Għażiż Missierna, keċċi kull mard, kull għelt għal ruħna

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 10 ta’ Frar 2021: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Pontifikal tal‑festa ta’ San Pawl Missierna, Patrun ta’ Malta. Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, il‑Belt Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

San Pawl telaq minn Ġerusalemm mimli ħeġġa bl-awtorizzazzjoni tal-qassis il-kbir biex imur Damasku u hemmhekk “jaqbad l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm. Huwa u sejjer kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda” madwar Sawl, Lhudi  minn Tarsu, Pawlu ċittadin Ruman, “idda madwaru dawl mis-sema. Waqa’ fl-art u sema leħen jgħidlu: ‘Sawl, Sawl għaliex qiegħed tippersegwitani?’ ‘Min int, Mulej?‘ U l-leħen wieġbu: ‘Jiena Ġesu li int qiegħed tippersegwitah imma issa qum u idħol il-belt u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel’ Dawk li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma billi kienu semgħu l-leħen imma ma raw lil ħadd. Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma seta jara xejn. Imbagħad mexxewh minn idu u wassluh Damasku” (Atti 9: 2-8).

Dan ir-raġel mimli ħeġġa u b’żelu kbir fi triqtu minn Ġerusalemm għal Damasku jitlef id-dawl u jkollhom imexxuh minn idu sakemm wasal fil-belt li xtaq imur fiha. Il-pjan tiegħu kien imħarbat imma l-esperjenza li seħħet qrib Damasku mmarkatu għal ħajtu kollha. Din l-esperjenza jagħtihielna l-istess awtur tal-Atti tal-Appostli, Luqa, fil-kapitlu 9 u li minnha għadna kemm smajna s-silta tant għażiża għalina: ir-rakkont tan-nawfraġju. Fl-istess ktieb ir-rakkont tal-konverżjoni ta’ Missierna nsibuh darbtejn oħra, tant hija esperjenza qawwija.

“X’għandi nagħmel, Mulej?”

Għadni kemm qrajt siltiet minn kapitlu 9 fejn Luqa stess jirrakonta dak li ġara. Imma lejn l-aħħar tal-ktieb, ftit qabel jibda l-vjaġġ ta’ Pawlu lejn Malta imbagħad lejn Ruma, huwa Pawlu stess li jirrakkonta l-esperjenza tiegħu. F’kapitlu 22 jirrakkontaha quddiem il-Fizzjal Klawdju Lisja: “Jiena u sejjer kif kont qrib Damasku, f’daqqa waħda għall-ħabta ta’ nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari. Waqajt mal-art u smajt leħen jgħidli: ‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?’ (Atti 22: 6-7) F’dan id-djalogu Pawlu jżid mistoqsija oħra. Mhux biss ‘Min inti, Mulej’ imma ‘X’għandi nagħmel, Mulej?’ U l-Mulej jgħidlu: ‘Qum, mur Damasku hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel’” (Atti 22:10).

Ġesù jidher ukoll lil Ħananija, qaddej fidil tiegħu li qiegħed Damasku. Hu jwissih li għandu jiltaqa’ ma’ dan ir-raġel li hu magħżul, u lil Sawlu Ħananija jispjegalu x’kienet tfisser l-esperjenza tal-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù. Jiltaqa’ miegħu meta Sawlu tilef id-dawl; jagħmel tliet ijiem la jiekol u lanqas jixrob. Id-dinja li kien jemmen fiha krollat. Hu li kellu pjanijiet ta’ arroganza u ta’ vjolenza jsib ruħu bla ħila u totalment dipendenti minn ħaddieħor. Il-laqgħa ma’ dan il-qaddej li ismu (Ħananija) jfisser ‘Alla ħanin’ u ‘Alla jħenn’, Ħananija jerġa’ jagħtih id-dawl. “Ġie għandi,” jgħid Pawlu fuq Ħananija, “resaq fuqi u qalli: ‘Sawl, ħija, ħu d-dawl’ Dak il-ħin stess bdejt nara u nħares lejh. Imbagħad Ħananija qalli: ‘Alla ta’ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu l-Ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess. Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt. U issa x’inti tistenna? Qum! Tgħammed u nħall minn dnubietek, int u ssejjaħ ismu’” (Atti 22:13-15).

Fit-tielet rakkont li nsibu fl-Atti tal-Appostli Pawli jagħti x-xhieda tiegħu quddiem is-sultan Agrippa f’Ċesarija. Dan huwa propju l-mument fejn diġà ddeċieda li l-kawża tiegħu jrid li jiddeċidieha Ċesari. Kien privileġġ ta’ kull ċittadin Ruman li l-kawża tiegħu jisssottomettiha għal Ċesari u allura kellu bżonn imur Ruma biex jiġi ġġudikat mill-imperatur. Kieku m’għamilx hekk, kienu jeħilsuh imma Ġesù stess jgħidlu li għandu bżonn jixhed għall-Mulej f’Ruma. U meta jiltaqa’ mas-sultan Agrippa f’Ċesarija, qabel jibda l-vjaġġ, jidħol fi djalogu mas-sultan u jerġa’ jirrepeti l-esperjenza. Imma f’din l-aħħar esperjenza rrakkontata minnu għandna djalogu iżjed dettaljat bejn Pawlu u Ġesù.

Kull persuna li se jiltaqa’ magħha se tkun għalih minn issa ’l quddiem laqgħa ma’ Ġesù stess.

“Il-Mulej qalli: ‘Jiena Ġesù li inti qiegħed tippersegwitah. Imma qum u ieqaf fuq riġlejk għax jien għalhekk dehrtlek biex nagħmlek ministru u xhud tad-dehra li fiha rajtni u ta’ dawk li fihom għad nidhirlek’” (Atti 26:15-16). Kemm huwa dettall interessanti. Ġesù ma jitkellimx biss fuq l-esperjenza fit-triq ta’ Damasku imma lil Pawlu, lil Sawlu, qed javżah li se jidhirlu anke f’oħrajn. Kull persuna li se jiltaqa’ magħha se tkun għalih minn issa ’l quddiem laqgħa ma’ Ġesù stess. “Neħilsek mill-poplu u mill-ġnus pagani li għandhom qiegħed nibagħtek biex tiftħilhom għajnejhom” (Atti 26:17-18).

Nixtieq li aħna l-Maltin u l-Għawdin ngħożżu l-kliem ta’ Ġesù għaliex hu Ġesù li bagħat lil Pawlu għandna. Ġesù stess fl-esperjenza inizzjali, fundamentali u  primordjali jsemmina b’mod indirett bħalma jsemmi wkoll lill-ġnus kollha li Pawlu ltaqa’ magħhom. ‘Il-ġnus pagani’ imma dak huwa aħna, “li għandhom qiegħed nibagħtek biex tifħtilhom għajnejhom ħalli jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla. U bil-fidi tagħhom jiksbu l-maħfra tad-dnubiet u jkollhom sehem ma’ dawk li huma kkonsagrati lil Alla” (Atti 26:17-18). L-esperjenza fiżika ta’ Pawlu li jitlef id-dawl għal ftit jiem u jerġa’ jiksbu bit-tqegħid tal-idejn ta’ Ħananija, hija wkoll esperjenza spiritwali għax il-Mulej qiegħed jibagħtu għand il-popli, għand il-ġnus, biex huma jgħaddu “mid-dlam għad-dawl, mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla”.  

Pawlu għamel l-esperjenza tad-dgħufija u kien jiftaħar fid-dgħufija. Fit-tieni Ittra lill-Korintin jagħmel elenku twil tal-esperjenzi iebsa li kellu jgħaddi minnhom. Kien persważ u konvint mill-kwalitajiet u mill-istorja ta’ ħajtu, mill-pedigree tiegħu. “Huma Lhud? Jien wkoll. Huma Iżraelin? Jien ukoll. Huma nisel Abraham? Jien ukoll. Huma ministri ta’ Kristu? Jiena – ħa nitkellem ta’ iblah! – jien aktar minnhom. Ħafna aktar minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet, aktar u aktar minnhom fis-swat. Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imb wiċċ mal-mewt. Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda; tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar. Għamilt safar bla għadd, sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli minn ħallelin, perikli minn nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieh u fl-għera! U biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi u l-ħsieb tal-knejjes kollha. Min hu marid,” jgħid San Pawl, “u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq? Jekk għandi niftaħar, niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija. Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu li hu mbierek għal dejjem jaf li m’iniex nigdeb” (2 Kor 11:22-31).

L-Appostlu Missierna jħoss magħna u għalina.

Hemm espressjoni f’dan il-kumment li l-Appostlu Missierna stess jagħmel lill-Korintin. Nixtieq li aħna niftakru fis-sitwazzjoni li qegħdin għadejjin minnha, sitwazzjoni tal-pandemija. “Min hu marid u m’inix marid jien miegħu?”  L-Appostlu Missierna jħoss magħna u għalina. F’ġismu stess kellu xi jfakkru kemm kien dgħajjef. Hu stess jgħid fl-istess Tieni Ittra lill-Korintin li għalkemm kellu esperjenzi mistiċi qawwija u l-Mulej tah ukoll li jtiehem l-esperjenza straordinarja tal-ġenna li huwa d-destin ta’ kull wieħed u waħda minna, il-ġenna li nħalqet għalina li qiegħda tistennieha — jista’ jkun m’aħniex mgħaġġlin — imma qiegħda tistenniena. Madankollu ma kellux għalfejn jintefaħ bih innifsu. “Għax kieku rrid niftaħar, ma nkunx qed nitbellah; għax inkun qed ngħid is-sewwa” (2 Kor 12:6). Imma Pawlu jgħid: “Inżomm ruħi lura, biex ma jkunx hemm min jaħseb li jien xi ħaġa aktar minn dak li jilmah fija jew minn dak li jismagħni ngħid. U li ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx. Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni” (2 Kor 12:6-7).

Ma nafux x’kienet din in-niggieża, jekk kinitx ta’ ordni psikolġiku, fiżiku, spiritwali jew kollox f’daqqa. Pawlu kien iħoss dan it-toqol, isejħilha “messaġġiera tax-Xitan”, jitlob ’il-Mulej biex jinħeles minn din in-niggieża iżda l-Mulej wieġbu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2Kor 12:8). U l-konklużjoni ta’ Pawlu wara li sema’ din il-Kelma tal-Mulej, hija ċara. “Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debolizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debolizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu: għax meta nkun dgħajjef inkun qawwi” (2 Kor 12:9-10).  

“Alla kien jagħmel mirakli mhux żgħar permezz ta’ Pawlu”

L-esperjenza tal-Appostlu hija esperjenza ta’ qawwa fid-dgħufija. L-Atti tal-Appostli jirrakkontaw b’qawwa l-missjoni ta’ Pietru u bl-istess qawwa l-missjoni ta’ Pawlu. Jekk kull fejn kien jgħaddi Pietru n-nies kienu jqiegħdu fuq is-sodod u l-imtieraħ il-morda tagħhom biex xħin jgħaddi Pietru jaqa’ mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom, hekk ukoll jingħad fuq Pawlu. Fil-kapitlu 14 tal-Atti tal-Appostli nsibu dan il-kumment ta’ Luqa: “Pawlu u Barnaba baqgħu għal ftit żmien sewwa jitkellmu bi qlubija kbira fuq il-Mulej. Hu stess kien jixhed għall-kelma tal-grazzja tiegħu b’sinjali u b’mirakli li kienu jsiru permezz tagħhom” (Atti 14:3).

F’Listra Pawlu jfejjaq magħtub. Hekk ukoll jagħmel f’Ikonju meta jqajjem lil Ewtiku. Ir-rakkont tal-ħelsien ta’ Ewtiku mill-mewt hija paġna kommoventi mill-istorja fl-Atti tal-Appostli. L-ewwel nett f’kapitlu 19 insibu li Pawlu beda jieħu l-fama ta’ tawmaturgu, ta’ xi ħadd li jagħmel l-għeġubijiet. U San Luqa jagħmel dan il-kumment: “Alla kien jagħmel mirakli mhux żgħar permezz ta’ Pawlu. Hekk li meta kienu  jieħdu mkatar jew fradal li jkunu missew miegħu” maktur li mess ma’ Pawlu, “u jqegħduhom fuq il-morda, dawn kienu jfiequ mill-mard tagħhom u l-ispirti ħżiena kienu joħorġu minnhom” (Atti 19:11-12). 

Il-mirakli ta’ Pawlu fostna

Imma min kien l-Appostlu Missierna? Kien dak li bil-qawwa tiegħu Ġesù qajjem mill-mewt lil Ewtiku. F’kapitlu 20 tal-Atti nsibu dan l-episodju. “Fl-ewwel jum tal-ġimgħa,” jiġifieri l-Ħadd għalina, l-għada tas-Sibt, “inġbarna flimkien biex naqsmu l-ħobż. Pawlu li kellu jitlaq l-għada, qagħad jitħaddet magħhom u dam jitkellem sa’ nofsilejl. Kien hemm ħafna msiebaħ fil-kamra ta’ fuq fejn konna miġbura. Wieħed żagħżugħ jismu Ewtiku kien bilqiegħda f’ħoġor it-tieqa u ħadu n-ngħas sewwa għax Pawlu ġibed fit-tul fi kliemu”. Mhux se nagħmel hekk jien, imma dan jingħad peress li kien l-aħħar lejl, dam jitkellem ftit, il-kelma tal-Mulej ma nistgħux niċħduha. “Fl-aħħar in-ngħas,” lil dan iż-żagħżugħ Ewtiku, “għelbu u waqa’ għal isfel mit-tielet sular u refgħuh mejjet. Pawlu niżel isfel, tbaxxa fuqu, refgħu f’dirgħajh u qal: ‘Tibżgħu xejn, għax ruħu għadha fih’ imbagħad reġa’ tela’ fuq, qasam il-ħobż u kiel u ssokta jitkellem magħhom sa ma sebaħ. Imbagħad telaq. Lil dak iż-żagħżugħ ħaduh ħaj u tfarrġu mhux ftit” (Atti 20:7-12).

Anke fostna seħħet il-kelma tiegħu għax “jien dgħajjef imma meta nkun dgħajjef, jiena qawwi”.

Imma l-aħħar żewġ mirakli li jagħtuna l-Atti tal-Appostli, Pawlu jagħmilhom fostna. Dawn huma l-aħħar żewġ sinjali li permezz tagħhom il-Mulej jakkumpanja l-appostlu tiegħu u l-messaġġ. Jekk naqraw b’attenzjoni l-Evanġelju li jinqara fil-festa tal-lum nindunaw li Ġesù jsemmi xi mirakli li se jsieħbu l-kelma tiegħu u li, permezz tagħhom, hu se jkun preżenti jgħin, jakkumpanja u jissapportja d-dixxipli tiegħu. “Jaqbdu s-sriep b’idejhom,” jgħid Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mark, “u jqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiequ” (Mk 16:18). Dawn iż-żewġ mirakli li jsemmi Ġesù, Pawlu jagħmilhom fostna. Aħna r-rakkont nafuh, u hu rakkont għażiż għalina.

Min ġie fostna? Ġie bniedem li peress li kien għadu taħt proċess, kien magħdud fost il-ħabsin. Infatti ċ-ċenturjun Ġulju, li ried isalva lil Pawlu, m’aċċettax li fin-nawfraġju s-suldati joqtlu l-priġunier Pawlu li wasal magħna u fostna bħala priġunier. Anke fostna seħħet il-kelma tiegħu għax “jien dgħajjef imma meta nkun dgħajjef, jiena qawwi”.

Kien ukoll bniedem mingħajr pretensjonijiet. Meta l-Maltin jibdew jagħmlu ħuġġieġa biex dawn il-276 persuna la ħelsu mill-għarqa ma jmutux bil-bard u l-kesħa, hu jibda jgħin ukoll. Jibda jiġbor il-ħatab u f’dak il-mument li l-lifgħa taqbad ma’ idu u hu jpoġġi biċċa ħatab fil-ħuġġieġa. In-nies tal-gżira jippretendu li se jmut, se jintefaħ, u jaqa’ zopptu. Meta jfarfar il-lifgħa fin-nar jibdew jgħidu li kien xi alla. Nistgħu nimmaġinaw lil Pawlu jinsisti magħhom li dak li ġara huwa bil-qawwa ta’ Ġesù ta’ Nazaret. Hekk jiġri wkoll meta jfejjaq lil missier Publiju li kien mixħut bid-deni u d-disenterija. Osservazzjoni interessanti li nsibu fil-kumment ta’ Luqa hija li ġabu quddiemu n-nies kollha l-oħra tal-gżira li kienu morda. Bdew jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira. Nimmaġinah li għamel tliet xhur fil-grotta — li għadna nqimu sal-lum fir-Rabat — jirċievi l-Maltin li kellhom bżonn il-fejqan u jippruvaw ikellmu lil Pawlu u jieħdu l-fejqan bil-qawwa tal-isem ta’ Ġesù.

San Pawl illum

Fiċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom, aħna għandna bżonn niftakru fl-interċessjoni ta’ Pawlu. Pawlu għadda mill-mard. Kellu din in-niggieża li x’aktarx kienet marda li kienet tfixklu ħafna imma l-Mulej ma ħelsux minnha, qallu: “Il-ħniena tiegħi, il-grazzja tiegħi biżżejjed għalik”. Imma fostna ġie bil-qawwa ta’ Ġesù li tfejjaq.

“Ladarba għall-ħniena ta’ Alla aħna għandna il-ministeru, ma naqtgħux qalbna, imma nwarrbu kull ħabi u għajb u la nimxu bil-qerq u lanqas ngħawwġu l-Kelma ta’ Alla iżda nuru l-verità kollha u nħallu l-kuxjenza ta’ kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla” (2 Kor 4:1-2). Pawlu jifhem li għandu responsabbiltà li l-qawwa li jfejjaq ġejja minn Ġesù. “Dan hu Alla li qal: ‘Ħa jiddi d-dawl fid-dlam’ dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla li tiddi f’wiċċ Kristu. Dan it-teżor” jgħid, “qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla u mhux minna” (2 Kor 4:6-7).

Meta aħna nitolbu l-interċessjoni tal-Appostlu Missierna hu jgħidilna li jwassal it-talb tagħna quddiem il-Mulej, imma ma nadurawx lilu. Aħna nqimuh mhux nadurawh. Huwa l-Mulej li jfejjaq, u jfejjaq ukoll permezz tagħna.

… ejjew nisimgħu l-kelma tiegħu ta’ appostlu missierna li jwissina biex fl-għaqda ta’ bejnietna naħdmu flimkien għall-ħelsien tagħna mill-mard u għall-għaqda ta’ bejnietna.

L-appell tiegħi illum f’din il-festa għażiża huwa li nilqgħu bil-qalb l-appell li għamlilna l-protos tagħna tal-lum, l-Eċċellenza Tiegħu l-President tar-Repubblika, biex inkunu magħqudin, biex naħdmu flimkien. Mhuwiex il-mument li nintilfu fl-irqaqat imma rridu nkunu ħaġa waħda u niġbdu ħabel wieħed. Il-Mulej se jfejjaqna permezz tax-xjenza, se jfejjaqna permezz tal-għożża ta’ bejnietna għax il-fejqan tal-Mulej mhuwiex maġija. Bħalma hu jitma lil min hu bil-ġuħ permezz tiegħek u tal-ġenerożità tiegħek, u hekk ukoll jisqi lil min hu bil-għatx, illum ifejjqek permezz ta’ ħutek u bil-mezzi kollha li tagħmel inti u aħna rridu nikkoperaw mal-Mulej għax ix-xewqa tiegħu hija s-saħħa tagħna, il-fejqan tagħna. Sena ilu, meta konna hawn, ma ħsibniex li kellna ngħaddu minn dak li għaddejna, minn dak li għaddejjin minnu, imma llum f’riġlejn Pawlu li ġie fostna bil-qawwa ta’ Ġesù li tfejjaq, ejjew nisimgħu l-kelma tiegħu ta’ appostlu missierna li jwissina biex fl-għaqda ta’ bejnietna naħdmu flimkien għall-ħelsien tagħna mill-mard u għall-għaqda ta’ bejnietna.

Għażiż Missierna Pawlu
Midd idek ħelwa fuqna
U keċċi minn ġo nofsna
Kull mard, kull għelt għal ruħna.

Fejjaq bil-qawwa ta’ Alla
Id-deni li jgħakkisna
U farraġ b’ħarstek tħeġġeġ
Lill-qlub għajjiena, imkissra.

Kun int, Appostlu tagħna
Li tħabbar il-Mulej
Urina lilu msallab,
Ħabbibna mal-Feddej.

Viva l-Appostlu Missierna!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 14, 3-7
Salm: 106, 21-31
Qari II: Atti 27, 16 – 28, 6
Evanġelju: Mk 16, 15-20

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply