QUDDIESA GĦALL-INAWGURAZZJONI TA-KAPPELLA EPISKOPALI UNGERIŻA FIL- GROTTI VATIKANI
Grotti Vatikani, 8 ta’ Ottubru 1980
Dicsertessek o Jesus Krisztus!
Sinjur Kardinal, meqjumin ħuti fl-Episkopat, illustri rappreżentanti tan-nazzjon Ungeriż, għeżież fidili.
Miġburin madwar l-altar tal-Mulej biex niċcelebraw is-sagrifiċċju ewkaristikiu, mhux faċli li nesprimi t-tqanqil ta’ dan il-waqt, intensament suġġestiv u mfawwar bit-tifkiriet, li jimmarka, b’ċertu sens, il-konklużjoni sollenni ta’ manifestazzjonijiet pluriċentinarji marbutin mal-jiem bikrin tal-Knisja fl-Ungerija u mal-oriġni tan-nazzjon Ungeriż.
1. Wara l-kommemorazzjoni tal-millenju tal-Knisja fl-Ungerija u tat-twelid u tal-magħmudija tas-sultan San Stiefnu, li l-predeċessur tiegħi Pawlu VI faħħar bl-ittra apostolika “Sancti Stephani ortum” tas-6 ta’ Awissu 1970, kien sollennement imfakkar, propju f’dawn il-jiem, l-anniversarju għaxar darbiet ċentinarju tat-twelid ts’ San Ġerardu, Isqof u martri.
Fit-tmiem ta’ deċennju, immarkat minn dati hekk sinifikattivi, l-inawgurazzjoni ta’ din il-kappella tassumi s-sinifikat ċar ta’ siġill u ta’ xhieda perpetwa li, ittrasfigurati mill-qawwa suġġestiva tal-arti, jindikaw lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri l-appell ma jaqtax tal-waqtiet storiċi, dejjem ħajjin fil-koxjenza nazzjonali u marbutin mal-idealitajiet profondi ta’ poplu, li l-konverżjoni tiegħu għal Kristu taħbat mal-bidu taċ-ċiviltà propja.
2. Waqt li nixtiequ napprofondixxu magħkom il-valur ta’ din l-inizjattiva monumentali, l-ewwel mottiv li jippreżenta ruħu għall-attenzjoni tagħna huwa dak ta’ qima ta’ devozzjoni lejn Sidtna tal-Ungerija, li kienet implorata b’mod kostanti mill-poplu, fis-sigħat l-iktar kruċjali tal-ħajja nazzjonali.
Minn mindu San Stiefnu afda l-kuruna sagra, simbolu meqjum fl-unità nazzjonali, u l-poplu kollu, għall-attenzjoni ta-Verġni santissma, sas-sigħat l-iktar dolorużi u nkwetanti tal-aħħar konflitt mondjali, qatt ma kien interrott il-kurrent ta’ talb fiduċjuż ta’ wlied l-Ungerija lejn dik li “bil-karità materna tagħha tieħu ħsieb lil ħut Binha li għadhom Pellegrini u mqiegħda f’nofs perikli u ansjetajiet ” (Lumen Gentium, 62).
3. Sinifikat ieħor evidenti ta’ din il-kappella mistika huwa bla dubju dak ta’ stqarrija ta’ fedeltà lis-suċċessur ta’ San Pietru. Id-don tagħha mill-Papa Pawlu VI ifakkar il-ġest ġeneruż u pastorali flimkien tal-Papa Silvestru II, li, fl-interess tiegħu lejn il-Knisja żagħżugħa Ungeriża, semà x-xewqa ta’ San Stiefnu li jkollu qrib il-qabar ta’ San Pietru oratorju nazzjonali u ospizju għall-pellegrini ta’ artu. L-għaqda ta’ fidi u ta’ dixxiplina mal-Papa Ruman tiġi ċċelebrata minn dan il-post sagru, li jibqà bħala sinjal tal-inseriment vitali tal-Knejjes lokali tal-Ungerija fil-komunità universali tal-Knisja ta’ Kristu.
4. Bil-waqfien, imbagħad, ta’ ħarsitna fuq l-iskulturi li, mill-ħitan laterali, jiffurmaw kuruna madwar l-istatwa l-kbira tal-Verġni u li jirrapreżentaw episodji tal-ħajja ta’ qaddisin u beati Ungeriżi, aħna mistiedna biex nirriflettu dwar l-opra mwettqa minnhom, bi qbil mal-mandat evanġeliku li naqdu lil ħutna, biex nelevaw il-kondizzjoni umana u soċjali ta’ poplu, li kien għadu fl-ewwel passi lejn kisbiet ta’ ċiviltà.
Quddiem tant eżempji ta’ qdusija li dawlu l-ewwel sekli tal-ħajja tal-poplu Ungeriż, toħroġ b’mod spontanju l-konsiderazzjoni li tali qbil erojku ma’ Kristu joħloq bnedmin konformi miegħu b’mod profond (cf. Rm 8,29), disponibbli għad-don totali tagħhom infushom, għall-affemazzjoni tal-ġustizzja, tal-libertà u tal-paċi. Infatti, kif jiddikjara l-Konċilju Vatikan II, “mill-qdusija huwa promoss u , ukoll fis-soċjetà terrena, livell ta’ ħajja iktar uman” (Lumen Gentium, 40) u l-fidi tonkuraġġixxi u titma l-progress ċivili awtentiku.
5. Ippermettuli konsiderazzjoni tal-aħħar. Mill-opra tal-qaddisin li fakkarna twieldet ċiviltà Ewropea bbażata fuq il-Vanġelu ta’ Kristu, u tqanqal ferment għal umaneżmu awtentiku, ispirat minn valuri perpetwi, waqt li ta l-għeruq, ukoll, lil opra ta’ promozzjoni ċivili bis-sinjal u r-rispett tal-primat tal-ispiritwali.
Il-prospettiva miftuħa dak iż-żmien mis-sodizza ta’ tali xhieda għadha attwali llum u tikkostitwixxi t-triq ewlenija biex tkompli tibni Ewropa paċifika, solidali, tassew umana, u biex tegħleb l-oppressjonijiet u l-kontrasti, li jheddu li jħarbtu s-serenità tal-individwi u tan-nazzjonijiet.
Nieħu pjaċir naħseb li din il-kappella prezzjuża u tant maħbuba tistà ssir ċenaklu ta’ talb u ta’ ispirazzjoni għall-insara u għall-bnedmin ta’ rieda tajba, mixtieqa li jkunu operaturi effikaċi tal-paċi f’Ewropa magħquda
6. B’dawn is-sentimenti, waqt li nesprimi lill-Kardinal primat il-grazzi tiegħi kordjali għall-kliem nobbli u affezzjonanti li għoġbu jindirizzali, nixtieq nindirizza lil kull wieħed minnkom, hawn preżenti, it-tislima benawguranti tiegħi, li trid tilħaq, permezz tat-triq silenzjuża u sikura tal-qalb, lil kull wieħed u waħda minn ulied l-Ungerija.
Lilhom nawgura li jkunu jafu jikkonservaw fedelment u li jkabbru dejjem iktar r-rikkezzi spiritwali tal-imgħoddi, u jigifieri il-patrimonju reliġjuż prezzjuż u l-imħabba ġeneruża lejn art twelidhom.
Insegwi l-wegħda tiegħi b’talba żelanti lill-“Magna Domina Hungarorum”, fiċ-ċertezza konfidenti li l-protezzjoni materna tagħha ma tiddiżappunta qatt l-istenniji mħeġġa tal-propja wliedha.
Bl-interċessjoni tagħha u b’dik tal-qaddisin kollha tagħkom, nitlob fuqkom, fuq il-familji tagħkom u fuq l-Ungerija kollha kemm hi l-abbundanza tal-barkiet divini.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.