Nibdu soċjeta’ ta’ għożża u solidarjeta’


Ittra Pastorali mill-Isqfijiet għar-Randan 2021 …

Għeżież,

Is‑sejħa li jagħmlilna Ġesù llum, “Indmu u emmnu fl‑Evanġelju” (Mk 1:15), hi sejħa biex aħna nħaddnu l‑Aħbar it‑Tajba u mmorru fil‑qalba tal‑fidi tagħna, kif ifissirha Ġesù stess: “Alla hekk ħabb lid‑dinja li ta lil Ibnu l‑waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l‑ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).

Alla hu mħabba u lilna, bħala wliedu, isejħilna biex ngħixu fl‑imħabba. “Intom ilkoll aħwa” (Mt 23:8) jgħid Ġesù lid‑dixxipli tiegħu, u dan hu li nfissru meta flimkien lil Alla nsejħulu Missierna. Il‑Papa Franġisku, fl‑enċiklika tiegħu Fratelli Tutti fuq il‑fraternità u l‑ħbiberija soċjali, irid iwasslilna b’mod qawwi dan il‑messaġġ. Ispirati minnu, nixtiequ nwasslu dan il‑messaġġ tiegħu u nagħmlu stedina lil kulħadd biex nibnu soċjetà ta’ għożża u solidarjetà.

Persuni fil‑periferija jew skartati

Qabel xejn, għandna f’qalbna dawk il‑persuni li jħossuhom emarġinati jew huma fil‑periferija, li huma kultant vittmi ta’ dik li l‑Papa jsejjaħ “il‑kultura tal‑iskart”. Il‑pandemija tal‑COVID‑19 ħarġet aktar fid‑deher kemm hawn persuni li jħossuhom iżolati u waħedhom, jew b’sens ta’ vojt kbir f’ħajjithom. Matul dan iż‑żmien żdiedu l‑problemi ta’ saħħa mentali u ta’ tbatija fir‑relazzjonijiet.

Huma jfakkruna kemm hu importanti li nisimgħu l‑għajta ta’ dawk li qegħdin ibatu, imma wkoll il‑karba siekta ta’ dawk li qed ibatu waħedhom.

Quddiem ir‑realtà ta’ persuni li qed ibatu, nistgħu jew nibqgħu għaddejjin u ma nagħtux każ, jew nieqfu biex ngħinu. Aħna rridu nsellmu lil tant persuni li qegħdin juru għożża u solidarjetà b’mod konkret ma’ dawn il‑persuni vulnerabbli. Huma jfakkruna kemm hu importanti li nisimgħu l‑għajta ta’ dawk li qegħdin ibatu, imma wkoll il‑karba siekta ta’ dawk li qed ibatu waħedhom.

Il‑Papa Franġisku kontinwament ifakkarna li għandna nisimgħu l‑karba ta’ dawkil‑persuni li qed ifittxu kenn għax qed jaħarbu minn kriżijiet umanitarji serji, nisimgħu l‑istejjer tal‑ħajjiet imċarrta tagħhom, u noffru ambjent fejn iħossuhom milqugħa, imħarsa, imwieżna u integrati.

Negħlbu l‑virus tal‑individwaliżmu

Il‑Papa jagħmlilna sejħa biex naħdmu favur ix‑xewqa dinjija ta’ fraternità, li tibda mill‑għarfien li aħna lkoll aħwa. Il‑Papa juri kif is‑soċjetà globalizzata, filwaqt li ħafna drabi tqarribna lejn xulxin, ma tagħmilniex aħwa. Huwa aħna li rridu nieħdu l‑impenn li ngħixu tassew fl‑imħabba u l‑għożża ta’ xulxin.

Flimkien nistgħu naħdmu għal soċjetà mingħajr ħitan u mingħajr fruntieri li jifirduna.

Jekk aħna nkunu tassew miftuħin għall‑imħabba ta’ Alla u naqsmuha mal‑oħrajn, inkunu qed ngħixu l‑fraternità li tfisser li nixtiequ minn qalbna l‑ġid lil xulxin. F’dan is‑sens ma nħarsux lejn l‑oħrajn bħala avversarji, imma bħala aħwa. Flimkien nistgħu naħdmu għal soċjetà mingħajr ħitan u mingħajr fruntieri li jifirduna. Hu b’dan il‑mod li jista’ jingħeleb il‑virus tal‑individwaliżmu. Aħna nsibu l‑milja tagħna mhux meta ningħalqu fina nfusna u nduru magħna nfusna, imma meta ningħataw għall‑oħrajn.

Djalogu

Meta nħarsu lejn xulxin bħal aħwa, inkunu nistgħu naħdmu flimkien għal soċjetà ta’ djalogu li hu t‑triq li biha tinbena l‑ħbiberija soċjali. Id‑djalogu jirrispetta, isaħħaħ u jfittex il‑verità. Jgħinna biex noqorbu lejn xulxin, inħarsu lejn xulxin, nisimgħu lil xulxin, nagħrfu ngħixu dak li l‑Papa Franġisku jsejjaħ “l‑arti tas‑smigħ” tal‑oħrajn. Id‑djalogu jgħinna nesprimu ruħna b’rispett u nagħtu l‑kontribut tagħna bla biża’. Persuna li tiddjaloga b’ġentilezza taf tirrispetta tassew lill‑ieħor jew lill‑oħra.

Id‑djalogu jgħinna nifhmu kif l‑oħrajn li huma differenti minna huma don u għana, għax id‑differenzi jirrappreżentaw possibbiltà biex nikbru flimkien.

Infejqu l‑ġrieħi

Aħna u niddjalogaw irridu naffaċċjaw ir‑realtà tal‑ġrieħi li kultant inġorru individwalment u bħala soċjetà. Hemm ġrieħi li nġorru fina u fir‑relazzjonijet personali. Hemm ġrieħi wkoll fil‑ħajja pubblika u fil‑ħajja tal‑komunitajiet tagħna. Insemmu bħala eżempji, it‑tribaliżmu, ir‑razziżmu, il‑mibegħda, il‑vjolenza domestika, it‑tkissir tal‑familji, l‑użura, l‑abbuż mill‑akoħol u d‑droga, ir‑regħba, l‑użu ħażin tal‑poter, u wkoll it‑tkerrih tal‑wirt naturali tagħna.

Il‑maħfra tfisser li ma nħallux l‑esperjenza ħażina li għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u tikkundizzjonana.

Jeħtieġ naħdmu biex infejqu l‑ġrieħi, u dan nagħmluh bi spirtu ta’ maħfra. Il‑maħfra ma tfissirx li ninsew jew li nħallu dak li għaddejna minnu midfun fina, jew li nibqgħu ċassi quddiem dak li hu ħażin u inġust. Il‑maħfra ma tfissirx impunità. Il‑maħfra tfisser li ma nħallux l‑esperjenza ħażina li għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u tikkundizzjonana. Il‑maħfra tgħinna noħorġu miċ‑ċirku vizzjuż tal‑vendetta, waqt li nkomplu naħdmu bis‑sħiħ għal dak li hu ġust u sewwa. L‑enċiklika Fratelli Tutti tistedinna għal imħabba li tkisser il‑ktajjen, mhux toħloq ktajjen ġodda, u li tibni pontijiet u mhux ħitan. B’hekk inkunu nistgħu negħlbu l‑preġudizzji, il‑ħitan li nbnew tul is‑snin, u nkunu parti attiva fil‑fejqan ta’ soċjetà miġruħa.

Inħarsu l‑ħajja

Bi spirtu ta’ għożża u solidarjetà hemm bżonn li naħdmu aktar bis‑sħiħ għal kultura li tirrispetta l‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull bniedem. Kull ħajja umana hija prezzjuża, maħluqa xbieha ta’ Alla. Hija din il‑protezzjoni tal‑ħajja umana mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha sat‑tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha, li hi l‑pedament ta’ kultura ta’ rispett lejn id‑drittijiet ta’ kull bniedem. Dawk vulnerabbli u dgħajfa jeħtieġu aktar attenzjoni u kura. Ħadd m’hu żejjed, ħadd qatt ma għandu jiġi eliminat.

San Ġużepp – ispirazzjoni mill‑isbaħ

Fil‑ħidma tagħna għal soċjetà ta’ għożża u solidarjetà, għandna eżempju mill‑isbaħ f’San Ġużepp, li l‑Papa Franġisku ried li jkun ta’ ispirazzjoni għalina b’mod speċjali f’din is‑sena ddedikata lilu. San Ġużepp hu l‑bniedem li għadda minn mumenti ta’ kriżi u ta’ tbatija, fosthom it‑tfittxija ta’ kenn barra minn artu mal‑familja tiegħu refuġjata. Imma lil San Ġużepp insibuh dejjem b’fiduċja kbira f’Alla, mimli mħabba u ħlewwa lejn l‑oħrajn u sensittività lejn il‑ħtiġijiet tagħhom. Hu l‑bniedem li jisma’ u li fl‑istess waqt jieħu azzjoni b’kuraġġ biex jipproteġi l‑ħajja ta’ Marija, u ta’ Ġesù, ukoll qabel it‑twelid. San Ġużepp jurina kif tkun il‑qalb ta’ missier.

Matul dan ir‑Randan nitolbu l‑protezzjoni tiegħu u l‑interċessjoni tiegħu biex matul din is‑sena jgħin lilna lkoll biex inkunu strumenti ta’ għożża u solidarjetà fis‑soċjetà Maltija.

Nagħtukom il‑barka pastorali tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

L-Ittra Pastorali bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija

Agħfas hawn biex tniżżel il-verżjoni sħiħa tal-Ittra Pastorali bil-Malti bħala PDF.
Agħfas hawn biex tniżżel il-verżjoni sħiħa tal-Ittra Pastorali bl-Ingliż bħala PDF.

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.