Titlifx it-Triq

Print Friendly, PDF & Email

Il-Kardinal Grech dwar is-Sinodi tal-Isqfijiet u Toroq Sinodali

Mario Grech qiegħed jgħin lill-Knisja Kattolika biex tikseb aktar sinodalità. F’Settembru 2020 huwa sar Segretarju Ġenerali tas-Sinodu Ruman tal-Isqfijiet. F’din l-intervista jitkellem dwar it-tagħlim sinodali u l-mixja sinodali fil-Ġermanja.

KNA: F’Ottubru 2022 il-Papa jixtieq ilaqqa’ sinodu dwar is-sinodalità. Int u t-tim tiegħek qed tħejju għalih. Fiex wasaltu?

Il-Kardinal Mario Grech (Segretarju Ġenerali tas-Sinodu Ruman tal-Isqfijiet):

Is-Sinodu diġà ġie pospost b’sena. Oriġinarjament kellu jsir din is-sena, iżda ġie pospost minħabba s-Sinodu tal-Amażonja. Imbagħad laħqitna l-pandemija. Biex inkunu onesti u ġusti, m’aħniex żguri jekk hux se jsir fl-2022. Sinodu, b’mod partikolari dwar is-sinodalità, jeħtieġ is-sehem ta’ grupp ikbar ta’ nies. Fiċ-ċirkostanzi jien nara li l-ħaġa hi pjuttost diffiċli.

KNA: Taħseb li għandek tissuġġerixxi lill-Papa biex jerġa’ jipposponi?

Grech: Jekk irridu bis-serjetà li ninvolvu aktar nies fit-tħejjija, iċ-ċirkostanzi ma jħallulniex għażla oħra ħlief li nikkunsidraw posponiment.

KNA: Il-Papa Franġisku saħaq għal iktar minn darba: “Sinodu mhuwiex xi parlament, u s-sinodalità mhijiex demokrazija”. Allura x’inhi eżattament is-sinodalità?

Grech: Is-sinodalità hija għodda fil-Knisja li tgħinna nagħrfu r-rieda ta’ Alla. Hija esperjenza eżawrjenti ħafna u impenjattiva. Int trid tisma’ b’attenzjoni kbira – mhux biss x’qed jgħidu n-nies, imma wkoll x’qed jgħid l-Ispirtu s-Santu. U hu jitkellem mhux biss permezz tal-isqfijiet, iżda wkoll permezz tal-poplu ta’ Alla.

KNA: U kif nagħraf dak li jgħiduli n-nies minn dak li jgħidli l-Ispirtu s-Santu?

Grech: Permezz ta’ dixxerniment spiritwali f’attitudni ta’ talb. Ma nistgħux nifhmu x’inhu sinodu, x’inhu proċess sinodali, mingħajr ma jkollna kunċett teoloġiku bażiku. Nassumi li dawk kollha li huma interessati f’esperjenza sinodali jafu: hawn għandna f’idejna ħwejjeġ qaddisa, qed nittrattaw mal-Ispirtu s-Santu u ma’ dak li jrid jgħid lill-Knisja llum. Imbagħad hemm Pietru fil-Knisja – jiġifieri l-Papa. Dan jista’ jgħidilna jekk id-dixxerniment spiritwali tagħna huwiex tajjeb jew le.

KNA: Bħalissa għaddejjin sinodi jew proċessi sinodali f’diversi postijiet madwar id-dinja. Liema minnhom taf bihom?

Grech: Ngħidu aħna, bħalissa fl-Italja hemm erba’ djoċesijiet li diġà qegħdin jiċċelebraw sinodu. Fl-Irlanda l-Konferenza tal-Isqfijiet hija interessata li tibda proċess sinodali. Diġà kellna laqgħa onlajn dwar dan. Fil-Knisja Kattolika fl-Awstralja, għalkemm m’hemm l-ebda sinodu għaddej, biss hemm konċilju plenarju bl-istess ħsieb; fil-fatt reċentement ġie ppubblikat id-dokument ta’ ħidma. Imbagħad hemm l-inizjattiva Ġermaniża. Dan kollu huwa mument pożittiv għall-Knisja.

KNA: Int għedt li s-Segretarjat tiegħek jappoġġja u jgħaqqad dawn l-inizjattivi. Ma’ min għamilt kuntatt? U saru xi stediniet?

Grech: Fil-bidu tas-servizz tiegħi ktibt ittra lill-isqfijiet kollha li fiha offrejtilhom li s-Segretarjat tagħna kien se jappoġġjahom u jakkumpanjahom. Irċevejt xi tweġibiet interessanti – fosthom minn Hong Kong, mill-Indja u xi oħrajn.

KNA: Is-Sibt li għadda l-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Taljani ltaqa’ mal-Papa biex jippreżentalu l-abbozz tagħhom ta’ proċess sinodali. Tkellimt mal-Kardinal Gualtiero Bassetti u mal-oħrajn?

Grech: Le, sirt naf b’din il-laqgħa mill-midja.

KNA: Il-Papa Franġisku kellu jħeġġeġ lill-Isqfijiet Taljani sabiex ikunu jistgħu jibdew proċess sinodali. Il-Knisja Kattolika fil-Ġermanja, li bdiet waħedha sentejn ilu, hija pjuttost suspettuża għall-Papa. Jaqaw Ruma ma tkunx kuntenta meta l-knejjes lokali jieħdu l-inizjattiva huma stess?

Grech: Ma naħsibx li Ruma ma tkunx kuntenta. Aħna qegħdin hawn biex ngħinu, nappoġġjaw lill-Papa f’tali proċess. Naturalment, kull każ irridu narawh għalih. Hemm dawk li għandhom bżonn min iħeġġiġhom biex jagħmlu pass ʼil quddiem u hemm dawk li għandhom bżonn min ifakkarhom joqogħdu attenti. Mhux għax xi ħadd irid jillimita l-libertà tagħna, imma biex jgħinna ma nitbegħdux mit-triq.

KNA: Allura hemm ċerta riserva dwar il-Mixja Sinodali fil-Ġermanja?

Grech: Mhux li naf biha jien. Anzi, iltqajt mal-mexxejja tal-Konferenza tal-Isqfijiet Ġermaniżi s-sena l-oħra – laqgħa interessanti ħafna. Mill-aħbarijiet li waslulna sirt naf li l-Isqof Bätzing irid jiġi Ruma għal aktar laqgħat. Fil-laqgħa ta’ dakinhar kien stedinna; u aħna għednielu li konna lesti li niġu. Milli jidher dan l-aħħar huwa ġedded din l-istedina. Allura r-relazzjonijiet huma tajbin.

KNA: Allura qed tippjana li tmur il-Ġermanja għal-laqgħa tal-Mixja Sinodali fil-ħarifa?

Grech: S’issa għadni ma rċevejtx stedina formali.

KNA: Taħseb li hemm bżonn stedina?

Grech: Ħa ngħidlek, hekk naħseb. Imma kif ġa għidtlek, jien disponibbli. Hija s-sejħa u d-dmir tiegħi li nappoġġja lil ħuti l-isqfijiet f’dawn l-affarijiet. Jiena nikkunsidra b’mod pożittiv kull stedina li tasalli.

KNA: Wara l-ħatra ta’ Swor Nathalie Becquart bħala s-Sottosegretarja l-ġdida tas-Segretarjat Ġenerali, int ikkonfermajt li hi żgur li se jkollha vot fis-sinodu li jmiss. Dan ifisser li “nfetaħ bieb” u li fil-ġejjieni jista’ jkun hemm “passi oħrajn”. X’se jkunu dawn?

Grech: Parteċipazzjoni akbar ta’ lajċi anki f’livell ta’ awtorità ogħla bħalma hi dik tagħna, jew fis-sinodu nnifsu, kif ukoll fil-proċess sinodali. Dan kollu ma jintemmx bis-Sinodu. Nittama li jkun hemm iktar spazju għal lajċi, speċjalment għan-nisa, biex ikunu jistgħu jagħtu sehemhom.

KNA: Imma dan ma jbiddilx il-karattru tas-Sinodu tal-Isqfijiet?

Grech: Sinodu tal-Isqfijiet huwa sinodu tal-isqfijiet, filwaqt li s-sinodalità hija kunċett usa’ minn hekk. Jeħtiġilna naħsbu aktar dwar dan!

L-intervista saret minn Roland Juchem.

https://www.katholisch.de/artikel/29052-kardinal-grech-wuerde-zum-synodalen-weg-nach-deutschland-kommen

(KNA)

miġjuba għall-Malti minn Fr Roy Galdes

%d bloggers like this: