Dan iċ-Ċentru, pjuttost żgħir meta mqabbel mal-Isptar ta’ Mater Dei, iżda żgur li hu mimli daqs bajda bl-attività li ma taqta’ xejn b’risq il-pazjenti u l-familjari li għaddejjin mill-marda tal-kanċer, jinsab maqtugħ għalih fil-binja ta’ żewġ sptarijiet biswit l-isptar nazzjonali. Imma, u fil-fatt, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo hu ta’ bilħaqq waħdu?
Dan iċ-Ċentru ta’ eċċellenza fil-kura tal-marda tal-kanċer hu maqgħud ma’ l-Isptar Mater Dei permezz ta’ pont. Li kulħadd jista’ jarah u jammirah ukoll. Madankollu, dan il-pont, hu biss l-ewwel pass tal-argument. Fir-rejaltà, jeżiżti pont ieħor li qed jinbena u li, fil-fatt, ilu li kien hemm. Kulma qed jiġri bħalissa hu li dan il-pont li ilu hemm qed jiġi skavat, skavat b’tant imħabba u dedikazzjoni sakemm joħroġ fil-wiċċ, quddiem kulħadd, ħa jissokta jagħti ħafna u ħafna ħajja, kemm spiritwalment u anki emozzjonalment lil dawk li għaddejjin mill-prova tal-marda tal-kanċer u anki lil dawk il-qalbiena siekta li qiegħdin jgħinuhom. Fi ftit kliem, qed nirreferi għall-pont li jgħaqqad il-Kristjaneżmu tal-Lvant ma’ dak tal-Punent. Qed nitħaddet dwar il-pont li jgħaqqad liż-żewġ pulmuni tal-Kristjanità u tal-Knisja. Fuq in-naħa ‘l waħda għandek lil Ruma u l-Punent filwaqt li fuq in-naħa l-oħra għandek lill-Kostantinopli (l-Istanbul tallum) u l-Lvant.
U min hu l-oriġinatur ta’ dan il-pont? Ovvjament, dan il-pont jaf il-bidu tiegħu lill-Ispirtu s-Santu. Dan l-għaliex Hu waħdu, bħala t-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa, hu l-għajn ta’ kull għaqda u li, allura, hu wkoll l-għajn ta’ kull qdusija. Imma, l-Ispirtu s-Santu, ma jaħdimx fl-arja! Ma jgħixx fis-sħab! Kif iriduh xi wħud! Għalkemm qiegħed preżenti fih, inkella dan ma jeżiżtix, l-Ispirtu s-Santu jgħix f’persuni! Eżempju mill-aqwa dejjem jibqa’ Ġesù Kristu Sidna li wettaq dak li wettaq l-għaliex kien mimli bl-Ispirtu s-Santu.
U dan l-Ispirtu għadu jaħdem fik u fija kull darba li nħalluh iwettaq il-pjanijiet tal-Missier għall-umanità li tant iħobb. La hu Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd (Efes 4:6). Issa, dan Alla li hu Missier ta’ kulħadd, u li jaħdem permezz tal-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu s-Santu, jagħżel anki bnedmin biex iwettaq il-pjanijiet tiegħu ta’ mħabba nfinita. Li kieku ma kienx hekk kieku kif kien ħa jibgħat lill-Ibnu stess biex isir bniedem bħalna u bih iwettaq is-salvazzjoni tiegħu għalija u għalik?
Mela, dan Alla [li] huwa spirtu (Ġw 4:24) għażel li jilbes in-natura tagħna l-bnedmin u waqqaf il-kamp tiegħu fostna biex tassew ikun wieħed minna l-bnedmin. Issa, din il-viċinanza ta’ Alla tagħna magħna, li issib il-milja tagħha fi Kristu Ibnu, intweriet f’persuni li l-Missier għażel għalih biex bihom jersaq lejna. Qabel ma’ ġie Ibnu fid-dinja l-Missier bagħat lill-profeti. U issa, li Ġesù ġie fostna, wasslilna s-Saltna, bata’, miet, difnuh u qam minn bejn l-imwiet fit-tielet jum, tela’ is-sema u bagħtilna l-Ispirtu s-Santu ħa jmexxina fis-sewwa kollu. Bħala l-komunità ta’ dawk li jemmnu fih, għadu jibgħatilna persuni li bihom iressaqna lejH! Għadu jibgħatilna persuni li, bil-ħajja tagħhom, il-preżenza tiegħu fostna tassew li tiddi u tagħti l-ħajja!
Wieħed minn dawn ix-xhieda eċċezzjonali kien il-Patri Kapuċċin San Leopoldu Mandic. Il-patri qsajjar qsajjar, metru u 35 ċentimetru kollox imma li quddiem it-Tron tal-Grazzja tal-Mulej hu tant kbir! U, lil dan il-Patri sempliċi, sieket imma ta’ qalb kbira, il-Missier żejnu b’missjoni partikularissma, jiġifieri li jagħti ħajtu għall-għaqda bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes tal-Lvant mifrudin minna. Kien iħossha ħafna din il-missjoni fih. Għalhekk ma kinitx sempliċi ‘xewqa’ imma missjoni fil-veru sens tal-kelma tiegħu li jagħti ħajtu għall-għaqda tal-Insara tal-Lvant u l-Punent. U, l-għaliex kienet kariżma kbira mill-Ispirtu s-Santu fih, għall-bini tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, li hu l-Knisja, kellha tingħex bis-salib li ma jiġix mifhum.
Tant hu hekk li mhux talli ma ntbagħatx jaħdem għall-għaqda bejn il-pulmun tal-Lvant u dak tal-Punent talli qalulu biex iqarar fin-naqra ta’ ċella fil-kunvent f’Padova għall-erba’ u tletin sena sħaħ. Imma l-Ispirtu s-Santu jaf x’inhu jagħmel u jmur ħafna lil hemm minn dak li jpaspru l-bnedmin ta’ bnedmin li huma. Għalhekk, l-Ispirtu Qaddis tal-għaqda u tar-rikonċiljazzjoni, għen lil San Leopoldu jgħix il-missjoni tiegħu tal-għaqda bejn l-Insara tal-Lvant u l-Punent billi joffri l-ministeru tiegħu ta’ konfessur b’risq din l-għaqda. Nhar il-31 ta’ Jannar tal-1941 kiteb hekk: F’kull mument u b’kull kura possibbli, konxju mid-dgħjufijiet tiegħi, nikkommetti ruħi permezz tal-voti tiegħi li niddedika l-enerġija kollha li għandi għar-ritorn ta’ ħutna subjien u bniedem mifruda minna fil-Lvant lejn l-għaqda Kattolika. Minn issa, kull ruħ li għandha bżonn tal-ministeru tiegħi hi għalija l-Lvant.
Kien proprju dan il-qaddis, daqshekk ċkejken fl-istatura imma tant kbir fil-qdusija, fil-qlubija u fil-konvinzjoni ta’ Ġesù li jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed, li ġie magħżul ukoll bħala l-qaddis patrun ta’ dawk kollha li jbatu b’tumur. Dan hu dovut għall-fatt li San Leopoldu stess miet b’kankru tal-esofagu nhar il-Ħamis 30 ta’ Lulju 1942. Minħabba f’hekk inħasset il-ħtieġa li jiġi magħżul bħala qaddis patrun ta’ dawk li jbatu mill-marda tal-kanċer. Kien nhar is-6 ta’ Frar 2020, b’digriet iffirmat mill-Kardinal Robert Sarah, il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u tad-Dixxiplina tas-Sagramenti, fejn Patri Leopoldu Mandic kien uffiċjalment maħtur il-qaddis patrun ta’ dawk li jbatu b’tumur. Il-proċess għal dan il-patronat, li beda fl-2016 mill-Ġeneral tal-Ordni Kapuċċin, Patri Mauro Jöhri OFM Cap, ra xejn anqas minn 70,000 firma.
San Leopoldu għadu ħaj magħna mhux biss fil-kalendarju liturġiku imma wkoll f’Sir Anthony Mamo. Nhar is-Sibt 31 t’Ottubru inġiebet ir-relikwa tiegħu fil-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija apposta mis-Santwarju tiegħu f’Padova. Barra minhekk sar talb minn wieħed mill-Kappillani taċ-Ċentru tal-Onkoloġija, Patri Mario Attard OFM Cap, li ma’ Patri Gino Ciangura OFM Cap qed jaqdu lill-pazjenti tagħna, flimkien mal-Papas Martin Zammit, qassis bir-rit Biżantin u li ġej mill-Parroċċa tad-Damaxxena fil-Belt Valletta. Dawn iż-żewġ saċerdoti, li t-tnejn jirrappreżentaw il-Punent u Lvant tal-Knisja, talbu flimkien quddiem ir-relikwa tal-qaddis Patri Kapuċċin San Leopoldu, fil-Kappella tal-Onkoloġija, għall-għaqda tal-Insara. Saret ukoll talba għall-ħelsien mill-pandemija li nkitbet mill-Patrijarka ta’ Kostantinopli Bartilmew I.
U, frott ta’ dik it-talba ħerqana, li ħarġet mill-qalb ta’ Papas Martin, infetaħ proċess mill-isbaħ fejn f’dan iċ-Ċentru qed jiġi mogħni spiritwalment kemm mill-pulmun tal-Punent u kif ukoll mill-pulmun tal-Lvant tal-Knisja. Interessanti ngħidu li wara din l-attività sar ukoll talb għall-ħelsien mill-pandemija tal-covid-19 miktub mill-Metropolita Cirillu ta’ Rodi, li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Knisja ta’ Kostantinopli. Dan sar nhar is-Sibt 5 ta’ Diċembru 2020.
Attività oħra interessanti kienet dik tas-Sibt 19 ta’ Diċembru 2020 fejn intalab ir-Rużarju Biżantin jew kif inhu mlaqqam aħjar bħala r-“Rużarju” ta’ San Serafin ta’ Sarov. Din l-inizjattiva kompliet issaħħaħ ir-rabta sabiħa li San Leopoldu, il-qaddis Patri Kapuċċin, beda tant żmien ilu u li issa qed issir demm u laħam fil-kappellanija tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Għalhekk, l-appell tiegħi lil għeżież missirijiet tiegħi, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna u lil Mons. Joe Galea-Curmi, li f’idejhom hu x-xogħol tal-ħidma mal-morda tagħna fl-Isptarijiet fl-Arċidjoċeżi ta’ Malta, hu li jkomplu jissapportjaw u jsaħħu dak li qed isir fil-kappellanija ta’ Sir Anthony Mamo. San Leopoldu mhux biss tal-Kapuċċini imma tal-Knisja kollha. Għalhekk, dak li beda hu hemm bżonn li jitkompla fil-pastorali f’dan l-isptar. Barra minhekk, il-fatt biss li hemm żewġ patrijiet Kapuċċini bħala kappillani fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo juri r-responsabbiltà li dak li ħolom bih Patri Leopoldu Mandic u issa sar tal-Knisja kollha, m’għandu qatt jiġi msikket inkella impoġġi taħt it-tapit imma mikxuf beraħ ħalli l-Knisja waħda ta’ Kristu tingħaqad u tissaħħaħ.
Xi grazzja hux li anki, f’sitwazzjoni kerha bħal dik tal-kanċer, qed joħroġ tant u tant ġid għall-għaqda tal-Knisja skont ix-xewqa ta’ Ġesù stess li qalilna, fil-vanġelu skont San Ġwann: Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni (Ġw 17:21).
Patri Mario Attard OFM Cap