Il-Papa: “Li tieħu ħsieb l-oħrajn u ‘vaċċin’ kontra l-individwaliżmu
Il-Papa Franġisku fakkar fl-isforzi “ġenerużi” u “erojċi” tat-tobba, l-infermiera w oħrajn li qed jieħdu ħsieb il-kura tas-saħħa waqt l-emerġenza tal-koronavirus.
Dawn ir-rimarki tal-Papa nkitbu f’ittra ndirizzata lill-Arċisqof Vincent Paglia, fl-okkażjoni tas-servizz ta’ tifkira għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li mietu b’riżultat tal-pandemija. L-avveniment kien organizzat mill-Akkademja Pontifikali għall-Ħajja, li jmexxi Paglia, biex jiġi rrikonoxxut s-servizz tal-persunal tal-kura tas-saħħa. Il-kommemorazzjoni sseħħet f’għeluq is-sena meta nstab l-ewwel każ ta’ Covid-19 fl-Italja.
“L-eżempju ta’ tant ħutna, li rriskjaw ħajjithom sal-punt li tilfuha, tispira gratitudni profonda fina, u twassalna biex nirriflettu,” kiteb il-Papa. “Fil-preżenza ta’ għotja bħal din, is-soċjetà kollha hija sfidata biex tagħti xhieda dejjem akbar tal-imħabba għall-proxxmu u għajnuna lil oħrajn, b’mod speċjali l-iktar dgħajfa”.
Huwa żied jgħid, li “d-dedikazzjoni ta’ dawk li, anke f’dawn il-jiem, qed jaħdmu fi sptarijiet u l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa hija ‘vaċċin’ kontra l-individwaliżmu u l-awtoċentrazzjoni, u turi xewqa kbira w awtentika li tgħammar fil-qalb tal-bniedem: li jkun qrib dawk li huma l-aktar fil-bżonn u li jagħtu lilhom infushom għalihom.”
Il-Papa Franġisku assigura lil dawk li ser jieħdu sehem fis-servizz ta’ tifkira, l-qrubija spiritwali tiegħu, u qal, “Jien ningħaqad spiritwalment ma’ dawk kollha miġbura għal dan l-avveniment kommemorattiv sinifikanti, u nsellmilkom bil-Barka tiegħi.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-02/pope-caring-for-others-a-vaccine-against-individualism.html