L-użu tal-kannabis u l-implikazzjonijiet għal-liġi


Stqarrija minn Caritas Malta, Fondazzjoni Oasi, Aġenzija Sedqa u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta dwar l-użu tal-kannabis u implikazzjonijiet għal-liġi:

Żviluppi pożittivi

  • L-ESPAD (Sedqa, 2019) qed jindika li 12% ta’ adolexxenti ta’ 15-il sena qalu li ppruvaw il-kannabis f’ħajjithom. Din ir-rata baqgħet stabbli mill-2015. Pjuttost kien hemm tnaqqis żgħir. Din ir-rata hi ferm aktar baxxa mill-medja Ewropea. Dan jawgura tajjeb u jindika li meta l-policy dwar l-użu personali tal-kannabis ma nbidlitx, inżammet stabbilita.
  • Il-Liġi tal-2014 Rijabilitazzjoni mhux Priġunerija kienet liġi effettiva u pass ’il quddiem biex persuni li jinqabdu bi kwantitajiet żgħar għall-użu personali jidhru quddiem kummissarji tal-ġustizzja u jingħataw twissija jew kontravenzjoni. Mit-tibdil fil-liġi naqsu drastikament persuni li jiġu sentenzjati l-ħabs għal użu personali sakemm mhux fuq sensiela ta’ każi oħra. Din il-liġi waslet ukoll biex għexieren ta’ persuni b’każi serji ta’ droga u dipendenza fuq id-droga fittxew l-għajnuna flok ġew sentenzjati l-ħabs.
  • F’Malta hawn firxa wiesgħa u investiment sostanzjali tal-istat u tal-għaqdiet volontarji, fis-servizzi għal min qed jabbuża mid-droga.  Dawn is-servizzi se jkomplu jissaħħu ferm bil-ftuħ taċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti tal-Ibwar finanzjat mil-Gvern.
  • Saru passi f’Malta fil-kamp tal-użu mediċinali fejn wieħed diġà għandu aċċess wiesgħa għas-sustanza jekk din tista’ tkun ta’ għajnuna għal persuna f’kundizzjonijiet partikolari.

Fatti

  • Ingredjenti fil-kannabis huma ta’ dannu għall-moħħ tal-adolexxent li qed jiżviluppa;
  • Il-kannabis hi ta’ periklu kbir għal min hu f’riskju li jiżviluppa problemi ta’ saħħa mentali. F’xi każi din tista’ tikkawża ansjetà, paranojja u psikożi.
  • Il-kannabis hi ta’ periklu għal min għandu diffikultajiet fil-kapaċitajiet mentali u tista’ tkompli ttellfu f’dawn il-kapaċitajiet.
  • Il-kannabis tista’ tikkawża “amotivational syndrome” fejn persuna li qed tabbuża jew hi dipendenti tista’ titlef il-ħeġġa għall-istudju, xogħol jew relazzjonijiet.
  • L-użu fit-tul tal-kannabis jista’ jwassal għal dimensja iktar tard fil-ħajja.
  • Mhux kull min jibda bil-kannabis bilfors jgħaddi għal drogi oħra. Il-gateway theory hi kkunsidrata antikwata fil-każ tal-adulti però mhux fil-każ tal-adolexxenti.
  • Min jibda jpejjep it-tabakk jew jixrob l-alkoħol f’età bikrija (11/12), jiżdied iċ-cans li jesperimenta bil-kannabis u jkompli bi drogi oħra.
  • Mhux kull min ipejjep il-kannabis jispiċċa dipendenti fuqha.
  • Il-kannabis tidher li hi l-iktar sustanza illegali li qed tintuża.
  • Studju riċenti mill-Università ta’ Malta (Bonnici, Clark u Azzopardi, 2021) indika li studenti tal-Università li esperjenzaw ikar biża’ fil-pandemija f’ċirkustanza fejn l-attività kienet ukoll ristretta, użaw iktar il-kannabis.
  • Fil-kuntest ta’ ikar popolarizzazzjoni tal-kannabis, anke liġijiet iktar flessibbli, tat-trends kurrenti fl-użu, qed jiżdiedu wkoll il-persuni li qed jitolbu l-għajnuna minħabba l-kannabis.
  • L-“Icelandic Model” hu meqjus fid-dinja bħala mudell ewlieni fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-użu tas-sustanzi fil-minorenni – dan jinvolvi curfews; investiment qawwi fl-isport u attivitajiet extra kurrikulari u anke aspettativi mill-ġenituri f’dik li hi s-sorveljanza tat-tfal tagħhom. Mhux bilfors japplika kollox għal Malta bħala pajjiż Mediterranju imma l-ħin mal-familja, attivitajiet ta’ natural highs u d-dixxiplina fil-pajjiż jidher li huma ingredjenti bażiċi għall-prevenzjoni tad-droga.

Kunsiderazzjonijiet oħra

  • Il-Liġi tagħti messaġġ u l-legalizzazzjoni għall-użu rikreattiv tgħaddi l-messaġġ li din is-sustanza mhix ta’ tant periklu jew riskju jew għandha valur rikreattiv. Din tista’ twassal għal iktar normalizzazzjoni tas-sustanza.
  • Jirriżulta li bis-sigaretti tmut persuna kuljum u 20% tal-kanċer jiġi b’kawża diretta tat-tipjip – is-sigaretti legali imma ma jfissirx li nippromwovuhom bħala sustanza sana għall-benessere tal-bniedem (għall-wellbeing tiegħu). L-alkoħol u s-sigareatti huma sustanzi legali li jwasslu għall-mijiet ta’ mwiet fis-sena.
  • Jekk il-kannabis tkun legalizzata għall-użu personali tkun iktar diffiċli biex tieqaf minnha jekk tiġi dipendenti fuqha, peress ma jkunx hemm pressjonijiet legali fuq il-persuna.
  • Il-Black Market bħal kull suq ieħor jadatta għal-legalizzazzjoni għal użu rikreazzjonali billi jraħħas il-prezz jew joffri sustanza iktar konċentrata.
  • Meta nħarsu x’qed jiġri barra minn xtutna f’dan il-qasam irridu nixtarru sew. Eżempju fil-Kanada wieħed irid jivvjaġġa ċerti distanzi biex jixtri l-Cannabis minn “dispensary”. F’postijiet fejn hemm konċentrazzjoni ta’ dawn id-dispensaries l-użu jiżdied. Meta nħarsu lejn trends barranin fejn wieħed jista’ jixtri s-sustanza naraw pereżempju fl-Urugwaj kien hemm talba biex il-konċentrazzjoni tal-kannabis li tinbiegħ fid-“dispensaries” dejjem aktar tiżdied.

Empatija u sensittività lejn min juża

Bħala għaqdiet nirrikonoxxu li:

  • Hemm bżonn iktar sensibbilità għall-persuni li jużaw il-kannabis.
  • Li persuna li tuża l-kannabis personalment jew għandha dipendenza fuq il-kannabis jew sustanzi oħra, m’għandhiex tintbagħat il-ħabs jew tinżamm arrestata minħabba l-użu per se.
  • Li mhux ġust li dawn il-persuni jiġu stigmatizzati.

Rakkomandazzjonijiet

  • Tissaħħaħ il-liġi tal-2014 b’mod li tagħti iktar setgħa lill-Kummisarju tal-Ġustizzja li jara l-każi tal-first time use (Inqabdu l-ewwel darba) – biex fejn ikun hemm użu problematiku tesiġi li din il-persuna tattendi sessjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-użu.
  • Li l-ġudikatura jkollha iktar spazju biex persuni li huma tassew dipendenti u jinqabdu bi kwantitajiet oltre minn dawk stabbiliti mil-liġi għall-użu personali mhux bilfors jitqiesu bħala traffikar. Dan fejn tassew il-kwantità tas-sustanza tkun għall-użu personali.
  • Insaħħu d-dixxiplina u l-infurzar ta’ stabbilmenti ta’ divertiment biex naraw li l-ebda adolexxent ma jkollu aċċess għal dawn il-postijiet.
  • Ikomplu l-inċentivi għall-familji li jinvolvu t-tfal u ż-żgħażagħ tagħhom fl-isport jew attività extrakurrikulari.
  • Ninkoraġixxu policies ta’ family/work balance u kull policy oħra għat-tisħiħ tal-familja.
  • Issir evalwazzjoni qawwija tal-impatt li jista’ jkun hemm fuq il-benesseri tas-soċjetà tagħna jekk tiġi legalizzata l-kannabis għall-użu personali fil-kuntest ta’ Malta.

Konklużjoni

Filwaqt li nirrikonxxu li mhux kull min juża l-kannabis isir dipendenti, u fl-istess ħin l-ebda persuna m’għandha tiġi arrestata fuq pussess sempliċi, bħala soċjetà rridu nevalwaw sew dak li l-iktar ħa jassigura l-ikbar benesseri tas-soċjetà tagħna u nagħmlu minn kollox biex qabel xejn nipprijoretizzaw is-saħħa tat-tfal u l-adolexxenti, il-familja u l-ġid komuni fuq interessi oħra. 

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.