Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II fi Siena

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI FI SIENA. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Piazza del Campo (Siena), 14  ta’  Settembru 1980

1. Ma ninsewx l-opri kbar ta’ Alla!

Ġejna llum fi Siena biex infakkru, wara sitt mitt sena, dik l-opra ta’ Alla speċjali, li hawn kellha l-bidu tagħha: Katerina ta’ Siena. Ġejna mhux biss biex infakkruha f’din il-belt, imma wkoll biex inbierku lil Alla fiha u għaliha; biex nirrendu ħajr lil Alla għall-opra li ried iwettaq fiha u permezz tagħha fl-istorja tal-Knisja u fl-istorja tal-Italja. Wara sitt sekli din l-opra għadha ħajja, u għad għandha l-elokwenza speċjali tagħha. Katerina minn Siena tgħix f’Alla dik il-Ħajja, li l-bidu tagħha kien minqux fiha permezz tal-Magħmudija, irċevuta hawn fi Siena, minnufih wara t-twelid, li seħħ, skont it-tradizzjoni, nhar il-25 ta’ Marzu tas-sena 1347. U din ħajjitha f’Alla, fit-tabernaklu tat-Trinità Qaddisa, tirrikonferma b’mod definittiv il-verità tal-kliem ippronunzjat darba waħda minn San Irinew, Missier il-Knisja, fit-Tieni Seklu: “għal glorja ta’ Alla huwa l-bniedem ħaj”.

2. B’mod kontemporanju Santa Katerina, li fiha l-grazzja tal-Magħmudija immaturat sal-ogħla qċaċet tal-misteru tal-Komunjoni tal-Qaddisin, tgħix ukoll ħajja oħra fit-tifkira u l-qima tal-Knisja. Ix-xhieda li hija tat lil Kristu, Bin il-Missier, Verb Etern, Għarus tal-erwieħ immortali, mhux biss għadu fil-Knisja, imma jassumi, ikolli ngħid, sinifikat dejjem ġdid.

Huwa prova ta’ dan il-fatt li waħda miż-żewġ nisa, onorati minn Pawlu VI bit-titlu ta’ Duttur tal-Knisja – maġemb Santa Tereża ta’ Avila – hija propju hi: Katerina minn Siena.

Huwa diffiċli li wieħed ma jimmeraviljax ruħu b’dan. Infatti hija kienet tifla sempliċi; ma rceviet ebda struzzjoni partikolari (tgħallmet tikteb meta kienet diġa avanzata fl-età), u għaddiet mill-ħajja b’mod mgħaġġel, donnha kellha għaġġla li tilħaq t-tabernaklu tat-Trinità Qaddisa. Dak kollu li hi kienet, dak kollu li għamlet tul ħajjitha ta’ biss 33 sena, kienet opra meraviljuża ta’ Alla nnifsu. Kienet opra tal-Ispirtu Santu, li għaliha l-verġni Seniża kienet sottomessa u ubbidjenti b’xebħ ta’ dik il-Mara eċċellenti, li tibqà għalina mudell irraġġjunġibbli: Omm is-Salvatur.

Iffavorita minn viżjonijiet ċelesti sa minn l-ewwel infanzja, Katerina kkultivat, infatti, b’mod kostanti għaqda profonda mal-Ispirtu divin, għalkemm f’nofs l-okkupazzjonijiet li jdejqu tal-ħajja tagħha muvimentata.

Dan setgħet tagħmlu grazzi għaċ-“ċella interna”, li kien irnexxielha tibni fl-intimu tagħha. “Agħmlu ċella fil-menti, li minnha ma tkunu tistgħu toħorġu qatt”, tagħti parir iktar tard lid-dixxipli tagħha, a bażi tal-esperjenza personali (cf. Santa Caterina da Siena, Legenda Maior, I, IV). Fiha, infatti, “aħna nsibu l-ikel anġeliku tax-xewqa mgħarrqa ta’ Alla oppost tagħna” (Santa Caterina da Siena, Epist. 26).

Hija f’tali kontemplazzjoni entużjasta tal-misteri ta’ Kristu, ikkombinata mal-għarfien tax-xejn tiegħek(“inti dak li mhuwiex; jiena, iżda, Dak li jien”)(Santa Caterina da Siena, Legenda Maior, I, X), li għandu jfittex is-sigriet ta’ azzjoni, li l-milja u l-qawwa  tiegħu għadhom sallum jgħaġġbu. Dan huwa sigriet li tiżvelah hija stess fir-rakkomandazzjonijiet, li qatt ma tgħejja tindirizza lil uliedha spiritwali: “Qiegħdu, qiegħdu fommkom mal-kustat tal-Iben ta’ Alla; però li huwa fomm li jitfà nar ta’ karità, u jxerred demm biex jaħsel l-azzjonijiet kattivi tagħkom. Ngħid li r-ruħ li tistrieħ u tqis bil-għajn tal-intellett il-qalb ikkunsmata u miftuħa għall-imħabba, din tirċievi fiha tant konformità miegħu, waqt li tara tant imħabba, li ma tkunx tistà tagħmel ħaġ’oħra għajr tħobb” (Santa Caterina da Siena, Epist. 97). Hemm bżonn li nerġgħu nitilgħu għal tali komunjoni nterna tal-ħajja ma’ Kristu, issiġillata mid-don mistiku tal-istimmati, biex nifhmu l-axxendent li din it-tfajla fraġli u ma tafx tirrejaġixxi setgħet teżerċita fuq kull ġeneru ta’ persuna, fuq nobbli u plebej, fuq irġiel tal-Knisja bħal ma fuq avventurieri bogħod minn Alla u kapaċi jwettqu kull vjolenza.

3. Hemm bżonn inkebbsu mill-ġdid tali nar ta’ mħabba, biex ikollna, wkoll, l-ispjega tal-faxxinu li il-Qaddisa Seniża għadha teżerċità wkoll fuqna, bnedmin tas-seklu XX. Katerina għadha tgħix, infatti, kważi ħajja oħra, hawn fuq l-art, fit-tifkira u fil-qima tal-Knisja. Hija tgħix, b’mod speċjali, fit-tifkira u fil-qima ta’ Art Twelidha, l-Italja, li tara fiha, maġemb San Franġisk ta’ Assisi, il-Patruna ewlenija tagħha. U dan bir-raġun. Infatti Katerina ħabbet lill-Italja u ħliet bla mistrieħ l-enerġiji tagħha biex tiffaċċja it-tant deni li jġigħelha tbati: kienet infermiera maġemb is-sodod ta’ dawk bil-pesta, kienet dispensatriċi ta’ għajnuniet għall-indiġeni, kienet provokatriċi ta’ inizjattivi ta’ karità għal dawk fil-bżonn ta’ kull tip: fuq kollox kienet ambaxxatriċi ta’ paċi bejn l-individwi, il-familji u l-Istati.

Dan huwa lat karatteristiku tal-missjoni tal-Qaddisa: hija kienet taf iġġiegħel tidwi b’mod effikaċi l-kelma tal-paċi hemm fejn kien jonfoħ bil-kbir id-deni tan-nuqqas ta’ ftehim. U n-nuqqas ta’ ftehim ma kienx nieqes tassew fis-soċjetà mqallba ta’ dawk iż-żminijiet. Mibegħda u ġlied kienu jikkostitwixxu l-ħobż ta’ kuljum tal-gruppi nobbli suppervi, mibdula f’fazzjonijiet tal-armi u tal-massakri. Suspetti, tensjonijiet, gwerer kienu spiss ifaqqgħu fost diversi Stati, li fihom dak iż-żmien kienet maqsuma l-peniżola. Kienet assolutament meħtieġa l-opra medjatriċi ta’ persuna li kienet bla dubju ‘l fuq mill-partijiet u bdanakollu qrib biżżejjed għall-qalb ta’ kull wieħed biex tkun tistà tasal, billi tqanqal smigħ u kunsens. Katerina kienet tassumi tali dmir. Qawwija biss bl-isem ta’ Kristu, sostnuta minn imħabba tħeġġeġ għal ħutha, it-tfajla fraġli ffaċċjat l-fazzjonijiet opposti, b’fuq xuftejha l-invokazzjoni: “Paċi, paċi, paċi” kienet tintervieni bejn il-ġvernijiet tad-diversi bliet, tintervieni bejn iċ-ċittadini ndividwali, kienet tfakkar lil kulħadd is-sens tar-responsabiltà tagħhom ta’ bnedmin u ta’ nsara.

B’aċċenti ħerġin mill-qalb, u fuq kollox bil-qawwa irreżistibbli tal-grazzja, imsaħħa permezz tal-offertà tagħha nfisha lil Alla fit-talb u fid-dmugħ, Katerina kisbet konverżjonijiet u rikonċiljazzjonijiet, li għandhom mill-mirakoluż.

4. L-aspett, madankollu, li fl-azzoni ta’ Katerina għandu l-ikbar importanza u li jdher li jiddeċiedi l-post speċjali tagħha fit-tifkira u fil-qima tal-Italja kollha, huwa dak marbut b’mod strett mal-irwol minnha mwettaq mal-Papiet, irwol li Ruma u s-Sedja ta’ Pietru ma jistgħux jinsew. Kien propju bl-opra ta’ Santa Katerina li s-Suċċessuri ta’ Pietru reġgħu lura minn Avignon għas-Sedja, iddestinata lilhom mill-Providenza stess fil-bidu tal-istorja tal-Knisja, appuntu f’Ruma, fejn l-Appostli Pietru u Pawlu kienu xeħtu s-sisien tal-fidi mhux biss bil-kliem tal-predikazzjoni, imma wkoll bix-xhieda tal-mewt imġarrba għall-imħabba ta’ Kristu.

Il-Papiet kienu ttrasferew ruħhom f’Avignon, fi Franza, fl-ewwel snin tas-seklu u ostakli numerużi kienu kkontribwew sa dan iż-żmien għar-ritorn tagħhom. Katerina ma ċedietx. Bil-kuraġġ li kien jiġiha mill-fidi, tkellmet, kitbet, insistiet, tablet u fl-aħħar kisbet: fis-17 ta’ Jannar tal-1377 il-Papa Girgor XI kien reġà daħal Ruma, milqugħ minn trijonf festanti tal-popolazzjoni kollha. Kapitlu xejn ferrieħi tal-istorja tal-Papat b’dan il-mod kien ġie għall-konklużjoni tiegħu.

Għal din ir-raġuni, sa mill-ewwel jiem tas-servizz tiegħi fuq is-Sedja ta’ Pietru, wara ż-żjara fil-Bażilika ta “Santa Maria sopra Minerva” xtaqt tant inżur Siena (Bħal ma nixtieq inmur Assissi), biex “norbot fuq l-art dak li hemm marbut fis-smewwiet” bis-sinjal ta’ din iż-żjara. U illum li ngħatali li nwettaq tali xewqa, inħabbar, waqt li ngħolli l-ispirtu tiegħi, il-kliem tal-liturġija: “Ma ninsewx l-opri kbar ta’ Alla”. Santa Katerina hija opra kbira ta’ Alla.

5. Din il-vista u s-sollennità kollha jaħbtu fil-jum li fih il-Knisja tiffesteġġja l-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.

Ejjew mela nisimgħu fil-Vanġelu l-kliem, indirizzat minn Kristu lil Nikodemu matul dak id-djalogu bil-lejl, li fih Bin il-Bniedem jirrivela lil dak l-Iskriba u fl-istess ħin ċittadin distint, il-verità ċentrali tal-Eknomija divina fl-istorja tal-bniedem.  “U bħal ma Mosè għolla s-serp fid-deżert, hekk hemm bżonn li jkun mgħolli Bin il-bniedem, sabiex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,14-16).

U ejjew nisimgħu wkoll fit-tieni qari l-kliem ta’ Pawlu dwar Kristu Ġesù li “umilja lilu nnifsu billi sar ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt tas-salib” (Fil 2,8), u propju għal dan “Alla għollieh u tah isem li hu fuq kull isem; sabiex fl-isem ta’ Ġesù kull irkoppa tmil fis-smewwiet, fuq l-art u taħt l-art u kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu huwa l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2,9-11).

U ejjew naħsbu, waqt li nirriflettu u b’xi mod waqt li nassimilaw bir-ruħ kollha dan il-kliem (hekk ovvju għaċ-ċertezza tal-fidi u fl-istess ħin hekk inskrutabbli għall-kobor tal-Misteru)…naħsbu b’liema mod partikolari kien “eżaltat” is-salib ta’ Kristu fil-qalb tal-koċittadina tagħkom Santa Katerina. U nirriflettu kif hi stess kienet eżaltata fis-salib. Għaliex ukoll jekk is-salib kien is-sinjal tal-mistħija tal-bniedem, huwa fl-istess ħin veru li f’dan is-salib l-iktar “eżaltat” kien il-bniedem. Kull bniedem. Il-bniedem taż-żminijiet kollha. Dan ridt nixhdu minnufih fil-bidu tas-servizz tiegħi fuq is-Sedja Rumana permezz tal-enċiklika “Redemptor Hominis”. Illum jiena kuntent li l-jum li fih jiena ngħatajt li nonora b’mod speċjali lil Santa Katerina ta’ Siena, flimkien mal-Knisja kollha u b’mod speċjali mal-Italja kollha, dan ħabat propju mal-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib.

Katerina kellha l-intuwizzjoni ċarissma tar-rwol afdat lis-salib fil-ħelsien u l-“eżaltazzjoni” tal-bniedem: “Il-Ħaruf immakulat – hija tikteb –  biex jirrendi l-libertà lill-bniedem, u biex jagħmlu liberu, tiegħu nnifsu mill-mewt tal-mistħija tas-salib imqaddes. Araw imħabba ndeskrivibbli! Li bil-mewt tatna l-ħajja; waqt li ġarrbet mistħijiet u  nsulti, tatna lura l-unur; bl-idejn maqfulin u mwaħħlin mas-salib, ħallilna l-irbit tad-dnub” (Santa Katerina da Siena, Epist. 28) O Ġesù imħabba l-iktar ħelwa – tkompli tikteb hi – int lgħabt mal-mewt fuq dirgħajn is-salib” (Santa Katerina da Siena, Epist. 97), “ippaċifikajt b’mewtek lill-bniedem ma’ Alla: għaliex l-imsiemer saru ċ-ċavetta li ddeidrat il-ħajja eterna” ((Santa Katerina da Siena, Epist. 184).

6. Ġesù Kristu kompla jkellem lil Nikodemu: “Infatti Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu uniġenitu, sabiex kull min jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16).

Il-Vanġelu huwa messaġġ ta’ ħajja. Il-Kristjaneżmu jwassal b’mod profond fil-kontenut kollu tiegħu s-sens tal-valur tal-ħajja u tar-rispett għall-ħajja. L-imħabba ta’ Alla bħala Ħallieq turi ruħha f’dan, li Huwa hu Donatur tal-ħajja. L-imħabba ta’ Alla bħala Ħallieq u Missier tidher f’dan li l-bniedem, maħluq xbiha u xebħ tiegħu bħala maskju u femmina, ġie magħmul Minnu sa mill-bidu kollaboratur tiegħu, kollaboratur tal-Ħallieq fl-opra tal-għoti tal-ħajja. Ma tali dmir hija relatata dinjità partikolari tal-bniedem: id-dinjità ġenerattiva, id-dinjità tal-missier u tal-omm, dinjità fundamentali u insostitwibbli fl-ordni kollu tal-ħajja umana: individwali u soċjali flimkien.

Il-problema tal-affermazzjoni tal-ħajja umana minn l-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha u, f’każ ta bżonn ukoll il-problema tad-difiża ta’ din il-ħajja, huwa magħqud b’mod strettissmu mal-ordni l-iktar profonda tal-eżistenza tal-bniedem, bħala esseri ndividwu u bħala esseri soċjali, li għalih l-ambjent ewlieni u fundamentali ma jistax ikun għajr dak ta’ familja awtentika umana.

Hija għalhekk meħtieġa l-affermazzjoni ċara tal-ħajja umana sa minn l-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha taħt il-qalb tal-omm, hija meħtieġa wkoll id-difiża ta’ din il-ħajja meta tkun fi kwalunkwè ħin mhedda (mhedda wkoll soċjalment), hija meħtieġa u ndispensabbli, għaliex fl-aħħar minn l-aħħar din mhix għajr il-fedeltà għall-istess umanità, il-fedeltà għad-dinjità tal-bniedem.

Hemm bżonn li din id-dinjità tkun aċċettata sa mill-bidunett. Jekk tinqered fil-ġuf tal-mara, fil-ġuf tal-omm, ikun diffiċli li tkun difiża, imbagħad, f’tant oqsma u  sferi tal-ħajja u tal-konvivenza umana.

Kif inhu possibbli, infatti, li nitkellmu dwar id-drittijiet umani, meta niksru dan id-dritt l-iktar important? Ħafna, illum, jiddiskutu dwar id-dinjità tal-bniedem, imma ma jaħsbuhiex darbtejn, imbagħad, li jikkalpestaw l-esseri uman, meta dan jitfaċċa, dgħajjef u indifiż, fuq l-għatba tal-ħajja. Mhemmx jewwilla liċenzja tal-kontraċezzjoni f’dan kollu? Hemm bżonn li ma niqfux insostnu dan: id-dritt għall-ħajja huwa dritt fundamentali tal-esseri uman, dritt tal-persuna, li jobbliga sa mill-bidunett.

Alla infatti tant ħabb id-dinja li ta lil Ibnu uniġenitu sabiex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja…

U Alla tant ħabb il-maternità umana, il-maternità ta’ Mara – tal-Verġni ta’ Nażżaret, li permezz tagħha setà jagħti lid-dinja lil Ibnu Uniġenitu – , li f’dan id-dawl kull maternità umana takkwista dimensjoni straordinarja. Hija sagra.

Sagra hija l-ħajja. U sagra hija l-maternità ta’ kull omm.

Minn hawn il-problema tal-affermazzjoni tal-ħajja. Il-problema tad-difiża tal-ħajja diġa fil-ġuf tal-omm hija, għal dawk kollha li jistqarru lil Kristu, problema ta’ fidi u problema ta’ koxjenza.

U problema ta’ koxjenza hija wkoll għall-oħrajn, għall-bnedmin kollha mingħajr eċċezzjoni: dan huwa bis-saħħa tal-istess umanità tagħhom.

Hawn, quddiem Santa Katerina ta’ Siena, Patruna tal-Italja, nippreżenta lil Alla flimkien magħkom, talba mħeġġa sabiex dawn il-qawwiet ta’ fidi u dawn il-qawwiet ta’ koxjenza jerġgħu jsibu ruħhom u jesprimu ruħhom f’nofs dan in-Nazzjon, li dejjem iddistingwa ruħu għall-imħabba kbira tiegħu għall-familja u għat-tarbija. Nitlob lil Alla li dan in-Nazzjon ma jferrixx il-wirt fundamentali tiegħu; wirt ta’ ħajja u wirt ta’ mħabba responsabbli, li waqt li jservi l-ħajja jesprimi lilu nnifsu quddiem Alla u lill-bnedmin. La tferrixx lill-Italja dan il-wirt, imma anzi eżaltah fi promozzjoni effettiva tal-esseri uman fil-livelli kollha, u ttraduċih fi protezzjoni pożittiva u sħiħa, ukoll ġuridika, tad-drittijiet inaljenabbli tiegħu, li l-ewwel fosthom hu u jibqà d-dritt għall-ħajja. “Ma ninsewx l-opri kbar ta’ Alla”!

7. L-opri tal-Alla ħaj huma ferm ikbar mill-bniedem u mid-dinja. Ikbar mill-bniedem u mid-dinja hija dik l-imħabba li biha Alla ħabb lid-dinja, illi taha lil Ibnu: “tant ħabb lid-dinja li taha lil Ibnu uniġenitu, sabiex kull min jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” ( Gw 3,16).

Katerina ta’ Siena saret għall-ġenerazzjoni ta’ dak iż-żmien u għal dawk futuri xhud insuperabbli ta’ dik l-imħabba, għaliex kienet b’mod straordinarju mgħaddsa għal Alla  u fil-“problemi kbar” tiegħu (magnalia)!

Ma jonqsux ukoll fil-ġenerazzjoni tagħna l-bnedmin, ma jonqsux iż-żgħażagħ, li jfittxu b’ħeġġa lil Alla, u billi jkunu f’relazzjoni miegħu, jiskopru s-sbuħija profonda tad-dinja u s-sens traxxendenti tal- umanità propja tagħhom. Għaliex id-dinja minnha nfiha ma tbigħedx il-bniedem minn Alla, imma twasslu għandu. Mhux fil-krejaturi, imma fil-qalb umana, hemm bżonn infittxu l-kawża li tbigħid minn Alla, tal-indifferenza spiritwali u ta’ dak li nkunu hekk impenjati mid-dinja, bħallikieku din tikkostitwixxi l-unika dimensjoni tal-esseri uman.

Waqt li ninsabu hawn quddiem Santa Katerina, it-tfajla straordinarja li kellha f’din il-belt twelidha u iidistingwiet ruħha għad-dmir partikolari afdat lilha mill-Providenza lejn il-Knisja u lejn l-Italja, hemm bżonn li nitolbu t-tiġdid tal-ispirtu, il-ħila jiġifieri li nduru lejn Alla u li “ngħodsu” Fih, bħal ma  tesiġi l-koxjenza kontemporanja tagħna tad-dinja u tal-bniedem fid-dinja.

Għaliex din hija l-affari kollha: li l-bniedem “ma jgħibx” assorbit għal kollox mid-dinja, imma “jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.

Din il-ħajja ma tiġix mid-dinja imma minn Alla; ta’ dan tagħti xhieda b’mod inkonfutabbli Santa Katerina ta’ Siena.

Il-glorja ta’ Alla hija l-bniedem ħaj, li jgħix il-milja tal-Ħajja, li tiġi minn Alla! Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d