Lil Alla nobduh għax iħobbna mhux għax jikkastigana.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-Tielet Ħadd tar-Randan

Il-Ħadd, 7 ta’ Marzu 2021: Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlielet Ħadd tar-Randan fejn l-Arċisqof talab ukoll għall-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku fl-Iraq. Kappella tal-Bon Pastur, Ħal Balzan.

Dan l-episodju, li għadna kemm smajna, huwa episodju li nsibuh fl-erba’ Evanġelji. Mhux kollox li jkun hemm f’Evanġelju nsibuh f’evanġelju ieħor. Imma dan l-episodju ta’ meta Ġesù mar it-tempju u keċċa l-bejjiegħa tat-tempju, meta Ġesù jidher quddiemna pjuttost irrabjat, dan huwa inċident li tant impressjona lill-komunità tad-dixxipli, li mhux biss baqa’ jissemma imma f’kull komunità kien ukoll memorja ħajja ħafna.

Ġesù jeħodha kontra t-tempju bħala dar tan-negozju. Imma, tgħidu, dan mhux servizz li kienu qegħdin jagħmlu l-bejjiegħa tal-barrin u tal-għoġġiela u anke tan-nagħaġ u tal-mogħoż, biex dak li jkun ikun jista’ jixtri l-bhima u joffriha sagrifiċċju? Kien hemm ukoll dawk li jsarrfu l-flus, għaliex fit-tempju ma setgħux jidħlu muniti bix-xbihat pagani. Allura kien hemm min jieħu commission żgħira u  jagħti muniti li setgħu jingħataw imbagħad bħala offerta lit-tempju. Kien servizz.

Imma Ġesù donnu jeħodha kontra l-mentalità li t-tempju jsir il-post fejn inti tinnegozja ma’ Alla: jiena nagħtik sagrifiċċju u inti taqdini. Din hija xi ħaġa li wkoll insibuha fil-mod tagħna kif nirraġunaw ma’ Alla. Ngħaddi milli-eżami, nixgħellek xemgħa. Immur tajjeb fin-negozju u nieħu ħsieb il-foqra. Affarijiet tajbin dawn, imma Ġesù jixtieq isaffi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Meta għallimna nitolbu lil Alla Missierna, għallimna ngħidulu: “Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6:10).

U hu jitkellem fuq tempju ieħor meta l-awtoritajiet jgħidulu: “X’sinjal se tagħtina biex turina li inti għandek il-qawwa ssaffi, tnaddaf dan it-tempju li qed tgħid li sar suq, li sar dar tan-negozju?” (ara Ġw 2:18). Jitkellem fuq il-ġisem tiegħu: “Ħottu dan it-tempju u jiena fi tlitt ijiem nerġa’ nqajmu!” (Ġw 2:19). Kliem li f’dak il-mument ma fehmu ħadd. L-evanġelista San Ġwann jgħidilna li wara li qam mill-imwiet, id-dixxipli ftakru f’dan il-kliem ta’ Ġesù u fehmuh (ara Ġw 2:22) għax hu li ngħata, u aħna ħattejnieh – qtilnieh, reġa’ qam fit-tielet jum.

Il-vuċi ta’ Alla hija vuċi ta’ mħabba. Bnielna t-tempju li huwa Ġesù stess u aħna ħattejnieh

Għalhekk l-Appostlu Missierna jinsisti li dan il-proċess tat-tbatija f’Ġesù u l-qawmien tiegħu hija xi ħaġa li tista’ tkun tfixkel lil dak li jkun imma huwa l-għerf u l-qawwa ta’ Alla (ara 1Kor 1:22-24). Ir-reliġjon tagħna mhijiex it-tempju, sabiħ kemm hu sabiħ, mhuwiex din l-idea li jiena ninnegozja ma’ Alla: inkun tifel tajjeb u inti taqdini. Imma hija l-fidi, relazzjoni personali ma’ persuna – għalhekk personali – li huwa Ġesù. Li aħna  ħafna drabi ma nifhmux li fil-kelma tiegħu hemm għerf ta’ mħabba. L-evanġelista San Ġwann llum jgħidilna li Ġesù ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.

Ta’ min nixtarruha din il-kelma li jgħidilna l-evanġelista San Ġwann illum. Il-Mulej jaf minn xiex aħna magħġunin, jaf min aħna u għalhekk fl-Ewwel Qari smajna, bħalma nagħmlu fir-Randan, il-kelma ta’ ħelsien li jagħtina Alla. Meta jintroduċi dak li aħna nsejħulhom il-kmandamenti, hekk jibda: “Jien hu l-Mulej Alla tiegħek li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar” (Ġen 20:2).

Mela din il-liġi, għalkemm fiha n-negattiv: “La tagħmilx għalik suriet minquxa, la ssemmix l-isem tal-Mulej Alla tiegħek fix-xejn, la tisraqx, la toqtolx, la tiżnix” (ara Ġen 20:3-7), kollha jibdew b’negattiv imma huma għerf ta’ min jafna, jaf min xiex aħna magħġuna u jħobbna. U allura jagħtina din il-liġi li hija ħelsien mill-jasar.

Aħna llum lil ħutna li bdew il-mixja tal-magħmudija, se nagħmlulhom l-ewwel talba ta’ ħelsien. L-iskrutinju huwa t-talba tal-Knisja li lil dawn ħutna tibda teħlishom mill-jasar tal-ħażen u tad-dnub u tagħtihom il-qawwa li meta jisimgħu l-Kelma tal-Mulej, l-għerf ta’ min iħobbna u ta’ min jafna, huma jibdew jobduh għax iħobbuh.

Lil Alla ma tobdihx għax tibża’ minnu. Lil Alla ma tobdihx għaliex inkella se jikkastigak. Lil Alla tobdih għax iħobbok. Il-vuċi tiegħu hija vuċi ta’ mħabba. Bnielna t-tempju li huwa Ġesù stess u aħna ħattejnieh, m’għoġobniex li jsaffina mill-jasar tagħna, mill-mod kif inħarsu lejn Alla, imma Alla qajmu mill-imwiet.

Fil-mixja tar-Randan nitolbu lill-Mulej biex jagħtina dawl ħalli nifhmu kemm iħobbna, ħalli nifhmu li l-kelma tiegħu hija kelma ta’ libertà u meta nonqsu, ma naqtgħux qalbna, induru lejh, ngħidulu: ‘inti tafni, saffini u ħenn għalija’.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eż 20, 1-17
Salm: 18 (19), 8.9.10.11
Qari II: 1 Kor 1, 22-25
Evanġelju: Ġw 2, 13-25

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply