QUDDIESA GĦAS-SEMINARJU PONTIFIĊJU RUMAN.
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Kappella Pawlina, 14 ta’ Ottubru 1980
Għeżież seminaristi tas-seminarju Ruman maġġuri!
Nesprimilkom il-pjaċir pattern tiegħi għall-okkażjoni li hawn ilaqqgħuna: intom qegħdin tikkonkludu l-eżerċizzi spiritwali madwar l-altar tal-Mulej b’ċelebrazzjoni liturġika flimkien mal-Papa, l-Isqof tagħkom. Niżżikom ħajr tal-ferħ li qanqaltu fija; u naħsibkom disposti tajjeb biex tippenetraw f’ruħkom b’mod inkondizzjonat dawk l-illuminazzjonijiet u l-eżortazzjonijiet kollha, li f’dawn il-jiem ġewkom mill-Ispirtu Santu permezz tal-kelma tal-predikatur; nawguralkom għalhekk li tkunu tafu tittraduċu fil-prattika l-proposti opportuni għal iktar avanz fil-ħajja tal-perfezzjoni spiritwali, li għaliha l-Mulej qiegħed isejħilkom mhux biss bħala nsara, imma wkoll u fuq kollox bħala kandidati għas-saċerdozju.
Jekk għalija huwa dejjem mottiv ta’ ferħ u ta’ konsolazzjoni li niltaqà maż-żgħażagħ kollha, (u fil-vjaġġi tiegħi kollha qatt ma nonqos li nagħmel dan!) huwa ferm iktar li niltaqà magħkom iż-żgħażagħ seminaristi tad-dijoċesi tiegħi ta’ Ruma, li nħoss li nħobb daqs il-ħabbiet ta’ għajnejja, għaliex nara fikom il-kollaboraturi futuri tas-suċċessur ta’ Pietru fis-sedja Rumana. U dan il-ferħ, li nara jibbrilla wkoll f’għajnejkom u li jien naqsmu magħkom f’dan il-waqt liturġiku donnu jsib konferma sinifikattiva fil-kelma ta’ Alla, li għadha kemm ġiet imxandra. Infatti, fl-ewwel qari San Pawl iħeġġiġna biex inkunu “ferħana fit-tama” (Rm 12,12) u biex nifirħu “ma’ dawk li huma ferħana” (Rm 12,14). Is- salm responsorjali jindikalna l-għerq ta’ dawn is-sentimenti: “Fir-rieda tiegħek jinsab il-ferħ tiegħi” (Sal 118,16). Il-Vanġelu, fl-aħħarnett, bir-rakkont tal-parabbola tat-talenti, waqt li jesponina għall-użu ġeneruż tal-enerġiji kollha tagħna, jurina fl-istess ħin id-destinazzjoni finali, li hija l-kisba u l-konsumazzjoni tal-ferħ perfett: “Qaddej tajjeb u fidil,…ħu sehem fil-ferħ ta’ sidek” (cf. Mt 25,21-23).
Dan kollu jindika l-istil tal-ħajja, jgħid fuq kollox b’liema spirtu l-kandidat għas-saċerdozju għandu jieħu l-itinerarju spiritwali esiġenti tiegħu. Tali spirtu għandu juri ruħu fl-impenji differenti tal-ħajja ta’ kuljum, b’donazzjoni ferrieħa tiegħu nnifsu, magħmula minn ottimiżmu, minn entużjażmu u minn impuls biex jifhem aħjar illum l-aħbar ferriħija li intom imsejħa biex tgħixu fl-intimità ta’ ruħkom u tas-seminarju tagħkom, u biex għada ssemmgħu aħjar lill-poplu nisrani “il-ferħ li jkun salvat” (Sal 50,14).
Tali rikkezza nterna biss tagħtikom il-qawwa li twieġbu b’mod fidil għas-sejħa tant esiġenti, kif inhi dik saċerdotali, li ma twegħdkom xejn minn dak li din id-dinja tqis attraenti, anzi, il-kuntrarju. Titlobkom ġenerożità, rinnegament tagħkom infuskom, sagrifiċċju u, kultant ukoll eroiżmu. F’din il-viżjoni, l-istess ċelibat, li għal għajnejn id-dinja profana jistà jidher negattiv, isir espressjoni trasparenti ta’ mħabba unika, inkomparabbli u inestingwibbli lil Kristu u lill-erwieħ, li għalihom huwa jassikura disponibiltà totali fil-ministeru pastorali.
Jekk tkunu animati minn tali spirtu tkunu tafu tgħassu ruħkom minn ċerti forom ta’ mġieba vojta u sterili, b’tendenza iktar biex tifred u teqred, milli biex tibni u twassal għat-twettiq; issibu l-ħila li tagħrfu tissottomettu ruħkom kemm għad-dixxiplina meħtieġa u għall-ubbidjenza li tixraq lis-superjuri tagħkom, kif ukoll għall-mortifikazzjoni b’mod volontarju minmkom magħżula; tagħrfu tkunu, f’kelma waħda, deċiżi u għaqlin fil-kondotta morali, waqt li tagħtu lit-timbru tagħkom spiritwali tali enerġija ta’ fedeltà, li ma ġgagħlkomx iżżommu lura quddiem id-diffikultajiet, li b’mod inevitabbli jippreżentaw ruħhom fi triqtkom .
Uliedi l-iktar għeżież, iż-żmien tat-tħejija tagħkom għas-saċerdozju, se jippermettilkom li twettqu dan kollu, jekk se jkollom dan il-ferħ u, għalhekk, viżjoni diżinteressata tad-dmirijiet li hemm jistennewkom:għarfu tapprofittaw fuq kollox fit-talb u fil-meditazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa, biex dejjem ikollkom dik il-ħażna spiritwali li hija meħtieġa biex għada tiżvolġu l-missjoni li l-Knisja feħsiebha tafdalkom. “Approfittaw minn dawn is-snin tas-seminarju – bħal ma diġa għidt lis-seminaristi ta’ Guadalajara – biex timlew lilkom infuskom bl-istess sentimenti ta’ Kristu… Se taraw intom stess kif bi proporzjon ma’ kif timmatura l-voazzjoni tagħkom f’din l-iskola, ħajjitkom tassumi b’mod ferrieħ marka speċifika, indikazzjoni tassew ċara: l-orjentament lejn l-oħrajn… B’dan il-mod, dak li umanament jistà jidher rovina, jittrasforma ruħu fi proġett ta’ ħajja mdawwal, diġa eżaminat u approvat minn Ġesù: tgħixux biex tkunu moqdija, imma biex taqdu” (cf. Mt 20,28)” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II [1979] 303-304).
U issa, waqt li nippreżentaw lill-Missier l-offertà li se ssir il-ġisem u d-demm tal-Iben divin tiegħu, nitolbuh floimkien sabiex jiksbilna dawn il-grazzji kollha bl-interċessjoni tal-Verġni santissma, omm tal-fiduċja u patruna ċelesti tas-seminarju tagħkom. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb