aktar jitqawwa u jissaħħaħ! Irrankata toħroġ, meta tara l-waqt li bieb ir-rieda qed jitbexxaq. Hekk tidħol int u b’dawlek, li hu l-istess dawlU, tiftaħ beraħ dik ir-rieda biex il-bniedem u l-bniedma jerġgħu lura!

U għalxiex tridu jerġa’ u terġa’ lura jekk mhux għal dik l-imħabba tant sabiħa u kollha ħniena? Meta l-qalb kienet temmen u hekk qatt ma kienet għajjiena? U int, O Marija, meta tara li xi ħadd minn uliedek, li diġà għandu f’idejh u f’idejha l-passaport mingħajr it-timbru tal-imbarkazzjoni, mill-ewwel iġġebbidni mill-kurdun ħa nfittex immur ħdejh u ħdejha! Ħa jeħlisha minn tal-qrun, li dejjem ikun qed ifuħ kemm jista’ ikun!

U taf x’hemm sabiħ O Marija? X’ħila tagħtek is-sema biex issalva lil kull wieħed u waħda minn uliedek li jkunu f’dan l-ajruport! Hemm, lesta għalihom, kemm tagħtihom kull sapport! U l-ewwel ħaġa li tgħidli, biex nagħmilha minnufih, hi li ndaħħal idi fil-but taċ-ċoqqa u noħroġ il-Kuruna għax dik muftieħ! Muftieħ ta’ teżori kbar li d-dinja ma tifhimhomx u ġieli lanqas il-miġemgħa ta’ dak li jemmnu ma xxommhomx! Għax dawn it-teżori huma l-grazzji imħejjija għal kull ruħ. Li tkun qiegħdha, miskina, fil-kju, tal-ajruport li ritorn m’għandux.

Issa b’telefonata jew inkella bit-tnebbiħa, l-aqwa li r-ruħ tirċievi s-salvazzjoni sħiħa! U din tiksibha bid-Dilka Mqaddsa tas-Sagrament u mbagħad bil-qrar u bit-tqarbina u x’ferħ ikollha verament! U wara, biex jissiġilla kollox, tingħad il-Kurunella tal-Ħniena Divina, fejn dak li hu aħrax isir ħelu fejn il-ħtija issir d-dija! Dija ta’ dik il-ħniena li ġabilna l-Mulej avolja mtajra f’ħajja mġenna qisna mhux ħa nidħlu fiż-żmien li ġej!

O Marija, kemm tifkiriet, f’dik ħarsek wisq ħanina! Kemm trijonfi siekta ta’ salvataġġi tant sbieħ u bnina! Li seħħu f’dan l-ajruport sieket li għandu biss it-tluq imma miegħek min jitħadden kemm isib tassew ilqugħ! O Marija, ġmiel huma dawk ħaddejk, ibqa’ ħarisni f’din is-siegħa u f’dik ta’ mewti ħudni miegħek bil-ħarsa t’għajnejk!

Patri Mario Attard OFM Cap