Omelija waqt Viżta Pastorali f’Otranto

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI F’ OTRANTO

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Otranto, 5 ta’ Ottubru 1980

1. Ġabitna hawn f’Otranto t-tifkira tal-martri. Ġabitna hawn il-qima lejn il-martirju, li fuqu, sa mill-bidu, tinbena s-saltna ta’ Alla, ipproklamata u mibdija fl-istorja umana ta’ Ġesù Kristu.

Il-verità dwar il-martirju għandha fil-Vanġelu elokwenza sħiħa ta’ profondità penetranti u fl-istess ħin ta’ sempliċità trasparenti. Kristu ma jwiegħedx lid-dixxipli tiegħu suċċessi ta’ din id-dinja jew prosperità materjali; hu ma jippreżentax quddiem għajnejhom xi “utopija”, bħal ma ġara iktar minn darba u bħal ma jiġri dejjem fl-istorja tal-ideoloġiji umani. Huwa sempliċement jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Se jippersegwitawkom”. Se jagħtukom lill-korpi tal-awtoritajiet diversi, se jitfgħukom l-ħabs, se jressqukom quddiem id-diversi tribunali. Dan kollu minħabba ismi” (Lq 21,12).

Is-sustanza tal-martirju hija marbuta, mill bidu u tul il-korsa tas-sekli, ma’ dan l-isem! Aħna nikkwalifikaw bħala martri dawk l-insara li, tul il-korsa tal-istorja, sofrew it-tbatijiet, ta’ spiss tal-biżà, għall-krudeltà tagħhom “in odium fidei”. Dawk li lilhom “in odium fidei” giet fl-aħħar mogħtija l-mewt. Mela dawk li waqt li aċċettaw, f’din id-dinja, it-tbatijiet u waqt li ġarrbu l-mewt irrendew xhieda partikolari lil Kristu.

Waqt li jqiegħed quddiem għajnejn id-dixxipli tiegħu l-immaġni tat-tbatijiet li hemm jistennewhom minħabba f’ismu, l-Imgħallem jgħid: “Dan se jagħtikom l-okkażjoni li tagħtu xhieda” (Lq 21,13).

2. Ħames mitt sena ilu hawn, f’Otranto, 800 dixxiplu ta’ Kristu taw appuntu tali xhieda, meta aċċettaw il-mewt għal isem Kristu. Għalihom jirreferi l-kliem li l-Mulej Ġesù ippronunzja dwar il-martirju: “Tkunu mibgħuda minn kulħadd minħabba f’ismi” (Lq 21,17). Iva. Kunu oġġett ta’ mibegħda sal-aħħar, b’xebħ tal-Imgħallem tagħkom, li miċ-ċena paskwali mar dritt fil-Ġetsemani u hemm talab: “Missier, jekk trid, tistà tbiegħed minni dan il-kalċi” (Lc 22,42). Bdanakollu l-kalċi tal-odju uman, tal-krudeltà u tas-salib ma twarrabx. Kristu, ubbidjenti għall-Missier, bata sal-aħħar: “Ma ssirx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda tiegħek” (Lq 22,42).

Ix-xhieda tal-Ġetsemani u tas-salib hija siġill definittiv, stampat fuq dak kollu li Ġersù kien għamel u għallem. Huwa, waqt li aċċetta l-mewt, ta ħajtu għas-salvazzjoni tad-dinja. Il-martri ta’ Otranto, waqt li aċċettaw il-mewt, taw ħajjithom għal Kristu. U b’dan il-mod taw xhieda partikolari lil Kristu.

Ix-xhieda tal-martri tintroduċihom b’mod speċjali wkoll fil-misteru paskwali tiegħu. “Bil-perseveranza tagħkom – jgħid Ġesù – se ssalvaw ruħkom” (Lq 21,19). Bħal ma hu stess kiseb il-ħajja l-ġdida, billi aċċetta l-mewt, hekk il-martri waqt li jaċċettaw il-mewt, jiksbu l-ħajja, li għaliha Kristu ta l-bidu fil-qawmien mill-imwiet.

3. “Dik” il-ħajja: il-ħajja l-ġdida u sħiħa tiċħad, f’ċertiu sens, l-esperjenza tal-mewt. Tiċħad fuq kollocx iċ-ċertezza ta’ dawk li, billi jimponu l-mewt, kienu jsostnu li bit-teħid tal-ħajja tal-martri, kienu jċaħħduhom mill-ħajja u hekk ikunu b’mod definittiv warrbuhom mid-dinja tal-ħajjin.

“Għal għajnejn il-boloħ jidhru li jmutu; / it-tmiem tagħhom tqies diżastru, / it-tluq tagħhom minn magħna rovina”.

Hekk kien ipproklama l-awtur tal-ktieb tal-Għerf (Gherf 3,2-3) diġa ħafna żmien qabel ma Kristu ppronunzja l-kliem tiegħu dwar il-martirju.

“…imma huma jinsabu fis-sliem” (Għerf 3,3). Imma huma jinsabu fis-sliem!

Fl-att tal-martirju isseħħ mela, biex ngħidu hekk, kontrappożizzjoni radikali tal-kriterji u tas-sisien stess tal-ħsieb. Il-mewt umana tal-martri, il-mewt marbuta mat-tbatija u mat-torturi – hekk bħall-mewt ta’ Kristu fuq is-salib – iċċedi, f’ċertu sens, quddiem realtà superjuri oħra. L-awtiur tal-ktieb tal-Għerf jikteb: “L-erwieħ tal-ġusti… jinsabu f’idejn Alla / ebda tbatija tal-ġisem ma tmisshom” (Għerf 3,1).

Din ir-realtà superjuri l-oħra ma tħassarx il-fatt tat-tbatija u tal-mewt, hekk kif ma ħassritx il-fatt tal-passjoni u tal-mewt ta’ Kristu. Hi, l-“id” inviżibbli ta’ Alla tibdel biss dan il-fatt uman. Tibdlu diġa saħansitra fit-tessut terren, permezz tal-qawwa tal-fidi li tirrivela ruħha fl-erwieħ tal-martri quddiem it-tbatija tal-ġisem u tas-sofferenza: “Ukoll jekk f’għajnejn il-bnedmin iġarrbu l-kastigi, it-tama tagħhom hija mimlija bl-immortalità” (Għerf 3,4).

Il-qawwa ta’ din il-fidi u l-qawwa tat-tama li tiġi minn Alla huma iktar qawwija mill-kastig u mill-mewt infisha. Il-martri jagħtu xhieda lil Kristu propju għal din il-qawwa tal-fidi u tat-tama. Huma, infatti, l-istess Bħalu fil-passjoni u l-mewt, jipproklamaw kontemporanjament il-qawwa tal-qawmien mill-imwiet tiegħu. Biżżejjed niftakru hawn kif miet l-ewwel martri ta’ Kristu, id-djaknu Stiefnu; huwa miet jgħajjat: “Ara qiegħed nara s-smewwiet miftuħa u lil Bin il-bniedem fil-lemin ta’ Alla” (At 7,56).

Hekk mela, grazzi għall-qawwa tal-fidi u għall-qawwa tat-tama, jinbidlu, sa ċertu sens, il-proporzjonijiert: il-proporzjonijiet tal-ħajja u tal-mewt, tat-telfa u tar-rebħa, tat-tneżżiħ u tal-elevazzjoni. L-awtur tal-ktieb tal-Għerf wara jikteb: “Bi bdil ta’ piena qasira / jirċievu benefiċċji kbar, / għaliex Alla għaddihom mill-prova / u sabhom denji tiegħu” (Għerf 3,5).

4. Hawn qegħdin inmissu punt partikolarment important fil-fatt tal-martirju. Il-martirju huwa prova kbira, f’ċertu sens hija l-prova definittiva u radikali. Hija l-ikbar prova tal-bniedem, il-prova tad-dinjità tal-bniedem fil-preżenza ta’ Alla nnifsu. Huwa diffiċli tgħid għal dan il-għan iktar minn kemm jiddikjara l-ktieb tal-Għerf: “Alla ppruvahom u sabhom denji tiegħu” (Għerf 3,5). Ma jeżistix qies ikbar mid-dinjità tal-bniedem minn dik li tinsab f’Alla nnifsu: fl-għajnejn ta’ Alla, il-martirju huwa mela “il”-prova tal-bniedem li sseħħ għal għajnejn Alla, prova li fiha l-bniedem, mgħejjun mill-qawwa ta’ Alla, li ġgib ir-rebħa.

Minn tali prova għaddew, tul il-korsa tal-istorja, konfessuri u dixxipli numerużi ta’ Kristu. Minn tali prova għaddew il-martri ta’ Otranto ħames mitt sena ilu. Minn tali prova għaddew u jgħaddu l-martri tas-seklu tagħna, martri spiss mhux magħrufa, jew inkella magħrufin ftit, ukoll jekk jinsabu ‘l bogħod minna.

U hekk fiċ-ċirkustanza tallum ma nistax ma nitfax ħarsti, ‘il hemm mill-baħar, lejn il-Knisja ftit li xejn imbegħda tal-Albanija, iddisturbata minn persekuzzjoni iebsa u twila imma mogħnija mix-xhieda tal-martri tagħha: Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rgiel u nisa u fidili sempliċi.

Minbarra f’dawn, il-ħsieb tiegħi imur ukoll għal ħutna nsara oħra u għal dawk kollha li jemmnu f’Alla li jġarrbu xorti simili ta’ prevenzjonijiet f’dak in-nazzjon.

Li tkun spiritwalment qrib dawk kollha li jbatu l-vjolenza minħabba l-fidi tagħhom huwa dmir speċjali tal-insara kollha, skont it-tradizzjoni miruta mill-ewwel sekli. Ngħid iktar: hawn tidħol ukoll solidarjetà li tmiss lill-persuni u lill-komunitajiet, li d-drittijiet tagħhom huma miksura jew saħansitra mirfusa għal kollox. Hemm bżonn li nitolbu sabiex il-Mulej isostni lil dawn ħutna bil-grazzja tiegħu f’tali provi diffiċli. U rridu nitolbu wkoll għal min jippersegwita billi nirrepetu l-invokazzjoni ta’ Kristu fuq is-salib, indirizzata lill-Missier: “Aħfrilhom għaliex ma jafux x’inhuma jagħmlu”.

Spiss ħafna infittxu li nikkwalifikaw il-martri bħala “ħatja ta’ rejati politiċi”. Kristu wkoll kien ikkundannat għall-mewt apparentement għal dan il-mottiv: għaliex kien iddikjara li huwa sultan (cf. Lq 23,2). Ma ninsewx, għalhekk, il-martri ta’ żminijietna. Ma nġibux ruħna bħallikieku huma ma jeżistux. Niżżu ħajr lil Alla li huma ssuperaw b’mod rebbieħ il-prova. Ejjew nitolbu bil-qalb il-qawwa tal-Ispirtu Santu għall-ippersegwitati li għad iridu jiffaċċjaw tali prova. Jalla jitwettqu fuqhom il-kliem tal-Imgħallem: “Jiena nagħtikom ilsien u għerf, li għalihom l-avversarji tagħkom la jkunu jistgħu jirreżistuhom u linqas imeruhom” (Lq 21,15).

Ejjew nibqgħu f’komunjoni mal-martri. Huma jiskavaw il-kanal l-iktar profond tax-xmara divina fl-istorja.

Huma jibnu s-sisien l-iktar konsistenti ta’ dik il-belt divina li televa ruħha lejn l-eternità.

L-awtur tal-ktieb tal-Għerf jipproklama: “(Alla) għaddihom bħal deheb mill-prova tan-nar u laqagħhom bħala olokawst” (Għerf 3,6).

5. Fil-Knisja fid-dinja tibqà t-tifkira u l-qima tal-qaddisin martri, bħal hawn f’Otranto, u f’tant postijiet oħra tal-Italja, tal-Ewropa u tad-dinja. Fis-saltna ta’ Alla huma jirċievu flimkien ma’ Kristu qawwa partikolari u poter fil-misteru tal-komunjoni tal-qaddisin u fl-ekonomija kollha divina tal-verità u tal-imħabba.

“Jiggvernaw in-nazzjonijiet, ikollhom il-poter fuq il-popli u l-Mulej isaltan għal dejjem fuqhom.

Dawk li jafdaw fih jifhmu l-verità; dawk li huma fidili lejh jgħixu qribu fl-imħabba, għaliex il-grazzja u l-ħniena huma riservati għall-magħżulin tiegħu” (Gherf 3,8-9).

Il- martri, quddiem il-majjesta tal-ġustizzja divina, jistġhu jesprimu ruħhom hekk bħal ma naqraw fl-Apokalissi: “Sid Qaddis u veru kemm se ddum ma tagħmel ħaqq u titħallas ta’ demmna minn dawk li jgħammru fl-art?” (Ap 6,10). Bdanakollu fid-dawl etern tat-Trinità Qaddisa, magħqudin fil-verità suprema u fl-imħabba perfetta, huma jsiru l-kelliema tal-grazzja u tal-ħniena għal ħuthom irġiel u nisa fuq l-art. Anzi dan isiruh għall-istess persekuturi tagħhom. Isiruh b’mod partikolari għall-Knisja, li skont il-pjanijiet ħanina ta’ Alla għandha tkun il-“belt divina” mgħollija fost il-ġnus, għandha tkun: “fi Kristu bħal sagrament, jew sinjal u strument tal-għaqda intima tal-ġeneru uman kollu” (Lumen Gentium, 1).

Huwa propju għalhekk li din il-Knisja, magħquda mill-ġdid illum f’Otranto fuq il-qabar kbir tal-martri, tixtieq fl-ispirtu tal-missjoni li hija propju tagħha televa, permezz tagħhom, it-talba tagħha lil Alla. F’din it-talba jitqiegħdu fl-ewwel post il-problemi li għandna llum. Minn dan il-qabar tal-martri ta’ Otranto, wara 500 sena, ejjew naraw b’mod ġdid u b’ċarezza ġdida, il-prospettiva tas-salib ta’ Kristu u tal-missjoni tal-Knisja.

6. Il-Konċilju Vatikan II, li ddikjara li “l-Knisja hija fi Kristu bħal sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda tal-ġeneru uman kollu” (Lumen Gentium, 1), uriet ukoll l-atteġġjament koerenti tagħha b’tali professjoni fil-konfront ta’ dawk il-ġrajjiet li, fl-imgħoddi, ikkuntrastaw b’mod reċiproku musulmani u nsara bħala għedewwa. “Jekk tul il-korsa tas-sekli bejn insara u musulmani qamu mhux ftit disputi u mibegħda, dan il-konċilju sagrosant iħeġġeg lil kulħadd sabiex jinsew dak li għadda, biex jipprattikaw b’mod sinċier il-fehim u biex jippromwovu flimkien il-ġid morali, il-paċi u l-libertà” (Nostra Aetate, 3).

Għalina, dan il-kliem għandu mportanza deċiżiva. Bl-idstess spirtu diġa kelli l-okkażjoni li nitkellem iktar minn darba: f’Ankara, il-kapitali tat-Turkija, fiż-żjara tiegħi f’dak il-pajjiż is-sena l-oħra, u wkoll f’Nairobi, f’Akkra, f’ Ouagadougou u f’Abidjan tul il-vjaġġ reċenti tiegħi fl-art Afrikana.

Illum, ħdejn l-oqbra glorjużi tal-martri ta’ Otranto, insejjaħ l-interċessjoni ta’ dawk li “l-erwieħ tagħhom jinsabu f’idejn Alla”, u, flimkien mal-Knisja kollha, ngħolli talba żelanti sabiex il-kliem tal-Konċilju Vatikan II isir dejjem iktar realtà.

Imur, f’dan il-waqt, ħsieb rispettuż u kordjali lill-Knisja f’Biżanzju li kellha rabtiet storiċi mal-Knisja lokali f’Otranto.

Minn din l-art antika tal-Puglia, mifruxa bħal ras ta’ pont lejn il-Lvant, aħna nħarsu b’attenzjoni u simpatija lejn ir-reġġjuni tal-Lvant u b’mod partikolari hemm fejn kellhom l-oriġni storiċi it-tliet reliġjonijiet monotejistiċi kbar, jiġifieri l-Kristjaneżmu, l-Ebraiżmu u l-Islam. Għandna preżenti f’moħħna dak li l-Konċilju jgħid  dwar “dak il-poplu li lilu ngħataw t-testmenti u l-wegħdiet u li minnu twieled Kristu skont il-ġisem (cf. Rm 9,4-5); poplu, ili bis-saħħa tal-elezzjoni, l-iktar għażiż minħabba missirijietu, għaliex id-doni u l-vokazzjoni ta’ Alla huma rrevokabbli (cf. Rm 11,28-29)”. U wara naqraw fl-istess paġna tal-Konċilju Vatikan II:  “Imma l-pjan tas-salvazzjoni iħaddan ukoll lil dawk li jagħrfu l-ħallieq, u fost dawn b’mod partikolari lill-Musulmani, li waqt li jipprofessaw li jżommu l-fidi ta’ Abram, jaduraw magħna Alla uniku, ħanin, li jiġġudika l-bnedmin fl-aħħar jum” (Lumen Gentium, 16).

Fl-istess ħin ma nistgħux nagħlqu għajnejna quddiem sitwazzjonijiet partikolarment delikati li nħolqu u għadhom jeżistu hemmhekk. Faqqgħu konflitti tassew iebsa; ir-reġġjun tal-Lvant nofsani huwa mifni minn tensjonijiet u disputi, bir-riskju dejjem imminenti li jerġgħu jisplodu fi gwerer ġodda. Huwa tassew tan-niket li ninnotaw li spiss il-konfrontazzjonijiet seħħew billi segwew il-linji ta’ firda bejn gruppi reliġjużi diffderenti, għalhekk kien possibbli għal xi wħud, sfortunatament, li b’mod artifiċjali jħeġġuhom billi jserrħu fuq is-sentiment reliġjuż.

It-termini tad-dramm medju-orjentali huma magħrufa: il-poplu Lhudi, wara esperjenzi traġiċi, marbutin mal-isterminju ta’ tant ulied maskili u femminili, imbuttat mill-amsjetà ta’ sikurezza, ta bidu lill-istat ta’ Iżrael; fl-istess ħin inħolqot il-kondizzjoni doloruża tal-poplu Palestinjan, fil-parti l-kbira tiegħu eskluża minn arthom. Dawn fatti li huma taħt għajnejn kulħadd. U pajjiżi oħra, bħal-Libanu, qegħdin ibatu kriżi li thedded li tkun kronika. F’dawn il-jiem, fl-aħħarnett, kunflitt aħrax jinsab għaddej f’reġġjun qrib, bejn l-Iraq u l-Iran.

Miġburin hawn illum, qrib l-oqbra tal-martri ta’ Otranto, ejjew nimmeditaw war il-kliem tal-liturġija li jipproklama l-glorja tagħhom u l-qawwa tagħhom fis-saltna ta’ Alla: “Huma jiggvernaw in-nazzjonijiet, ikollhom il-poteri fuq il-popli u l-Mulej isaltan għal dejjem fuqhom”. Mela f’għaqda ma’ dawn il-martri, aħna nippreżentaw lil Alla uniku, lil Alla l-ħaj, lill-Missier tal-bnedmin kollha l-problemi tal-paċi fil-Lvant Nofsani u wkoll il-problema, li tant hija għażiża għalina, tal-avviċinament u tal-veru djalogu ma’ dawk li naqsmu magħhom -minkejja d-differenzi – il-fidi f’Alla wieħed, il-fidi miruta minn Abraham. L-ispirtu ta’ għaqda, ta’ rispett reċiproku u ta’ ftehim juri ruħu iktar qawwi minn dak li jifred u jikkuntrasta.

Il-Libanu, il-Palestina, l-Eġittu, il-peniżola arabika, il-Mesopotamja ilhom għal millenji jżommu ħajjin f’qalbhom l-għeruq ta’ tradizzjonijiet sagri għal kull wieħed mit-tliet gruppi reliġjużi, hemm ukoll, għal sekli, għexu flimkien fuq l-istess territorji l-komunitajiet insara, Lhud u iżlamiċi; f’dawk ir-reġġjuni, il-Knisja kattolika tiftaħar b’komunitajiet distinti għal antikità ta’ storja, vitalità, varjetà ta’ riti, karatteristiċi spiritwali propji.

Tiddomina għolja fuq din id-dinja kollha, bħala ċentru ideali, kaxxetta prezzjuża li tgħasses it-teżori tal-memorji l-iktar meqjuma, u hi hija nfisha l-ewwel fost dawn it-teżori, il-bejt ta’ Ġerusalem, illum oġġett ta’ disputa li tidher bla ebda soluzzjoni, għada –  jekk irridu! – għada  salib it-toroq ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi.

Iva, aħna nitolbu sabiex Ġesrusalem, minflok ma tkun bħallum, oġġett ta’ ġlied u ta’ firda, issir il-punt tal-laqgħa, li lejh inkomplu ndawru ħarsa tal-insara, tal-Lhud u tal-Musulmani, bħala l-propja dar komuni; li lejha nduru bħala aħwa, ħadd minna superjuri, ħadd minna midjun għall-oħrajn; li lejha jduru biex jiggwidaw il-passi tagħhom il-pellegrini, segwaċi ta’ Kristu, jew fidili tal-liġi Możajka, jew membri tal-komunità tal-Iżlam.

7.U issa l-ħsieb tagħna jdur mill-ġdid għal darba oħra lejn il-liturġija tal-martri. Aħna nħarsu bl-għajnejn tal-awtur tal-Apokalissi u naraw fiċ-ċimiterju kbir ta’ Otranto u, fl-istess ħin, fil-prospettiva tal-eterna Ġerusalem… naraw: “taħt l-altar l-erwieħ ta’ dawk li kienu nqatlu minħabba l-kelma ta’Alla u minħabba x-xhieda li kienu taw… U lil kull wieħed minnhom ingħatatlu libsa twila bajda, u qalulhom jistennew ftit ieħor, sa ma jintemm l-għadd tal-qaddejja sħabhom u ta’ ħuthom li bħalhom kienu se joqtluhom ” (Ap 6,9.11).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: