Il-qalba tal-Ħajja Nisranija

Il-Ħadd, 14 ta’ Marzu 2021: Omelija tar-Raba’ Ħadd tar-Randan mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Parroċċa Balzan.                   

Il-qalba tal-Ħajja Nisranija 

Hemm sentenza fl-Evanġelju ta’ San Ġwann illum li baqgħet tissemma ħafna, u bir-raġun, għaliex tiġbor fiha l-iktar ħaġa essenjali tal-Aħbar it-Tajba. Ġesù jgħid lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.” U jkompli jispjega. Jgħid li Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, imma biex permezz tiegħu hi ssalva. Din tiġbor dak kollu li hu essenzjali għalina fl-Aħbar it-Tajba, dak li ftit ieħor, fl-għeluq tar-Randan, niċċelebraw b’mod speċjali.

San Pawl ukoll jgħidha din fl-Ittra tiegħu lill-Efesin: “Alla, għani fil-ħniena”, bis-saħħa tiegħu, bil-grazzja tiegħu li aħna salvati.

Niċċaraw dak li hu mċajpar

Għaliex hi importanti ħafna din is-sentenza li Ġesù qal lil Nikodemu?  Għaliex lilna tfakkarna min hu Alla: li Alla hu l-imħabba bla tmiem. U tgħinna ħafna fil-ħajja tagħna – għalhekk hemm bżonn li nerġgħu lura għal dan li qal Ġesù – biex aħna naraw li l-viżjoni tagħna ta’ Alla tkun tajba.

Kultant jiġri li jkollna ħsieb imċajpar fuq min hu Alla. Ġieli nkunu forsi ħadnieh minn biċċiet fit-Testment il-Qadim – għax hemm min baqa’ fit-Testment il-Qadim u ma għaddiex għall-Ġdid – u wieħed jieħu biċċa minn hawn u biċċa minn hemm; jew inkella mill-mentalità ta’ diversi nies u l-kultura ta’ madwar.

Għalhekk hemm min iħares lejn Alla bħala Alla li jbeżża’ u jieħu gost ibeżża’; bħala Alla li jfittex ix-xagħra fl-għaġina; bħala Alla li jitfa’ fuqna ħafna obbligi – agħmel hekk, tagħmilx hekk, trid tagħmel hekk bilfors; jew bħala Alla li ma jimpurtahx minna, tefagħna hawnhekk biex naqdu għal rasna. Ħsibijiet bħal dawn. Kultant titkellem ma’ xi ħadd li jgħidlek “jien ma nemminx f’Alla”, imma mbagħad meta tinżel aktar fil-fond tibda tinduna li l-alla li ma jemminx fih hu, lanqas aħna ma nemmnu fih, għax għandu mentalità mċajpra. Għalhekk hemm bżonn nerġgħu lura għal dan il-kliem ta’ Ġesù li jispjega b’mod sabiħ ħafna: Alla hu mħabba, hekk ħabb lid-dinja – il-kejl – li bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.

Ġesù l-wiċċ veru ta’ Alla mħabba

Aħna nistgħu naraw kemm dan hu veru, kemm l-imħabba ta’ Alla hi vera, mill-ħajja ta’ Ġesù, għax Ġesù hu l-wiċċ veru ta’ Alla. Meta naraw il-ħajja ta’ Ġesù bil-mod kif kien jistma kull persuna, kif kien jgħin, kif kien jagħmel il-ġid, kif lil min kien imwarrab ried iġibu viċin, anzi ried jersaq lejn min kien skartat fis-soċjetà – hemm għandna l-imħabba fil-prattika, hemm għandna xi tfisser li Alla hu mħabba. U sal-aħħar, sa fuq is-salib, meta ta lilu nnifsu kompletament, hemm għandna xi tfisser tassew li Alla hu mħabba.

Tolqtok ħafna kif  f’din l-istess silta, Ġesù jitkellem fuq meta bin il-bniedem “merfugħ” fuq is-salib. Il-kelma “merfugħ” għal Ġesù hija biss fuq is-salib meta qed jagħti lilu nnifsu b’salvazzjoni għalina lkoll, b’imħabba kbira sal-aħħar għalina lkoll. Mhux “merfugħ” għax jintrefa’ ’l fuq min-nies u għax jarahom dubbien, mhux merfugħ b’xi mod ieħor, imma merfugħ meta jagħti lilu nnifsu kompletament. Dan hu Alla li aħna nemmnu fih.

L-imħabba ta’ Alla tgħinna ngħixu fid-dawl

Tindunaw kemm fil-ħajja tagħna tagħmel differenza kbira meta aħna nħarsu lejn Alla bħala Alla li jħobbna. Għax aħna, billi maħluqin xbieha tiegħu, maħluqin bil-kapaċità li nħobbu u nkunu maħbuba. Mhux biss, imma wkoll li hemm insibu tassew il-milja tal-ħajja tagħna. Aħna jista’ jkollna diversi suċċessi fil-ħajja, u għandna naħdmu u nirsistu fil-ħajja għal diversi ħidmiet; imma dak li jimla ’l qalbna hi l-imħabba li aħna nirċievu u l-imħabba li aħna nagħtu. Hi fl-esperjenza tal-imħabba li aħna nħossu l-milja fil-ħajja tagħna.  Għalhekk, meta nafu li Alla jħobbna, diġà lilna jagħtina ħafna paċi u ħafna ferħ fil-ħajja tagħna. 

Li Alla jħobbna ma jfissirx li fil-ħajja niltaqgħu ma’ diversi affarijiet li kollha jkunu tajbin. Niltaqgħu ma’ ħafna ħażen, ħafna affarijiet ħżiena, fil-ħajja. Ġesù stess isemmi d-dawl u d-dlam fis-silta li smajna llum. Anzi jgħid li min jagħmel il-ħażin ma jersaqx lejn id-dawl biex għemilu ma jinkixifx. M’hemmx għalfejn inħarsu ’l bogħod ħafna biex naraw kemm dan il-kliem ta’ Ġesù hu veru. Aħna msejħin biex inkunu qrib tiegħu, fl-imħabba tiegħu, ħalli nagħrfu dak li hu dlam, dak li hu ħażin, u noqogħdu ’l bogħod minn dak li hu ħażin, ma nagħżlux dak li hu ħażin li jfixkilna milli nkunu fl-imħabba tiegħu.

Hu b’dal-mod li Ġesù jurina x’għandna nagħmlu. Il-kelma tiegħu hi frott tal-imħabba. Mhijiex xi obbligu biex ikollna aktar piżijiet fil-ħajja, imma hi għajnuna biex aħna ngħixu fl-imħabba tiegħu; biex ma nidħlux fid-dlam, biex ma nagħżlux dak li hu ħażin, li fl-aħħar mill-aħħar lilna jfixkel fil-ħajja tagħna, lilna jgħakkes, lilna jġibna lsira tal-ħażen.

Aħna strumenti tal-imħabba ta’ Alla

Is-sejħa li jagħmel il-Mulej lilna lkoll hija biex aħna nemmnu fl-imħabba tiegħu, nilqgħuha, u biex aħna mbagħad inkunu strumenti tal-imħabba tiegħu mal-oħrajn. Nafu li l-imħabba ta’ Alla taslilna fil-konkret fil-ħajja tagħna permezz ta’ diversi nies. U għalhekk f’qalbna għandu jkollna dejjem il-gratitudni lejn dak li Alla jagħtina permezz ta’ ħafna nies. L-imħabba li hu jurina u li taslilna permezz ta’ diversi nies, tfakkarna, tkun sinjal żgħir tal-imħabba kbira li Alla għandu għalina. Lilna wkoll Alla jagħmlilna sejħa biex aħna lkoll inkunu strumenti tal-imħabba tiegħu, biex ma’ kull min niltaqgħu nistgħu naqsmu l-imħabba li għandna f’qalbna, li Alla tahielna biex ngħadduha wkoll lill-oħrajn.

Tkun din it-talba li nagħmlulu llum f’din il-quddiesa: biex aħna dejjem nemmnu f’Alla li jħobbna, dejjem nimtlew b’din l-imħabba tiegħu, u nkunu nistgħu b’ħajjitna ngħadduha wkoll lill-oħrajn.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply