L-eku tal-Bastun ta’ San Ġużepp

Bħal kull ħaġa kbira oħra anki l-esperjenza ħelwa imma qawwija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, meta żarna l-Bastun ta’ San Ġużepp, ħalliet l-eku tagħha. U dan hu importanti! L-għaliex ifisser li ħaġa saret kif kellha issir u l-ġid il-Mulej ħarġu bil-bosta minnha.

Lejlet li ħalla l-isptar il-Bastun xi ħaġa ġewwa fija qaltli biex nirrekordja xi clips dwar dan il-Bastun. Insomma, dawk it-taqbiliet tas-soltu li uħud minnkom huma familjari magħhom fil-Facebook li l-Mulej tani grazzja li jkolli u li bih jagħmel il-ġid lili u, nittama, jagħmel lilkom ukoll. U hawn hu l-eku tal-ġid li l-Mulej ħareġ għal ħajjitna bl-esperjenza sabiħa tal-Bastun ta’ San Ġużepp:

San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, eħlisni minn tal-qrun! U ngħidx hawnx bżonn li San Ġużepp jagħmel din il-biċċa xogħol! Hawn xi post li m’hawnx il-preżenza ta’ dak tal-qrun iddur u taqgħad? Kullimkien jidħol! U hemm issibu! Idur miegħek! Idur miegħi! Mela, Ġużeppi, eħlisni minn tal-qrun b’tiegħek il-Bastun! San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, kun il-ferħ tiegħi l-kaġun! Għax San Ġużepp, għalkemm ra fuq li ra ma’ wiċċu miskin, imma tassew kien mimli bil-ferħ tal-Mulej! Biss, anki jekk kien ikollu l-problemi, qatt ma kien jintefa hemm u jinfexx f’xi xkora dagħa li jkisser il-ġebel tafux! Anzi! Kien iħalli l-Mulej jmexxih fis-sitwazzjoni! Għalhekk hu għaqli fuq li għaqli li ngħidulu: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, irranġali l-wires meta nħossni bħal miġnun! Ta’ min jirranġalna naqra l-wires hux meta dawn jisħnu xi ftit u aqta’ kif jibdew jixxortjaw! U mhux biss li dawn jixxortjaw imma wkoll li quddiemi mhux viżta ċara nibda’ nara iżda nugrufun!

Għalhekk, meta nkun f’din l-estremità, ħalli ngħajjatlu lil Ġużeppi: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, iċċarali l-viżta minn nugrufun! Issa l-imħatra li ma tafux kif jiċċaralna l-viżta San Ġużepp? Billi jgħinna nieħdu break qabel insiru steak! Darba, f’uffiċċju, qrajt li l-ħames tappa biex tinħeles mill-qtiegħ il-qalb hi li tieħu nifs ‘il ġewwa u mbagħad tissokta, bil-mod il-mod, twettaq dak li kont qed tagħmel qabel. Tgħid li nieħu break u ngħid talba biex il-Mulej jgħinni mhuwiex diġà mument qawwi fejn nista’ inħalli lill-Imgħallem, bit-talb ta’ San Ġużepp, ineħħili minn quddiem għajnejja n-nugrufun tal-indannazzjoni li jinġabar fuq l-iscreen ta’ qalbi u moħħi?

San Ġużepp għandu waħda ħbieb: jekk qam f’nofs ta’ lejl biex jieħu lil Ġesù u lil Marija lejn l-Eġittu għax Erodi ried joqtlu għamel dan bl-imħabba. Imbagħad, jekk kien se jitlaq lil Marija għax sar jaf li kien se jkollha tarbija qabel iż-żwieġ kien se jwettaq din il-biċċa xogħol kbira bl-imħabba. U l-mitt elf ħaġa oħra li wettaq f’ħajtu mingħajr ma qal kelma, wettaqhom b’imħabba kbira. Mela, u bir-raġun, li lil Ġużeppi ngħidlu, minn qalbi: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, int tal-imħabba l-aqwa fustun! U dan iwassalni għal punt ieħor importanti fil-ħajja ta’ Ġużeppi ta’ Nażaret: ma kienx iħobb is-siġġu ta’ quddiem! Kien jobgħod il-podji! Ma riedx cameras u ġurnalisti jduru miegħu! Ma kienx għatxan għall-konferenzi stampa! Ma kienx jixxowja kemm jaf! Għalhekk, lilek Ġużeppi, ngħidlek minn qalbi: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, mediċina int għall-pagun!

Barra minhekk, is-skiet ta’ Ġużeppi mimli tifsira lili jgħallimni li fil-ħajja, li jgħodd, mhux is-suċċess ta’ barra imma l-fedeltà. U, jaħasra, il-fedeltà, kemm hi fonda! Żgur li fonda ħafna aktar minn Jane Fonda! Għax, il-biċċa qiegħdha li m’hemmx cameras! U filmati! Iżda hemm biss fedeltà fix-xogħol iebes u fil-fehma li jarahom il-Mulej waħdu! U ħadd aktar! U, jekk hemm xi ħaġa hekk hu s-sawm. Kemm ġid isir bis-sawm! U kemm tal-qrun jibża’ biża’ issemmix minn min isum! Għalhekk, San Ġużepp, li kien isum ukoll, bħalma kien isum kull Lhudi li jemmen bis-sħiħ u jipprattika minn qalbu l-fidi tiegħu, ikun magħna waqt is-sawm li nsumu għall-ġid tagħna, tal-Knisja, tad-dinja u tal-bnedmin kollha. Għalhekk, waqt il-mument iebes tas-sawm, li jiġi mill-imħabba u mhux minn xi liġi li toqtol u tmarrad, bħal ngħidu aħna s-sawm ta’ ħobż u ilma kull nhar ta’ Erbgħa u kull nhar ta’ Ġimgħa, ħa ngħidulu: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, qawwa kbira int għalija meta nsum.

Kif nistgħu naraw, f’dan kollu Ġużeppi jgħallimna l-vera umiltà. Għax tabilħaqq trid tkun umli biex tibqa’ tħares il-kelma tal-Mulej li ma tarahx. Għalkemm tħossu fuq li tħossu tafux! Għalhekk, il-ħajja ta’ Ġużeppi, il-bniedem ta’ fidi kbira aktar u aktar meta ma fehemx b’moħħu, tibqa’ dejjem ta’ dawl kbir għalina. Huwa bir-raġun mela li nitolbuh meta nħossuna waħedna u mitluqa għal rasna: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, triq fix-xagħri int meta nkun qrib l-irdum.

Is-skiet ta’ Ġużeppi jgħallimna ma nparlawx nofs, biex ma ngħidx tlett kwarti, mill-paroli li nparlaw. U li, jaħasra, mhux l-ewwel darba li daħħalna f’basal mhux tal-pikless biss imma f’ta’ ma nafx xiex! Għalhekk, meta nara li lsieni qed jieħu wisq il-ħabel u sar bla kontroll, tant li jasal li jgħid dak li jrid, ħa ndur lejn Ġużeppi u nitolbu, b’ħafna fidi u mħabba: San Ġużepp b’tiegħek il-Bastun, int għaqal għaċ-ċaċċarun. U, ngħid jien, dan l-għerf kollu li joħroġ mill-ħajja siekta u qaddisa ta’ Ġużeppi, li fil-vanġelu ma nsibuhx jgħid kelma li hi kelma, ma nistgħux ngħidu li għalija u għalik dan il-qaddis kbir hu l-Kelma tal-Mulej għalina? Personalment, meta naħseb fuq dan kollu, għal din il-konklużjoni nħossni miexi!

Għalhekk, lil San Ġużepp, nixtieq ngħidlu din il-litanija ċkejkna ta’ invokazzjonijiet imqabbla li ilkoll jirriflettu dan: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, Kelma t’Alla għalija int kuljum. San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, Int għalija tas-sema s-sellum. San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, int ta’ ħajti t-tmun. San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, jekk nisma’ minnhekk ma nibqax trumbun! San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, int qatt ma tħallini nkun bumbardun.

Mela, għażiż Ġużeppi, b’tiegħek il-Bastun, int tagħmilni għaref mhux mazzun. Għax, bl-għerf tal-Mulej fik, int tgħallimni li mhux kull ilma hu misħun! U b’dan il-għerf tal-Mulej fik, O umli Ġużeppi, b’tiegħek il-Bastun, ferħan ikun! Għax int tgħallimni biex qatt ma nkun bil-geddum! B’dak għerfek, li joħroġ minn tiegħek il-Bastun, ikolli kontra l-għadu sejf misnun! L-għaliex, mela, dan l-inkwiet kollu f’ħajti ja Ġużeppi? Għinni ħalli bħalek jien ngħix mhux għada imma illum! Għalhekk, San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, imlini b’kuraġġ ta’ ljun!

U meta narak tant viċin ta’ ħajti u ta’ ħajjet dawn ħuti, kif tridni ma ngħidlekx: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, int l-għajnuna tal-patri, tas-soru u tad-dun? Għax lilna, tal-libsa twila, aqta’ x’tgħallimna għażiż Ġużeppi? Dak li tgħidilna tant tajjeb l-għanja tiegħek: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, int tgħallimni ngħid: Hekk Ikun! U meta din it-talba kbira ħafna, li ġabet lil Alla nnifsu fostna bħala bniedem, jiena, bil-grazzja tal-Mulej, ngħidha, aqta’ x’jiġri għażiż Ġużeppi? Ħa ngħidhielek fit-taqbila ħa: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, int il-ferħ tiegħi l-kaġun!

X’ħabib għażiż għandi fik Ġużeppi! Il-Bastun tiegħek jagħtini dinjità! Tant li, bid-dmugħ, f’għajnejja, ngħidlek meta niftakar fih: San Ġużepp, b’tiegħek il-Bastun, int tgħinni ngħix ta’ bniedem mhux ta’ muntun!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading